7 minute read

Nekroloġija

Li nsejħu ismek, Pietru, ikun biżżejjed

Is-Soċjetà Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa turi sogħba

Advertisement

mal-qraba ta’ dawn il-membri li ħallewna matul dawn l-aħħar sentejn u tiftakar fil-mejtin kollha, speċjalment minn Birżebbuġa li ħallew din id-dinja u ngħaqdu mal-Mulej minn ħdejn il-patrun tagħna, San Pietru Appostlu

Stephanie Buhagiar President u Bandist Onorarju

Il-Bord Editorjali jirringrazzja lis-solista talBanda Birżebbuġa, Francesco Barbara talgħajnuna li tana sabiex seta’ jinkiteb dan l-artiklu ta’ tislima

Stephanie Buhagiar, xebba Barbara twieldet f’Birżebbuġa fis-27 ta’ Mejju 1981, it-tifla l-kbira ta’ Lorry u Doris Barbara. Kellha żewġ ħutha, Clare u Francesco.

Sa mit-twaqqif tagħha, isSinjura Stephanie Buhagiar, xebba Barbara kienet attiva fi ħdan isSoċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa. Bdiet titgħallem il-mużika ta’ età ċkejkna u wara tliet snin ingħaqdet mal-Banda Birżebbuġa bħala bandista tal-post. Servizz li jgħodd kważi 30 sena mingħajr ebda interess personali! Barra minn hekk kienet parti attiva mis-Sezzjoni Banda u fiha okkupat il-kariga ta’ Chairperson, u għal ħafna snin kienet ukoll Delegata tal-Banda. F’dan iż-żmien hija bniet relazzjoni tajba ma’ diversi mużiċisti madwar Malta. Hija kienet strumentali f’diversi proġetti talbanda, fosthom safar bil-banda u akkademji mużikali. It-tagħlim tassolfeġġ lill-bandisti ġodda wkoll kien parti minn dak li kienet tagħmel fisSoċjetà mingħajr ebda daqq ta’ trombi għal ħafna snin. Hija kienet ukoll il-moħħ wara l-bidu tal-Kunċert talMilied, illi serva sabiex l-allievi tas-Soċjetà jingħataw l-ewwel ċans idoqqu fil-pubbliku.

Fl-ewwel snin tal-każin, is-Sinjura Buhagiar kienet ukoll tifforma parti mis-Sezzjoni Żgħażagħ għal diversi snin u dejjem ghenet f’attivitajiet organizzati millkażin għall-benefiċċju finanzjarju u soċjali tas-Soċjetà. Kemm-il darba, anke fid-dar tagħha baqgħet taħdem u tipprepara għal bosta ħtiġijiet tal-każin, fosthom libretti mużikali, ħidma ta’ liedna, brim tal-karti tan-nar, ikel għal xi attivitajiet u xogħol amministrattiv. Kienet anke medjatur bejn diversi persuni fil-każin waqt diżgwid bejn persuni b’ideat differenti.

Għal bosta snin, Stephanie Buhagiar ukoll kienet membru fil-Kumitat Eżekuttiv, u kienet impenjata b’diversi rwoli, fosthom rappreżentanta tas-Sezzjoni Banda kif ukoll tieħu ħsieb ir-rendikonti finanzjarji tas-

Soċjetà. Hija kienet ukoll tgħin f’attivitajiet varji tasSoċjetà bħal Iljieli Sajfin, tombla u l-bqija. Fil-ħajja personali, Stephanie kienet taħdem bħala riċerkatriċi eżekuttiva fil-‘Misco International’ u ‘Business Leaders Malta’. Fl-aħħar ftit snin ta’ ħajjitha bdiet taħdem bħala Kordinatriċi tal-Proġetti ma’ ‘Heritage Malta’. Kienet miżżewġa lil Louis Buhagiar u kellhom żewġt’itfal, Daniel u Thomas. Is-Sinjura Buhagiar dejjem ġabet lis-Soċjetà fost l-ewwel prijoritaijiet, tant illi influwenzat ħafna oħrajn sabiex ikunu parti mis-Soċjetà, fosthom bandisti żgħar, Stephanie, l-ewwel mil-lemin, imdawra bil-membri tal-familja u qrabatha membri oħrajn u anke l-familja tagħha li minnha ħarġu tliet mużiċisti u iktar, fosthom it-tfal tagħha li huma membri attivi fis-Soċjetà. Għalhekk mhux ta’ b’xejn illi l-membri u l-partitarji tnikktu meta saru jafu li Stephanie nħakmet minn marda qalila, u talbu sabiex ma jseħħx l-agħar illi seta’ jseħħ. Dan ma kellux ikun, għax fl-għodwa tal-Ħadd 23 ta’ Jannar 2022, ruħha ttajret lejn is-sema sabiex tistrieħ minn kull uġigħ u tiltaqa’ ma’ San Pietru li tant ħabbet f’ħajjitha. L-aħbar tal-mewt tagħha ġriet mal-erbat’irjieħ tal-pajjiż u kienu bosta l-messaġġi ta’ kondoljanzi u messaġġi ta’ simpatija għal Stephanie u mal-membri talfamilja tagħha. Il-bandiera bl-arma tas-Soċjetà dehret tittajjar mezz’asta f’dawk il-jiem kesħin ta’ Jannar. Fi ftit siegħat saru l-arranġamenti meħtieġa sabiex it-Tlieta 25 ta’ Jannar, waranofsinhar, f’Birżebbuġa, Stephanie ngħatat l-aħħar tislima b’quddiesa konċelebrata

