3 minute read

Tagħrif dwar it-Tieni Ittra ta’ San Pietru

Fr Charles Buttigieg

Rigward din it-Tieni Ittra nsibu li għandha rabta kbira ma’ San Pietru u nkitbet qabel il-qerda ta’ Ġerusalemm fis-sena 70 W.K. L-awtur isemmi ismu personali ‘Symeon Petros’ bħala l-firma tiegħu: “Xmun Pietru, qaddej u appostlu ta’ Ġesù Kristu, lil dawk, li, għall-ġustizzja ta’ Alla u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu, kellhom ix-xorti li jkollhom fidi għażiża daqs tagħna” (2 Pietru 1:1). Il-Grieg illi bih inkitbet huwa Grieg Arkajku. L-istil huwa korrett u sempliċi fl-istess ħin.

Advertisement

Din l-ittra għandha ħafna xebħ mat-tagħlim ta’ San Pawl (ara 2 Pt 3:15-16 ma’ 1 Tessalonkin 4:13-5:11), iżda b’mod partikulari mat-tagħlim fl-Ittra ta’ San Ġuda. Fil-fatt hemm rabta kbira bejn it-tieni kapitlu ta’ din l-ittra u l-Ittra ta’ Ġuda. Hija tgħallem dwar il-ħajja u s-sejħa tan-nisrani filwaqt illi twissi kontra l-għalliema foloz u l-valur tal-Kotba Mqaddsa: “U hekk għandna mwettqa aħjar il-kelma tal-profeti. Tagħmlu sewwa jekk toqogħdu attenti għaliha; hi bħal fanal li jagħti d-dawl f’post mudlam sa ma jibda jbexbex il-jum u f’qalbkom titla’ l-kewkba ta’ filgħodu. Dan fuq kollox għandkom tkun tafu: li ebda profezija tal-iskrittura ma għandu ħadd ifissirha minn rasu” (2 Pt 1:19-21). L-Ittra titkellem ukoll dwar il-miġja ta’ Kristu fil-kapitlu 3. Holladay iqisha bħala ‘Ittra Kattolika’ fis-sens li ma għandhiex destinatarji speċifiċi.

Skont W. Kurz, J.W. Welch u B.J. Schmidt din l-ittra hija t-testment ta’ San Pietru (a farewell text). Għalhekk naraw eżortazzjonijiet, twissijiet, wegħdiet u barkiet.

L-Ittra għandha rabta mal-Antik Testment fejn għandha 16-il riferenza, pereżempju: 2 Pt 2:22 ma’ Proverbji 26:11 u 2 Pietru 3:8 ma’ Salm 90:4. F’2 Pt 3:5 għandna r-rakkont tal-ħolqien, f’2 Pietru 2:4 iddnub tal-anġli, f’2 Pietru 2:4 id-dilluvju, u 2 Pietru 2:5-9 jissemmew Sodoma u Gomorra. Għandha xebħ ukoll mal-Apokalissi ta’ Pietru.

L-eqdem manuskritt bibliku li jġib din l-ittra huwa l-papyrus 72 (Papyrus Bodmer VIII li fih 36 paġna) li huwa tal-aħħar tat-tielet seklu u tal-bidu tar-raba’ seklu A.D. Tinsab fil-Kodiċi Sinajitiku (4 seklu), tal-Vatikan (4 seklu) u dak Lixandrin (5 seklu). L-ittra ta’ Firmiljan tal-Kappadoċja li kien ħabib ta’ Oriġene, lil Ċiprijanu ta’ Kartaġni fis-sena 257 A.D. issemmi din it-tieni ittra ta’ San Pietru u għalhekk bħala l-eqdem xhieda dwar din l-ittra. Hija aċċettata bħala Kanonika minn Klement ta’ Lixandra (c.150-215, fil-‘Hypotyposeis’) u Oriġene (c.185-254) li jikkwotaha sitt darbiet. Infatti Oriġene huwa l-ewwel wieħed li jibda jikkwota 2 Pietru fil-kitbiet tiegħu, fejn iqis l-ittra bħala ‘Kelma ta’ Alla’ (et ut ait quodam in loco scriptura), li għandha awtorità daqs l-Ewwel Ittra ta’ Pietru fejn jikteb: “Even Peter blows on the twin trumpets of his own epistles”.

San Ġirolmu (c. 346-420) għallem li hija ittra Kanonika u Ispirata, u dan għaliex l-ittra hija tassew marbuta mat-tradizzjoni Appostolika, għandha tagħlim korrett u eżatt marbut mal-Iskrittura u mat-Tagħlim tal-Knisja u moqrija fil-liturġiji tal-Knisja tal-bidu. Hija meqjusa Kanonika minn Ġustinu, Polikarpju, Atanasju, Ċirillu ta’ Ġerusalemm, Epifanju, Rufinu, Girgor Nażjanżenu, Santu Wistin, fil-Kanoni ta’ Lawdiċeja u fis-sinodi ta’ Ippona u Kartaġni fir-raba’ seklu. Ta’ min jgħid hawnhekk illi s-sinodi ta’ Ippona u Kartaġni ma kinux aċċettaw l-Ittra ta’ Barnaba u ta’ Klement Ruman illi kienu rispettati ferm fil-bidu tal-Knisja filwaqt li 2 Pietru kienet aċċettata kompletament.

Skont J.N.D. Kelly: “No NT document had a longer or rougher struggle to win acceptance than 2 Peter”. Hija ġiet meqjusa bħala ‘second-class Scripture’ minn Luteru, u ma tantx kienet milqugħa minn Kalvinu u mwarrba għal kollox minn Erażmu. 2 Pietru 1:5-7 tittratta dwar il-fidi (‘pistis’); il-virtù (‘arete’), it-tagħlim (‘gnosis’), il-kontroll (‘enkrateia’), l-imħabba (‘agape’) u l-qdusija (‘eusebeia’). Hija għandha l-ġeneru ta’ testment u l-linja ta’ dawk ġudajċi bħal: it-Testmenti tat-12-il Patrijarka; it-Tesment ta’ Mosè; it-Testment ta’ Ġobb; 1 Enok, Tobit, 2 Baruk u Ġubilej. Insibu f’1:12-15 il-kelma ‘exodos’ mill-ħajja. Il-Grieg ta’ 2 Pietru 1:1718 dwar it-Trasfigurazzjoni għandu xebħ kbir mal-Grieg ta’ Mattew 17:5. Hija biss issemmi dan l-episodju tatTrasfigurazzjoni minbarra l-Evanġelji kif insibu f’1:1618.

Il-kontenut tagħha huwa wieħed dottrinali. Personaġġi importanti li kellhom ħajja spiritwali dejjem iħallu warajhom testment lis-segwaċi tagħhom. Dan jidher illi l-awtur huwa konxju li l-mewt tinsab fil-qrib (1:15) u għalhekk jixtieq ikun qrib id-dixxipli tiegħu għallpariri li jixtieq iħallilhom. Fuq kollox ifakkar fit-tagħlim importanti, speċjalment l-attenzjoni għall-profeti foloz (2:1-22) u l-parusija (3:1-17).

This article is from: