1 minute read

Ġejja l-Festa? Iva, Ġejja l-Festa

Li nsejħu ismek, Pietru, ikun biżżejjed

Ġejja l-Festa? Iva, ĠEJJA l-FESTA!!

Advertisement

Andrè Busuttil

Sezzjoni Żgħażagħ Iljuni

Ilkoll bla nifs għax ġejja l-festa... min jarma, min ilesti n-nar, min jikkoreġi l-ktieb tal festa, min jipprepara l-banda, min jibgħat iċ-ċirkularijiet u l-inviti, min ilesti l-armar tal-briju, min fuq ir-radju u l-medja soċjali. Ħidma ma taqta’ xejn; trid tkun fiha sabiex tirrealizza!

Imma aħna tal-Banda Birżebbuġa hekk irridu! Ħafna inqas mistrieħ u rqad milli kellna flaħħar sentejn. Bħal kulħadd, ma kinitx faċli għalina, u għalhekk bqajna għaddejjin bit-tama li x-xemx titla’ mill-ġdid u bqajna nippreparaw għal dan il-mument tant mistenni tal-festa 2022. Is-Sezzjoni Żgħażagħ Iljuni ma qatgħet qalbha qatt, iżda bħala Ċermen nazzarda ngħid illi ħriġna iktar b’entużjażmu, ingħaqadna, tqawwejna u ppreparajna ruħna mingħajr daqq ta’ trumbetti.

Kif tistgħu taraw minn bosta ritratti f’paġni oħra ta’ din il-pubblikazzjoni annwali, matul din is-sena, minkejja li għall-ewwel parti tagħha xorta waħda konna restritti kif għandna norganizzaw, madankollu rnexxielna li fil-qafas restrittiv norganizzaw bosta attivatijiet bħal ikliet, barbikjuws, bejgħ ta’ raffles, bnadar u paljijiet, wirja dwar San Pietru, sehem fil-festa ta’ Kristu Rxoxt u fl-attività għal qalbna ferm, il-wasla tal-Papa Franġisku u l-marka li ħalla fuqna l-Birżebbuġin.

Dan x’għamilna. Imma x’se nagħmlu nistgħu nagħtu biss ħarsa ħafifa. Għandna ħafna preparat għall-jiem illi ġejjin. Inħeġġukom tibqgħu ssegwuna fuq il-medja soċjali kif ukoll ejjew agħtuna daqqa t’id waqt illi mimlija ħerqa qegħdin nippreparaw il-briju u l-armar. Iż-żgħażagħ tal-Iljun sa mit-twaqqif tagħhom kienu ħabrieka u jridu jlaħħqu ma’ kollox. B’hekk in- nies baqgħu jagħżlu lilna matul is-snin. B’hekk l-għajta baqgħet u tibqa’ soda: “x’festa se jagħmlulna l-ħodor tal-Iljun!”

This article is from: