11 minute read

Il-Professur Oliver Friggieri

Li nsejħu ismek, Pietru, ikun biżżejjed

Il-Professur Oliver Friggieri u r-rabta mas-Soċjetà tagħna:

Advertisement

Riflessjonijiet u Analoġiji f’dik l-ewwel laqgħa li kelli miegħu. Josef Schembri

Introduzzjoni

Il-Professur Oliver Friggieri ħalliena fil-21 ta’ Novembru 2020. Il-funeral statali tiegħu sar nhar il-25 ta’ Novembru 2020 f’Jum il-festa ta’ Santa Katarina ta’ Lixandra, patruna tal-filosfi. Il-kitbiet ta’ Friggieri huma tabilħaqq ħafna minnhom filosofali. Is-Soċjetà tagħna rabtet isimha ma’ dan il-poeta, kittieb u wieħed mill-missirijiet talletteratura Maltija permezz tal-innu ‘Inħobbuk Bħalma Niesna Ħabbewk’¸ liema innu hu kitbilna l-lirika tiegħu fissena 2009. L-innu stess jieħu ismu minn wieħed mill-versi ta’ dan l-istess innu. Il-lirika u l-innu mmużikat minn Mro. Ray Sciberras, surmast onorarju tas-Soċjetà tagħna sar fuq kummissjoni tiegħi stess fis-sena 2009 meta l-vara titulari attwali għalqet 50 sena minn mindu rifset għallewwel darba art Birżebbuġa fl-1959.

Il-Professur Oliver Friggieri u Mro Ray Sciberras, l-awtur u l-kompozitur tal-innu Inħobbuk Bħalma Niesna Ħabbewk.

L-idea tiegħi dwar din il-kitba li se nagħmel mhijiex eżatt biex nitkellem fuq l-innu li semmejt, għalkemm ma nistax niċħad li l-pont li jgħaqqad lili mal-Profs. Oliver Friggieri u dan il-poeta mas-Soċjetà tagħna huwa appuntu l-innu stess. Madankollu mhux il-ħsieb tiegħi li nikteb l-istorja ta’ dan l-innu. Għall-istorja ta’ dan l-innu forsi nikteb xi ħaġa apparti fis-snin futuri, però nixtieq ngħid li waħda mill-affarijiet li xtaqt li dan l-innu jiġi rrekordjat fis-CD li l-banda tagħna kienet ħarġet fl2009, u li jien tant insistejt li jindaqq bit-tliet repliki u bit-tliet stanzi, kif appuntu huwa miktub, kien għaliex waħda mill-kelmiet li kont tajt lill-Profs. Oliver Friggieri kien li nirregalalu s-CD tal-banda bl-innu kantat sħiħ blistanzi kollha kif kien kitibhuli hu. Ara kif jien qatt stajt immur quddiem dan il-bniedem bl-innu kantat biss blewwel żewġ stanzi wara x-xogħol sabiħ li kitbilna u li għalih, minkejja li offrejtlu ħlas, ma żammli lanqas ċenteżmu wieħed?

Meta dħalt biex nikkummissjona dan l-innu, issurmast Sciberras qalli biex insib poeta għal-lirika. Nammetti li l-Profs. Friggieri lanqas biss kien fil-lista tiegħi. Kienet l-impressjoni tiegħi li l-Professur Friggieri, lettur u akkademiku kbir fl-Università ta’ Malta żgur li ma kienx se joqgħod jinħela miegħi. Ikkuntattjajt diversi kittieba awtorevoli imma kollha kienu impenjati. Imbagħad waqt li kont qed naħseb, għidt “Jien wara kollox billi nipprova u nistaqsi lil Professur Oliver Friggieri x’se nitlef? Mhux flus kont se nħallsu bħal ħaddieħor?” Minn hawn u minn hemm kont ikkuntattjajt lill-Profs. Friggieri u niftakar li kien qalli biex immur nitkellem miegħu dakinhar tad-Duluri tas-sena 2009 li skont il-kalkoli li għamilt dan kien nhar il-Ġimgħa 3 t’April 2009. Miegħi kien ġie wkoll Tarcisio Bongailas, partitarju tas-Soċjetà tagħna li kien jieħu interess kemm fil-banda, kemm fil-mużika u tista’ tgħid f’kull aspett talfesta.

Meta jien u s-Sur Tarciso dħalna fir-residenza talProfessur Friggieri li kellu fi Fleur-de-Lys, eżatt faċċata tad-dar tal-Kleru ta’ Birkirkara, ġiet tilqagħna l-mara tiegħu u l-kelba. Din il-kelba żgħira, xi Yorkshire terrier milli niftakar, tgħidx kemm kienet tal-għassa għax ma ngħidilkomx kemm nebħitilna u anke ttantat tagħti s-salt lejn saqajna. Meta ġie l-Professur, stedinna nidħlu fissalott u hemmhekk kellna diskursata twila miegħu. Fuq l-innu nnifsu, nikkalkula li ma tkellimniex iktar minn kwarta ħin. Għall-Professur Oliver Friggieri, il-kitba ta’ innu fil-forma poetika kienet xi ħaġa li tagħtih mistrieħ u gost, altru milli nkwiet żejjed u ħsibijiet żejda fuq rasu. Allura, fil-kumplament tal-ħin li qattajna flimkien ma stajtx ma ninnotax il-ġenju u l-filosofija f’dan ilbniedem umli imma kbir. Hija fuq din id-diskursata li se niddedika l-kumplament ta’ din il-kitba u fuq l-iktar partijiet saljenti tagħha. Tifhmu li minn dakinhar sal-lum għaddew tlettax-il sena u għalhekk ifisser li jekk xi ħaġa bqajt niftakarha dan għaliex il-veru baqgħet impressa ġo moħħi.

Isem Bir-żebbuġa

Meta staqsiena minn fejn konna dlonk għidtlu li aħna konna minn Birżebbuġa. “Iva iva, bilħaqq għax kont insejt. Għandkom isem Malti qed ninnota, ara, bir u żebbuġa”. Għal Friggieri dak li kien Malti kien sagru, allura kien jieħu pjaċir meta jara l-lingwa Maltija mħaddma f’kull settur. Minn hemmhekk telqet tellieqa dwar l-għeruq ta’ isem raħalna: “Tgħid għall-bjar tażżejt taż-żebbuġa jew għall-kelma Bur li tfisser medda art taż-żebbuġ? It-tnejn plawżibbli” Li hu żgur huwa li isem raħalna huwa assoċjat kemm mas-siġra taż-

żebbuġ u kemm għaż-żejt taż-żebbuġa. Bħalna hawn iż-Żejtun u Ħaż-Żebbuġ. Hu x’inhu isem raħalna kien bil-bosta għal qalb il-Professur Friggieri għax bil-Malti u msemmi għall-industrija antika taż-żejt.

Il-Professur Oliver Friggieri u Birżebbuġa: mhux eżatt destinazzjoni popolari għalih

Waħda mill-affarijiet li baqgħet impressa ħafna f’moħħi kienet meta qalli li f’ħajtu huwa kien forsi żar lil Birżebbuġa xi ħames darbiet biss. Kien qalli li kien żarha biss għax meta kien għarus mal-mara tiegħu kienu jżuru xi familja kunjomha Felice li kienu ħbieb tal-mara tiegħu. Dawn kienu joqogħdu x’imkien fil-Bajja s-Sabiħa, fejn il-każin tal-Labour kien qalli u dlonk staqsejtu liema wieħed, għax jien niftakar sew li fis-snin tmenin kien hemm żewġ każini tal-Partit Laburista: ilkbir, l-istess wieħed li hemm illum kantuniera ma’ Triq il-Knisja u l-ieħor iż-żgħir li kien eżatt fil-kantuniera fejn sa ftit snin ilu kien hemm id-De Piero bar. Iktar minn hekk, il-Professur ma qalx li kien żar iktar ir-raħal tagħna minn dakinhar ’l hawn. Fuq il-familja Felice ma tantx qisu seta’ jgħidli aktar, probabilment prova oħra ta’ kemm ma żarx iktar lil Birżebbuġa.

Fuq dan il-ħsieb però, għad li jien diġà kelli xi perċezzjoni, irrealizzajt kemm għal ħafna nies, Birżebbuġa hija ’l bogħod, u għad li fis-Sajf iżuruna ħafna nies, hawn ħafna nies li lil Birżebbuġa jsibuha mbiegħda u għalhekk rari tkun ta’ destinazzjoni jew parti mid-destinazzjoni fit-traġitt tagħhom. Din ir-realtà għandha ġġegħelna nirriflettu għax jekk il-pożizzjoni ġeografika tagħna diġà qed tpoġġina fi żvantaġġ, allura rridu veru nagħmlu sforz ikbar biex nagħtu lin-nies kollha ta’ Malta raġuni vera biex jiġu jżuruna u jirrispettawna. Post mitluq, post imwarrab u skartat qatt ma jista’ jiġi rispettat. X’jista’ jsir biex raħalna jakkwista aktar popolarità? X’jista’ jsir biex inpattu u nikkumpensaw għall-pożizzjoni ġeografika tagħna? Jekk nieħdu l-festa titulari, li ssir fl-aqwa tas-Sajf, kemm qed naħsbu li qed niġbdu dilettanti lejn Birżebbuġa? Taħsbu li d-dilettanti kollha ta’ Malta qed jinżlu għall-festa tagħna? X’raġuni qed nagħtuhom lid-dilettanti biex jinżlu jaraw il-festa tagħna? X’qed isir ġdid biex kull sena naraw aktar nies u dilettanti jinżlu Birżebbuġa għall-festa tagħna?

Malta ssalva ruħha biss jekk in-nies jaħdmu favur raħal jew belt twelidhom

Fid-diskursata li kellna, wieħed mill-kumment li għamilt mal-Professur Friggieri kienet: “Profs. jien nemmen illi Malta kulturali tista’ ssalva ruħha biss meta n-nies jagħrfu l-importanza li wieħed jaħdem u jirsisti għal raħal twelidu l-ewwel; li wieħed jibda billi japprezza l-folklor, it-tradizzjonijiet, l-ambjent storiku u ġrajjiet li jkunu sawru l-identità ta’ dik il-lokalità; u mbagħad jifhem u jaqbeż għad-drittijiet tar-raħal tiegħu kemm mal-istat u kemm mal-knisja. Malta ssalva ruħha biss bil-ħidma kollettiva tan-nies li jgħixu f’kull raħal”. Niftakar jgħidli “Prosit, għadek kif għaddejt kumment tajjeb ħafna li forsi għalina jidher ovju, imma ibqa’ ċert li għal ħafna nies dan mhuwiex ovvju.” Biex in-nies jibdew jaħdmu favur il-belt jew raħal twelidhom jeħtieġ li dan is-sense of belonging jibda jitrawwem sa minn meta t-tfal ikunu għadhom żgħar, minn ċkunithom. Illum dan is-sense of belonging mhux qed jiġi trażmess biżżejjed. Donnu sirna naraw kollox żejjed. Donnu jimpurtana biss mill-ħajja personali tagħna biss. Dak li writna qed narmuh bl-iskuża tal-moderniżmu. Xi kultant ninsew kemm missirijietna kienu aktar bilgħaqal minnha u ħafna minn dak li nammiraw u jolqot l-għajn illum huwa biss frott il-ħidma tagħhom illi għamluh b’serjetà u b’qalb lejn l-identità tagħhom. Ninsew ukoll kemm fil-faqar ta’ missirijietna dawn issuperaw lilhom infushom u rnexxielhom jibnu monumenti, knejjes u kkummissjonaw arti kbira għand l-aqwa artisti flEwropa, liema teżori llum huma imprezzabbli.

“Birżebbuġa, tridu taħdmu iktar għaliha”

Mument minnhom, hekk f’ħabta u sabta, waqt li kien qed imelles il-kelba fuqu biex forsi tieqaf tinbaħ, kien qalilna “Birżebbuġa, Birżebbuġa, tridu taħdmu iktar għaliha”. Ma stajtx niċħad dak li beda jgħid. Birżebbuġa għandha bżonn min jaħdem għaliha. Kien statement li żgur kien jgħodd għal dak iż-żmien u huwa statement li għadu jgħodd sal-lum ukoll. Minħabba li Birżebbuġa hija kbira u magħmula min-nies li ġew minn barra, għad hawn ċerta bruda. Familji u razez antiki li jsawru l-istorja ta’ Birżebbuġa hawn ukoll imma mhux dejjem jintwera interess lanqas minn dawn. Tassew ħasra. Il-problema hija li hawn ħafna qtigħ ta’ qalb. Ħafna nies ma jarawx l-appoġġ ta’ min imexxi, allura maż-żmien kollox jindara u kulħadd jaqta’ qalbu.

