2 minute read

Il-Wirja Tu Es Petrus

Paul Gafà

F’isem il-grupp organizzattiv

Advertisement

Sa fl-aħħar!! Probabbli din kienet espressjoni komuni fost id-dilettanti tal-festi meta tħabbar li sar xi rilaxxament ta’ ċerti miżuri minħabba l-Covid19 mill-awtoritajiet ċivili tal-pajjiż li kienu jolqtu l-attivitajiet esterni bħal, pereżempju, il-festi. Ngħidu l-verità, wara sentejn ta’ pandemija, konna qrib li jerġgħu jsiru xi affarijiet li tant huma għal qalbna d-dilettanti. Kulħadd, xi ftit jew wisq, kien bired xi naqra imma meta nħass l-ossiġnu ġej, il-fjamma tad-delizzju reġgħet ħadet ir-ruħ u tqawwiet.

Kien għalhekk li jien u xi sħabi oħra, midħla ta’ din is-Soċjetà, ġietna l-idea li norganizzaw wirja qrib ilfesta liturġika tal-Kattedra ta’ San Pietru Appostlu, bejn il-Ħadd 20 ta’ Frar u l-Ħamis 24 ta’ Frar 2022. Tkellimna

mal-Kumitat Ċentrali dwar dan, u l-idea ntogħġbot u stajna mmexxu, imma l-ħin kien xi ftit kontrina. Ma jfissirx illi qtajna qalbna, lanqas xejn għax m’aħniex iljuni għalxejn. Flimkien ma’ Jonathan Ellul Bonnici u Steve Farrugia (il-Vopa) ħsibna biex norganizzaw din il-wirja li ngħatat l-isem ta’ Tu Es Petrus f’ġieħ il-patrun ta’ din is-Soċjetà u l-Parroċċa ta’ Birżebbuġa. Iltqajna kemm-il darba bejnietna, tkellimna u fassalna pjan. Intagħżel Tu Es Petrus għax il-wirja saret fuq San Pietru u l-kult tiegħu. Għalhekk intbagħtu inviti lil numru ta’ dilettanti tal-festi u oħrajn devoti ta’ San Pietru Appostlu sabiex javviċinawna ħalli nkunu nistgħu niftehemu, u jekk iridu, jesebixxu xi ħaġa bħal statwi, santi, pitturi u oġġetti oħra relatati mal-Prinċep tal-Appostli.

Nista’ ngħid li kellna rispons tajjeb ħafna, aħjar milli stennejna biex ngħid kollox, għax kienet ilha ma’ tiġi organizzata xi wirja ta’ dan it-tip. Għalhekk iktar għamilna kuraġġ, u fil-ġranet ta’ qabel il-ftuħ, Jonathan, Steve u jien, ippreparajna s-sala tal-każin għal din il-wirja. Kellna għajnuna wkoll minn xi membri oħra

Waqt il-ftuħ tal-wirja TV ES PETRVS sabiex sal-Ħadd 20 ta’ Frar 2022 kollox ikun lest għall-ftuħ tal-wirja peress illi dakinhar saret ukoll Open Day fis-sede tas-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa AD 1990. Waslet il-ġurnata u l-wirja nfetħet. B’sodisfazzjon kbir ngħid illi mill-ewwel intogħġob ix-xogħol, għax il-materjal esebit kien ta’ livell u kwalità tajba. Minn statwi ta’ diversi qisien sa pitturi, ikoni u inċiżjonijiet. Kien hemm biex jitpaxxew l-għajnejn! Qlajna diversi kummenti ta’ tifħir u inkoraġġiment, u ta’ dan aħna grati mill-qalb. Matul il-ġranet li damet miftuħa l-wirja ġew anke jżuruna diversi Ministri u Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra, is-Sindku ta’ Birżebbuġa u xi kunsilliera tar-raħal.

Id-dilettanti ma naqsux lanqas, u ġew ħafna jittawlu matul l-erbat ijiem li damet miftuħa l-wirja. Minn qalbi nixtieq nirringrazzja lil Jonathan Ellul Bonnici u lil Steve Farrugia talli flimkien ħdimna u tellajna wirja sabiħa immens. Nirringrazzja wkoll lil kull min esebixxa xi materjal matul il-wirja Tu Es Petrus fosthom ilKummissjoni Armar Estern, Kummissjoni Banda, Kummissjoni Żgħażagħ Iljuni, il-Kumitat Ċentrali tasSoċjetà, il-Grupp Armar 1 ta’ Awwissu tal-Parroċċa ta’ Birżebbuġa kif ukoll lill-Arċipriet Dun Nikola Pace u s-Sagristan Pawlu Zammit mill-Parroċċa Arċimatriċi ta’ Santa Katarina V.M. taż-Żejtun illi wkoll silfuna xi affarijiet għall-wirja.

Intemm dawn l-erba’ kelmiet billi nirringrazzja lil kull min ta sehmu sabiex minkejja l-perjodu qasir ta’ preparazzjoni, il-wirja rnexxiet. Nippruvaw li fil-futur nerġgħu ntellgħu wirjiet oħra ta’ dan it-tip.

Nawgura lill-membri u l-partitarji ta’ din is-Soċjetà, il-festa t-tajba.

Viva San Pietru Appostlu!

This article is from: