
2 minute read
Nesprimu t-Talent Tagħna
Marouska Bonnici B.A.(Hons)
Kor Xmun Pietru
Advertisement
Il-Kor Xmun Pietru twaqqaf sabiex ma jiqafx. Hekk għamilna s-sena l-oħra, meta wara xi snin weqfin, erġajna ngħaqadna flimkien kif stajna. Meta fil-pajjiż kollox kien litteralment wieqaf, l-entużjażmu li qam fis-soċjetà għall-Premiere tal-oratorju Divo Petro li ttella’ s-Sibt 24 ta’ Lulju 2021 filKatidral Metropolitan tal-Imdina wassal sabiex erġajna komplejna fejn tħalla mill-Kor Xmun Pietru xi snin qabel. Il-Kumitat avviċina lili u lil żewġi Chris sabiex nieħdu ħsieb illi nerġgħu ngħaqqdu l-kor. Għalkemm iż-żmien kien kontrina u konna marbutin b’diversi restrizzjonijiet irnexxielna niltaqgħu u konna parti minn din l-okkażjoni unika mhux biss għas-soċjetà, imma anke għal Birżebbuġa. F’din l-okkażjoni kantajna malKor Mirabitur u nħossuna morna tajjeb ħafna magħhom.
Sfortunatament ma stajniex inkunu l-membri kollha. Kien hemm min ħass illi għal din l-okkażjoni aħjar jaqbiżha, kien hemm min kien għadu jibża’ u kien hemm min ma setax f’dik il-ġurnata. Madankollu, ilkoll kemm aħna kellna l-ħeġġa li ma niqfux ma’ din l-okkażjoni, u bdejna naħsbu sabiex wara l-btajjel tas-sajf nibdew niltaqgħu biex għall-festi tal-Milied Imqaddes nerġgħu nagħtu sehemna, kemm mal-banda tas-Soċjetà, kif ukoll f’xi post b’kunċert mal-pjanu. Madankollu, jekk niftakru tajjeb, mal-ħarifa reġgħu bdew jiżdiedu l-każijiet tal-Covid u ddeċidejna li l-pjanijiet illi kellna nipposponuhom.
Issa waslet il-festa! Iva, il-festa wara tliet snin nistgħu ngħidu. Il-Kor Xmun Pietru se jkun qed jieħu sehem mal-Banda Birżebbuġa fil-programm annwali ta’ Lejlet il-Festa Titulari billi jipparteċipa fl-Innu Popolari lil San Pietru, is-silta mużikali Mamma Mia, l-Inno di Gloria ż-żgħir San Pietru fil-Glorja u l-Innu tal-Banda Birżebbuġa. Bħalissa għaddejjin bil-provi għal din l-okkażjoni, xi ħaġa li qed nieħdu gost ħafna nagħmlu. Nixtieq nirringrazzja billi nħeġġeġ aktar membri jingħaqdu magħna. Esperjenza sabiħa u m’hemmx bżonn tkun taf taqra l-mużika sabiex tingħaqad magħna. Bejnietna nibnu familjarità sabiħa li nifhmu lil xulxin. L-unika ħaġa li nitolbu hija s-serjetà u l-prattika sabiex ma nfallux waqt il-provi. Nirringrazzja lill-membri kollha tal-kor talli bl-aktar mod professjonali u diżinteressat jingħaqdu magħna għall-provi kif ukoll lill-familji tagħna talpaċenzja li jieħdu bina. Grazzi ħafna lill-Kumitat Ċentrali u lis-Sezzjonijiet kollha fi ħdan is-Soċjetà tal-fiduċja li juru fit-talent vokali tagħna u lil Mro Christopher Bonnici B.A.(Hons); M.A.; ALCM; LLCM, l-Assistent Surmast tal-Banda Birżebbuġa talli bil-paċenzja kollha jispjega u jirrepeti kemm hemm bżonn sakemm nilħqu l-livell meħtieġ. Grazzi wkoll lis-Surmast Direttur tal-Banda Birżebbuġa, Mro Michael Bugelli ATCL talli huwa konxju li aħna impenjati f’korijiet oħra u għalhekk meta jagħżel id-dati tal-provi tal-Banda Birżebbuġa jara li ma jkunux jaħbtulna ma’ xi servizzi partikolari.
Inħeġġiġkom sabiex tiġu ssegwu l-programm mużikali nhar is-Sibt 6 ta’ Awwissu 2022 fil-pjazza ewlenija ta’ Birżebbuġa u wara ssegwu l-wirja qalbiena tan-nar tal-art. Kemm il-kor Xmun Pietru kif ukoll ilħarqa tan-nar huma Frott it-Tfal ta’ Birżebbuġa!
Il-Festa t-Tajba!