Din is-sena rajna xi ċaqliq, speċjalment fil-kwistjoni ta’ Wied Żnuber. Kien hemm bosta nies minn Birżebbuġa li ngħaqdu flimkien u pprotestaw kontra l-iżvilupp industrijali li jista’ jeqred dan il-wirt f’raħalna. Niftakar li anke meta l-gvern darba kien ħabbar li kien se jagħmel miżbla f’Bengħisa, ħafna kienu dawk li ngħaqdu flimkien biex jipprotestaw. Mil-lat ta’ ambjent, Birżebbuġa tinsab f’theddida kontinwa. Donnu ma kienx biżżejjed li qridna diġà ħafna mis-sabiħ ta’ dan ir-raħal tagħna. Il-bajjiet ta’ Birżebbuġa kienu fost l-isbaħ f’Malta. Illum kulma tara qiegħ mejjet. Daqshekk klamar, siċċ, qarnit, murini u kull xorta ta’ ħut ieħor. Tinżel Birżebbuġa u minflok ilbajjiet sbieħ li kont tara f’Kalafrana, illum tara krejnijiet ġganteski li jkerrħu l-veduta kollha.

Mhux ta’ b’xejn li l-Professur Friggieri kien qalli li Birżebbuġa kien tassew jeħtiġilha nies li jaħdmu għaliha: “Biex taħdem għal raħal twelidek, l-ewwel nett trid tkun bniedem umli, umli tassew u ġenwin. Trid tirrispetta lil għajrek, liċ-ċittadini kollha tar-raħal. Trid tifhem, tiżen u tempatizza ma’ kulħadd. Ma tridx ixxammar imnieħrek u tipprova togħla fuq l-oħrajn b’disprezz u klassiżmu lejn in-nies l-oħra. Trid tinfatam mill-egoiżmu, mill-glorji personali, minn moraliżmu sfaċċatament falz, li mhux veru jkun hemm. Fuq kollox trid tinfatam minn kull kulur u maktur. Ir-raħal l-ewwel, qabel kollox, qabel l-interessi tiegħek, qabel lilek innifsek.” Kien jaf x’inhu jgħid. Kien jaf x’ried ifisser.

Birżebbuġa fejn tassew jeħtiġilha għajnuna? Jekk dik hija s-sitwazzjoni fl-ambjent, l-istess nistgħu ngħidu għall-folklor u l-festa titulari. Fejn jidħol folklor, il-Karnival qed jerġa’ jingħata spinta, mentri fil-Milied, bis-saħħa ta’ voluntiera qalbiena qed nagħmlu isem ma’ Malta blattività ‘Milied fil-Pjazza’. F’dik li hi ‘Ġimgħa Mqaddsa’ naħseb li jista’ jsir ferm iktar mentri għall-festa titulari,

kull meta titkellem mad-dilettanti kbar ta’ Birżebbuġa, nies involuti sew fil-festa, jgħidulek li jinsabu verament imħassba li ’l quddiem il-festa tagħna għad tispiċċa fixxejn jekk mhux se jitilgħu żgħażagħ verament dilettanti, żgħażagħ li jduru u jaraw x’inhu jsir f’postijiet oħra u jġibu lura magħhom dak li hu tajjeb. Hemm sezzjonijiet fil-festa tagħna li qegħdin f’periklu kbir. Insemmi l-armar ta’ barra fejn id-dilettanti huma veru ftit għax-xogħol kbir li hemm. Il-problema ewlenija hija li mhumiex telgħin żgħażagħ dilettanti. Fil-knisja rridu nirringrazzjaw lill-Perit Schembri li jagħti kulma jista’ għall-armar ta’ ġewwa fil-jiem tal-festa u anke matul is-sena. Hemm affarijiet imbagħad li jridu jiġu mill-parroċċa stess. Ilknisja tagħna minn ġewwa tixraq li jew tiġi invjata jew miżbugħa. Kulħadd għandu għajnejh f’wiċċu. Il-ħitan u l-kolonni tal-knisja għandhom bżonn dawra mejt biex l-estetika tat-tempju tagħna tiġi ’l quddiem. Ma nistax ma nsemmix il-knisja u ma nsemmix il-funzjonijiet. Dawn l-aħħar snin rajna titjib kemm fis-servizz u l-kant liturġiku. Ma ninsewx li b’deċiżjonijiet żbaljati li saru fil-passat, ġenerazzjonijiet sħaħ ġew imċaħħda millfunzjonijiet li darba kienu jsiru fil-knisja tagħna. Aħna t-tfal u l-irġiel tal-lum, għall-kuntrarju ta’ missirijietna qatt ma kellna ċ-ċans li nisimgħu quddiesa, pontifikal jew funzjoni bil-mużika tas-surmast kbir Carlo Diacono, liema mużika xi darba kienet tidwi b’qawwa kbira fil-knisja ta’ Birżebbuġa. Bl-ebda mod ma rrid nimminimizza x-xogħol kbir li qed isir mill-kor attwali biex jipprovdielna animazzjoni tajba, imma l-verità hija li Birżebbuġa tilfet tradizzjoni, tilfet parti mill-identità tagħha minħabba deċiżjoni ta’ individwu. Sta għalina li nleħħnu dawn il-preokupazzjonijiet. Ħadd ħliefna ma jista’ jitkellem għalina. In-nies barranin żgur mhux se jitkellmu għalina. L-ebda barrani, hu min hu, mhu se jitkellem fl-aħjar interess tal-parroċċa, tal-festa u ta’ Birżebbuġa nfisha. Nistgħu nagħlqu għajnejna wkoll. Faċli ħafna. Aktar faċli li wieħed jagħlaq għajnejh milli wieħed jitkellem u jġib lin-nies konxji minn dak li qed isir u minn dak li qed nitilfu. Għalhekk dlonk nerġa’ nisma’ f’widnejja kliem il-Professur Oliver Friggieri: “Birżebbuġa tridu taħdmu aktar għaliha”.

Konklużjoni

F’dan l-artiklu ppruvajt nislet ftit mill-affarijiet li kien kellimni dwarhom il-Professur Oliver Friggieri fuq Birżebbuġa. Għad illi l-laqgħa li kelli miegħu kienet dwar il-lirika tal-innu ‘Inħobbuk Bħalma Niesna Ħabbewk’, parti kbira mid-djalogu li kellna bejnietna kien fuq ilkultura Nazzjonali Maltija u Birżebbuġa. Il-Professur Oliver Friggieri kien bniedem viżjunarju, kien bniedem li jħobb il-kultura Maltija mill-qiegħ nett. L-aspett popolari għalih kien iktar importanti mill-arti u l-kultura elitista. IlProfessur Friggieri huwa wild ir-raħal Malti. Imwieled ilFurjana, kien iżomm bi sħiħ din l-identità. Għall-Furjana u għall-isem tagħha kien jagħmel minn kollox. Le, dan mhuwiex parrokkjaliżmu. Tabbużawx minn dik il-kelma. Tgħajrux lin-nies għax ikunu jħobbu l-għeruq tagħhom. Il-Professur Friggieri huwa eżempju ċar tal-imħabba li wieħed juri lejn ir-raħal tiegħu. Lill-Furjana, il-Professur Friggieri taha diversi xogħlijiet iddedikati għaliha. Biss biss insemmu l-oratorju ‘Ħodon Fjuri lil San Publju” li ġie mmużikat għall-orkestra minn Mro Ray Sciberras. Ta’ min jgħid però li l-ewwel xogħol bejn dawn iż-żewġ ġganti kien l-innu tagħna ‘Inħobbuk Bħalma Niesna Ħabbewk’. Allura meta tisma’ dan il-kliem li ġej minn ilsien il-Professur Oliver Friggieri, wild raħal Malti, u hu stess jiftaħar li hu wild raħal Malti u li għall-istess raħal għandu mħabba kbira, iktar speċjali, bilfors li l-kliem li qalli matul dik l-ewwel laqgħa, tagħmel teżor minnu u tagħmlu għajn ta’ tagħlim.

Imbagħad beda jagħfas il-ħin. Jien ittawwalt lejn l-arloġġ u għidtlu “Profs. se jkollna mmorru għax qed isir il-ħin”. Qalli: “Mhux għax irrid inkeċċikom imma llum għalija ġurnata speċjali. Illum f’Malta jsir l-ikbar u l-isbaħ Mass Meeting, dak tal-Madonna tad-Duluri, u jien u l-mara rridu nlestu sabiex immorru nitolbu warajha”. Fis tlaqna u ħallejna lill-Professur Friggieri waħdu malmara tiegħu u l-kelba li ma waqfitx tinbaħ bil-Professur isikkitha u jwiddibha. Wara dik l-ewwel laqgħa, kont iltqajt miegħu xi darbtejn oħra, fejn kien urieni wkoll xi wħud mix-xogħlijiet kbar li kien għamel u li ġew maqluba għal ħafna lingwi oħra. Kien ukoll newwilli f’idejja l-manuskritt bil-lirika tal-innu, xi ħaġa li għadni ngħożż sal-lum, lirika mill-isbaħ, profonda. Jekk din l-esperjenza kienet għal diversi drabi weġgħa kbira ta’ qalb għalija, jekk xejn, dawn il-laqgħat servew ta’ għajn ta’ tagħlim u ispirazzjoni kbira.

This article is from: