
2 minute read
Komplejna u nkomplu Mexjin
Henry Bonnici
Is-Segretarju Ġenerali
Advertisement
Insellmilkom fl-għaxar sena tiegħi filkariga ta’ Segretarju Ġenerali tas-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa u nibda billi nagħtikom l-isbaħ awguri għal festa sabiħa u brijuża kif nafu nagħmlu aħna ta’ Birżebbuġa.
Naf illi tkunu qegħdin tistennew xi informazzjoni dwar il-ħidma li saret fil-każin matul din l-aħħar sena. Ikolli ngħid illi ma waqafniex! Sar ħafna xogħol ta’ manutenzjoni, fosthom tkompla x-xogħol fuq il-bini tal-istore sabiex jieħu post store iżgħar illi ma kienx għadu jaqdi l-funzjonijiet tasSoċjetà. Saret ukoll ħidma fuq is-sala tal-kunċerti li ġiet irranġata u nbeda x-xogħol sabiex isir arkivju ġdid, disinn tal-President Alexander Caruana. Fih se tinġabar il-mużika kollha tas-Soċjetà b’mod professjonali u attraenti. Is-sala prinċipali ‘Anthony Camilleri’ kompliet tinkera għal diversi attivitajiet, fosthom żfin, ikliet u anke għal-lezzjonijiet tal-mużika ta’ NGO li għażlet propju s-sede tagħna sabiex tipprovdi sessjonijiet ta’ tagħlim mużikali lil tfal ta’ età ċkejkna, hekk kif fis-sede tagħna għandna strumentatura vasta ferm.
Nifhmu kemm irridu nkunu aktar inklussivi, u għalhekk investejna f’servizzi sanitarji ġodda għallbenefiċċju ta’ persuni b’diżabilità. Għal dan il-għan saret ukoll ir-rampa quddiem il-każin, sabiex min ma jistax jitla’ taraġ, ikun jista’ jaċċessa l-bini tal-każin permezz tar-rampa. Saru wkoll antiporti ġodda fiż-żewġ intrati prinċipali tal-każin fi Triq Birżebbuġa.
Is-sezzjonijiet u l-kummissjonijiet fi ħdan is-Soċjetà komplew jgħinu fl-operat ukoll, u dwar dan tistgħu taqraw iktar fil-paġni rispettivi ddedikati għalihom, bħalma tistgħu tagħmlu wkoll dwar l-oratorio ‘Divo Petro’ li ttella’ fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl, l-Imdina. Diġà kienet sitwazzjoni ta’ qsim il-qalb, fejn għal sentejn ma stajniex niċċelebraw il-festa titulari b’mod normali, imma din is-sena bdejnieha bi qsim il-qalb ikbar, hekk kif kellna nirreġistraw it-telfa ta’ Stephanie Buhagiar, President u Bandist Onorarju tas-Soċjetà. Ħalliet vojt kbir fi ħdan is-Soċjetà tagħna u kif stajna, minħabba l-protokolli tal-pandemija, organizzajnielha tislima fuq iz-zuntier u quddiem il-każin. Fejn jidħol tagħlim mużikali, minkejja li kien hemm xi żmien illi t-tagħlim talprattika kien wieqaf, issa qed inkomplu, u dan qiegħed ukoll jagħtina sodisfazzjon. Fil-klassi tat-teorija għandna aktar minn għaxar studenti jitgħallmu taħt il-gwida talAssistent Surmast, Christopher Bonnici, illi ta’ kull ġimgħa jieħu ħsieb jgħallem bla ħlas, u għalhekk, is-Soċjetà ma qed toħroġ xejn għal dan it-tagħlim. Agħtuh aktar xogħol! U komplu ejjew bi ħġarkom! Uħud minn dawn l-istudenti tressqu għalleżamijiet u ġabu marki tajbin.
La qed jiżdiedu l-allievi, irrid naraw illi nakkomodawhom, u għalhekk inxtraw strumenti ġodda. Baqa’ jsir ukoll il-programm onlajn ‘Mill-Pinna tal-Kompożituri’ skont il-festi ta’ matul is-sena, kif ukoll reġa’ ġie ppubblikat il-kalendarju tas-Soċjetà b’diversi ritratti ta’ nħawi differenti f’Birżebbuġa, filwaqt illi baqgħet issir il-lotterija ta’ kull ġimgħa.
Ngħid għalija, meta nħtart bħala Segretarju Ġenerali ma kellix il-ħsieb illi ndum daqstant fil-kariga, u għalkemm hija kariga ta’ ħafna wġigħ ta’ ras; ġiri għall-permessi, mili ta’ formoli, laqgħat mal-pulizija, mal-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi, u l-bqija, nistqarr illi din ilkariga qed tagħtini s-sodisfazzjon, għax biha nkun viċin tal-membri, viċin tal-partitarji, u viċin tagħkom illi tkunu fil-bini tas-Soċjetà tagħna. Inħares ’il quddiem għal aktar ħidma sabiex flimkien inkomplu ntellgħu isem isSoċjetà tagħna fuq il-pedestall illi jixraqlu, mhux biss f’Birżebbuġa, imma f’pajjiżna.
Ma rridx intawwal, u għalhekk nirringrazzja lillPresident Alexander Caruana, l-Assistenti Tiegħi, Paul Gafà u Christopher Bonnici, il-Kaxxier Walter Pace, isSurmast Direttur Michael Bugelli u l-Assistent, il-familji kollha tagħna, il-Pulizija tad-Distrett, il-Kappillan u l-Kleru, is-Sindku u l-Kunsill Lokali, il-Kummissjonijiet, Sezzjonijiet, Membri u Partitarji, kif ukoll lill-ħbieb tagħna tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen. Lilkom ilkoll, grazzi tar-rispett u l-ħidma flimkien għallġid tal-festa titulari ta’ San Pietru Appostlu.
Viva San Pietru, il-Patrun tas-Soċjetà u ta’ Birżebbuġa!