praesente cadavere. Kienu bosta persuni li attendew għal din l-aħħar tislima lil persuna li dejjem kienet bi tbissima u dejjem lesta li tgħin lil ħaddieħor.

Il-ħemda ta’ waranofsinhar xitwi, wara l-quddiesa nkisret min-noti kiebja tal-marċi funebri fuq iz-zuntier tal-knisja parrokkjali fejn il-Banda Birżebbuġa sellmet lil Stephanie, fosthom b’marċ funebri ddedikat għaliha miktub minn ħuha Francesco u l-innu tal-Banda Birżebbuġa, kompożizzjoni ta’ Mro Michael Bugelli. Wara li telaq il-korteo minn fuq iz-zuntier, Stephanie għaddiet għall-aħħar darba minn quddiem il-bini tassede tas-Soċjetà, fejn ingħatat tislima xierqa minn bosta membri u partitarji.

F’dan il-jum, il-bnadar kollha fuq il-każini ta’ Birżebbuġa ttajru mezz’asta b’rispett lejn Stephanie.

Stephanie ma' żewġha Louis

Lucy Gatt, għamlet ħafna ħidma fis-skiet fil-parroċċa u ħalliet din id-dinja fil-5 ta' Frar 2022 Ronnie Borg, membru, partitarju u ġar tas-Soċjetà li ħalla din id-dinja fil-festa tal-Kattedra ta' San Pietru, 22 ta' Frar 2022

Il-Bord Editorjali jirringrazzja lil Mro Johan Debattista ALCM tal-għajnuna li tana sabiex seta’ jinkiteb dan l-artiklu ta’ tislima

Pawlu Buttigieg twieled il-Birgu fit-12 ta’ Ottubru 1935. Minn età żgħira Pawlu kien juri interess mużikali. Ta’ seba’ snin beda l-ewwel lezzjonijiet tat-teorija mużikali u solfeġġ għand is-Surmast William James Worley mas-Società Filarmonica Maria Mater Gratiae AD 1883 ta’ Ħaż-Żabbar. Meta wasal iż-żmien biex jagħżel l-istrument l-għażla waqgħet fuq il-klarinett. Is-Surmast Buttigieg kien jistqarr illi huwa dejjem xtaq li jitgħallem l-althorn imma peress li kien ta’ statura żgħira, l-althorn rawh strument kbir u għalhekk tgħallem il-klarinett. Ħareġ idoqq mal-istess banda Żabbarija għall-festa 1951. Dik is-sena f’Ħaż-Żabbar ġew iċċelebrati festi kbar minħabba l-Inkurunazzjoni tal-pittura titulari tal-Madonna tal-Grazzja. Fl-1951 ilBanda Maria Mater Gratiae għaddiet taħt it-treġija tas-Surmast Joseph Abela Scolaro FLCM. Bejn isSurmast Abela Scolaro u ż-żagħżugħ Pawlu Buttigieg nibtet relazzjoni tajba ħafna tant li Pawlu ġie fdat bissiġġu tas-solista kif ukoll beda jitħarreġ għand l-istess Surmast Scolaro. F’dan l-istess żmien, is-Surmast Pawlu Buttigieg kien baqa’ jistudja taħt is-Surmast William James Worley kif ukoll kompla javvanza l-istudju mużikali fl-armonija u l-kontrapunt mas-Surmast Abela Scolaro. Fis-sena 1963 Pawlu ġie appuntat għalliem tas-sezzjoni njam kif ukoll Assistent Surmast tal-banda li rawmitu, is-Società Filarmonica Maria Mater Gratiae. Fl-istess żmien fuq rakkomandazzjoni tas-Surmast Direttur Hector H. Dalli A.Mus.LCM, Pawlu nħatar Assistent Surmast tal-Banda Duke of Edinburgh, illum il-Banda San Lawrenz. Ta’ min jgħid illi Pawlu beda jidderieġi mal-istess banda Ġirbija taħt il-gwida talistess Surmast Hector Dalli.

Fis-sena 1968 is-Surmast Pawlu Buttigieg ġab iddiploma ALCM u aktar tard id-diploma A.Mus.LCM. Barra li s-Surmast Buttigieg kien jistudja l-armonija għand Mro Joseph Abela Scolaro u d-direzzjoni mużikali taħt is-Surmast Hector Dalli, fl-istess waqt kien imur jistudja l-prattika tal-klarinett ghand is-Surmast Carmelo Schembri kif ukoll il-kompożizzjoni għand isSurmast Carmelo Pace.

Is-sena 1974 kienet importanti ħafna għal Pawlu għaliex fuq rakkomandazzjoni tas-Surmast Salvino Fabri li kien is-Surmast Direttur tal-Banda Marija Annunzjata ta’ Ħal Tarxien, talab illi minħabba raġunijiet ta’ saħħa jieqaf mill-kariga, u b’hekk inħatar is-Surmast Pawlu Buttigieg, kariga li żamm mal-Banda Tarxiniża sas-Sena 1978. Fis-sena 1984, il-kumitat tal-Banda Marija Annunzjata reġa’ dar fuq is-Surmast Buttigieg biex għat-tieni darba jiehu t-treġija tal-banda, u dam f’din il-kariga sas-sena 1991. Fis-sena 1976 ħa t-treġija talGħaqda Banda Żejtun fejn dam sas-sena 1978. Barra Surmast Direttur ta’ dawn iż-żewġ baned, is-Surmast Buttigieg kien Assistent Surmast tal-Banda Maria

Mro Paul Buttigieg meta kien Surmast tal-Banda Żejtun

Mro Paul Buttigieg f'waħda miż-żewġ gradwazzjonijiet mużikali

Mater Gratiae ta’ Ħaż-Żabbar, il-Banda San Lawrenz tal-Birgu, l-Għaqda Mużikali Beland taż-Żejtun kif ukoll il-Banda San Mikiel ta’ Ħaż-Żabbar. Fis-sena 1991 irtira mix-xena bandistika Maltija u ddedika aktar ħin fuq it-tagħlim tat-teorija u l-armonija lill-istudenti li kienu jmorru jistudjaw għandu. Huma bosta s-surmastrijiet u mużiċisti prolifiċi Maltin illi għaddew minn taħt idejn is-Surmast Buttigieg. Fosthom tajjeb illi nsemmu lisSurmast Orazio Cachia, is-Surmast John J. Pace, isSurmast Mario Scicluna, is-Surmast Johan Debattista, is-Surmast Sean Anthony Scicluna kif ukoll is-Surmast Christopher Bonnici, li huwa wkoll l-Assistent Surmast tal-Banda Birżebbuġa.

Is-Surmast Buttigieg ikkompona diversi siltiet mużikali bħal marċi brijużi, marċi funebri u lista twila ta’ Sinfoniji, Preludji, Marċi Sinfoniċi u Overtures. L-ewwel silta li pennen kien il-marċ brijuż ‘San Ġuda Taddew’ illi ndaqq għall-ewwel darba mill-Banda San Lawrenz tal-Birgu. L-aktar kompożizzjonijiet magħrufin huma l-marċi ‘Sailor Prince’, ‘Bejn Żewġt Iħbieb’, ‘FraJoMar’, il-Marcia Sinfonica ‘Musica Est Vita’ li żżanżnet mis-Società Filarmonica Maria Mater Gratiae u ‘La Speranza’ li ndaqqet għall-ewwel darba fil-Birgu. Il-Banda Birżebbuġa għandha bosta minn dawn ilkompożizzjonijiet fl-arkivju tagħha, u waħda mill-aktar siltiet importanti hija s-silta ‘Inaugural’ b’dedika għallkażin il-ġdid.

Is-Surmast Pawlu Buttigieg ħalla din id-dinja nhar il-31 ta’ Lulju 2021 fl-età ta’ 85 sena. Dakinhar inzerta wkoll Lejlet il-Festa Titulari ta’ San Pietru f’Birżebbuġa. Dakinhar il-kamp bandistiku Malti tilef ġgant sieket li għalkemm ma kienx magħruf mal-erbat irjieħ ta’ pajjiżna, mill-umiltà u l-kwiet ta’ daru rawwem mużiċisti u surmastrijiet li għamlulu u għadhom jagħmlulu ġieħ.

Is-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa tirringrazzja lis-Surmast Pawlu Buttigieg għall-għajnuna li ta matul is-snin. Kif xieraq, is-Soċjetà kienet preżenti għall-funeral illi sar fil-Knisja Arċipretali u Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar, it-Tlieta 3 ta’ Awwissu 2021 filgħodu. B’sinjal ta’ rispett, is-Soċjetà tajret il-bandiera tagħha mezz’asta. Lis-Surmast Buttigieg nibqgħu niftakruh f’bosta kompożizzjonijiet illi għad għandna fl-Arkivju vast tagħna.

Is-Soċjetà Filarmonika San Pietru tiftakar fil-kumplament tal-Birżebbugin illi għaddew għall-Ħajja ta' Dejjem u llum igawdu lil Alla l-Imbierek u lill-Patrun wiċċ imb’wiċċ. Nuru solidarjetà mal-qraba u l-ħbieb u nħeġġu għat-talb għal ruħhom.

This article is from: