
4 minute read
Man-Noti tal-Banda
Matthew Caruana
Membru tas-Sezzjoni Banda Birżebbuġa “Nemmen li s-Soċjetajiet bħal tagħkom għandhom tliet rwoli prinċipali. L-ewwel li jservu ta’ skola mhux formali f’tant oqsma varji – semmejt l-amministrazzjoni, l-organizzazzjoni, il-mużika; li jkattru sens ta’ għaqda fil-komunità; u fl-aħħar nett, li jżommu t-tradizzjonijiet Maltin ħajjin. L-istess tradizzjonijiet li lilna l-Maltin jagħmluna poplu uniku.”1
Advertisement
Dan kien kliem il-President ta’ Malta, George Vella, waqt iż-żjara tiegħu fis-sede tas-Soċjetà tagħna fit-28 ta’ Lulju, 2021. Huwa kliem li jkompli jimliena b’kuraġġ meta naraw
ix-xogħol siewi li qed isir mis-Soċjetà tagħna u oħrajn f’Malta u Għawdex jiġi rikonoxxut mill-ogħla kariga filpajjiż.
Kif qal il-President ta’ Malta, il-mużika tkattar sens ta’ għaqda fil-komunità u s-Soċjetà dejjem ħadmet qatigħ biex tilħaq dan il-għan. Nemmnu li l-mużika hija l-lingwa universali li tista’ tgħaqqad komunitajiet diversi. Kien għalhekk li fis-6 ta’ Novembru, 2021, il-Banda Birżebbuġa reġgħet kitbet parti mill-istorja tagħha hekk kif għar-raba’ darba, semmgħet leħinha ’l barra minn xtutna, din id-darba f’Katanja, Sqallija.
Il-Banda Birżebbuġa għamlet servizz mużikali fi Piazza Università kif ukoll fi Piazza Duomo fejn flaħħar indaqqu l-Innu tal-Ewropa, l-Innu ta’ Malta kif ukoll l-Innu Taljan fost il-folla preżenti li apprezzat dak li daqqet il-Banda Birżebbuġa. Avvenimenti bħal dawn 1 Id-diskors sħiħ jista’ jinsab hawnhekk: https://president. gov.mt/diskors-mill-eccellenza-tieghu-george-vella-waqt-linawgurazzjoni-tal-intrati-il-kxif-ta-lapidi-u-pitturi-fil-kazingawhra-ta-san-pietru-tas-socjeta-filarmonika-san-pietrubanda-bir/
huma importanti mhux biss għas-Soċjetà imma wkoll għall-pajjiż għax ikomplu jsaħħu d-diplomazija kulturali ta’ Malta. Fit-23 ta’ Jannar, 2022 qomna għal aħbar kerha, hekk kif b’dieqa kbira tħabbret il-mewt tal-bandista tas-Soċjetà Stephanie Buhagiar. Aħbar li ħasdet mhux biss lill-Birżebbuġin imma lil kull minn kien jaf lil Stephanie. Ilfuneral sar fil-25 ta’ Jannar, 2022 fil-Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuġa u wara, il-Banda Birżebbuġa laqgħet lil Stephanie fuq izzuntier b’daqq ta’ marċi funebri. Stephanie kienet attiva fil-ħidma tas-Soċjetà millbidu nett. Bdiet bħala bandista talpost u kienet iddoqq il-klarinett. Kienet ukoll għalliema tat-teorija tal-mużika fi ħdan il-Banda Birżebbuġa kif ukoll kienet tifforma parti mis-Sezzjoni Banda u millKumitat Eżekuttiv. Apparti l-banda, Stephanie kienet attiva fil-ħidma ġenerali li kienet titlob is-Soċjetà: hija għamlet diversi xogħlijiet b’dedikazzjoni għax dejjem kellha f’qalbha s-Soċjetà. Fl-aħħar laqgħa ġenerali, fuq vot unanimu, Stephanie ġiet mogħtija l-unur ta’ Bandista Onorarja kif ukoll ta’ President Onorarju. Is-Sezzjoni Banda tirringrazzja lil Stephanie tal-ħidma li dejjem għamlet mill-qalb. L-imħabba li Il-Banda Birżebbuġa fil-festa ta' Santa Katarina V.M. fiż-Żejtun. ddedikat Stephanie u nies oħra bħalha fis-Soċjetà tkompli timliena b’kuraġġ u tħeġġiġna biex ma naqtgħux qalbna imma nkomplu naħdmu għall-patrun tagħna San Pietru. Jimlewna iktar b’kuraġġ huma l-allievi u l-istudenti fi ħdan is-Soċjetà. Għalhekk fraħna meta l-istudenti fi ħdan is-Soċjetà rċevew riżultati tajbin ħafna fl-eżami tat-teorija tal-mużika mil-London College of Music li għamlu f’Novembru li għadda. Prosit u grazzi tmur ukoll lill-għalliem tat-teorija, l-Assistent Surmast Direttur, Mro Christopher Bonnici, li b’dedikazzjoni kbira jgħallem it-teorija lill-istudenti tas-Soċjetà. Nixtiequ nieħdu din l-okkażjoni biex nirringrazzjaw ukoll lil Mro Ludwig Desira, l-għalliem tal-prattika fis-settur tal-qasba, kif ukoll is-Surmast Direttur, Mro Michael Bugelli, tad-dedikazzjoni tagħhom. Inħeġġu sabiex aktar tfal, żgħażagħ u adulti jistudjaw l-arti sabiħa tal-mużika fi ħdan is-Soċjetà tagħna li toffri tagħlim professjonali. It-tagħlim huwa element essenzjali u importanti biex niżguraw li l-Birżebbuġin ta’ għada jżommu ħaj il-patrimonju kulturali Malti. Bħala Soċjetà, nifirħu wkoll meta naraw bandisti fi ħdan is-Soċjetà jkomplu jistudjaw u jagħmlu suċċess

lil hinn minn xtutna. Għalhekk konna kburin meta Francesco Barbara, kurunettista fi ħdan is-Soċjetà kif ukoll membru ġdid tas-sezzjoni banda, żar diversi pajjiżi Ewropej mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u hekk kompla jikber l-isem ta’ pajjiżna.
Is-sena 2022 immarkat mument importanti għal pajjiżna hekk kif is-suċċessur ta’ Pietru, il-Papa Franġisku, għamel żjara ta’ jumejn f’Malta u Għawdex bejn it-2 u t-3 ta’ April, 2022. Fit-3 ta’ April, fi triqtu lejn ilLaboratorju tal-Paċi f’Ħal Far, il-Qdusija Tiegħu għadda wkoll mir-raħal tagħna. Għal dan il-għan, il-Banda Birżebbuġa flimkien mal-Banda San Pietru fil-Ktajjen daqqew flimkien fuq iz-zuntier biex jagħtu tislima xierqa lill-Papa Franġisku. Għal din l-okkażjoni, inħarġet ukoll il-vara titulari ta’ San Pietru.
Din is-sena nibtet ukoll tama ġdida, tama li ħafna mid-dilettanti tal-festa kienu ilhom jistennew: dik li jirritornaw il-festi esterni. In-nuqqas tal-festi esterni wara sentejn inħass sew mhux biss mid-dilettanti imma minn kull persuna li għandha għal qalbha l-kultura Maltija. Kien għalhekk b’ferħ kbir meta f’Ħadd il-Għid, fis-17 ta’ April, 2022, is-Soċjetà reġgħet għamlet iddimostrazzjoni bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt. Kemm kien mument sabiħ terġa’ tara l-banda u tisma’ l-valzi jidwu mat-toroq ta’ Birżebbuġa.
Ir-ritorn tal-festi fisser ukoll ir-ritorn tas-servizzi tal-banda. Dan jitlob ammont ta’ preparamenti minn ħafna ġimgħat qabel speċjalment min-naħa taddelegat tal-banda biex isib il-bandisti. Il-perjodu ta’ wara l-pandemija ppreżenta sfidi ġodda hekk kif, għal raġunijiet varji, sar ferm iktar diffiċli tgħaqqad banda. Is-Sezzjoni Banda mbagħad tkun trid tlesti l-libretti u l-uniformi għas-servizz. Hawnhekk nixtieq nirringrazzja lill-membri tas-sezzjoni għax-xogħol siewi u volontarju tagħhom.
Fil-mument li qed jinkiteb dan l-artiklu, is-Sezzjoni Banda għaddejja bi preparamenti għall-festa fosthom preparamenti għas-servizzi waqt il-ġimgħa tal-festa, tħejjija għall-programm, tħejjija biex jintrama l-planċier u ħafna xogħol ieħor minn wara l-kwinti. Dan kollu nagħmluh b’dedikazzjoni ħalli niċċelebraw festa kif jixraq.
Għalhekk inħeġġukom tingħaqdu magħna ħalli b’responsabilità niċċelebraw festa mill-isbaħ, festa li tkompli tqarribna lejn il-patrun tagħna.
Viva San Pietru, il-patrun tal-Banda Birżebbuġa!

Fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mit-twaqqif tal-Għaqda Soċjali Madonna tad-Duttrina, sar skambju ta' rigali bejn iż-żewġ soċjetajiet.
