2 minute read

B’Entużjażmu għal Futur Sabiħ

Peter Paul Caruana B.A.(Hons)

Id-Delegat tal-Banda

Advertisement

Il-Banda Birżebbuġa, bħall-bqija talbaned Maltin u Għawdxin, qiegħda terġa’ ssemma’ leħinha mhux biss f’raħalha iżda wkoll ’il barra. Minkejja li forsi dan l-aħħar żmien ma tantx smajna b’baned minħabba s-sitwazzjoni li ġiet bla ebda stennija, ixxogħol ma waqafx. Dan jidher ċar b’żewġ avvenimenti kbar li komplew inaqqxu l-istorja tas-Soċjetà tagħna. L-ewwel wieħed li ma nistgħux ma nsemmuhx kien l-oratorju li jġib l-isem ‘Divo Petro’ miktub mill-pinna tas-Surmast Onorarju u prominenti Ray Sciberras u kliem ta’ Sebastian Saliba fuq riċerka biblika ta’ missieru John. Dan sar fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl, l-Imdina f’Lulju 2021, proprju ftit jiem qabel il-festa titulari. Dan kien twil madwar siegħa u nofs u kien jitlob ħafna ħidma preparattiva, kemm minħabba li kien hemm żewġ korijiet; dak tat-tfal u dak tal-kbar, kif ukoll minħabba l-fatt li kien hemm tliet vuċijiet; alto, tenur u baritonu. Dan minbarra naturalment il-banda li kienet tinkludi għadd kbir ta’ bandisti. Il-kollaborazzjoni ta’ kulħadd wasslet sabiex dan l-oratorju mhux biss indaqq iżda wkoll kien ta’ suċċess. F’dan l-oratorju ta’ min isemmi li ħadu sehem strumenti bħall-arpa kif ukoll strumenti tal-perkussjoni ħafna minnhom ġodda li nxtraw apposta sabiex ikun jista’ joħroġ ħoss isbaħ kif xieraq, ngħidu aħna l-batterija, timpani ġodda, platti, glockenspiel kif ukoll spikka element speċjali permezz tal-perkussjoni awżiljarja li s-sinifikat tagħha kien li tirrappreżenta l-ħoss ta’ frosta li San Pietru ġie maħqur biha. Dan l-oratorju jirrappreżenta ġrajjiet meħuda millħajja ta’ San Pietru.

Barra minn hekk, fl-istess sena, dik tal-2021, il-Banda Birżebbuġa għamlet ukoll ir-raba’ żjara tagħha lil hinn minn xtutna fejn din id-darba daqqet f’Catania, Sqallija. Il-banda daqqet għadd ta’ marċi u mxiet ftit fejn ferrħet lil bosta turisti li kien hemm.

Fuq nota kemxejn differenti, lil hinn mis-suċċessi li għamlet il-banda tagħna f’dawn l-aħħar żminijiet, ma nistgħux ma nsemmux ukoll li l-banda tagħna tilfet lil waħda minn uliedha, lil bandista tal-post Stephanie Buhagiar f’età żgħira. Filwaqt li niftakru fiha nirringrazzjawha wkoll mhux biss ta’ kemm daqqet magħna iżda wkoll tax-xogħol illi wettqet fi ħdan is-Soċjetà. Grazzi Stephanie! Kif xieraq, il-Banda Birżebbuġa sellmitilha b’daqq ta’ marċi funebri f’jum ilfuneral tagħha. Irridu nsemmu wkoll is-sehem tal-banda tagħna din is-sena. Il-banda tagħna daqqet għall-festa ta’ Kristu Rxoxt f’Birżebbuġa nhar Ħadd il-Għid, 17 ta’ April, fil-festa ta’ San Publju fil-Furjana fl-1 ta’ Mejju, servizz illi sfortunatament kellu jintemm ħesrem minħabba l-elementi naturali, fil-Karnival ta’ Birżebbuġa li sar f’Mejju, fil-festa ta’ San Ġużepp Ħal Għaxaq fit-2 ta’ Ġunju, il-Kalkara fil-15 ta’ Lulju għall-festa ta’ San Ġużepp, Ħal Tarxien għall-festa tal-Madonna tadDuttrina fis-17 ta’ Lulju u fil-31 ta’ Lulju f’Raħal Ġdid għall-festa ta’ Kristu Re. Wara l-festa jitkomplew isservizzi tal-Banda Birżebbuġa fiż-Żebbuġ, Għawdex u f’Ħal Safi, għall-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl Appostlu.

Dan minbarra s-servizzi li tagħmel fil-ġimgħa talfesta fejn takkumpanja l-vara fil-ħruġ, il-marċ magħruf tal-istatwa, il-programm u marċi oħra. Minbarra l-festa titulari, matul is-sena, il-Banda Birżebbuġa tieħu sehem ukoll f’Jum Birżebbuġa u fil-festi tal-Milied Imqaddes.

Minn qalbi nixtieq nieħu l-opportunità sabiex nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba. Viva San Pietru!

Il-Banda Birżebbuġa waqt il-provi ta' Divo Petro

This article is from: