
2 minute read
Il-Festa Lura f’Birżebbuġa
Scott Camilleri
Is-Sindku ta’ Birżebbuġa
Advertisement
Il-festa ta’ din is-sena se tkun immarkata fil-kotba tal-istorja hekk kif se tkun l-ewwel festa wara sentejn tal-pandemija talCovid-19. Illum erġajna lura biex niċċelebraw dawn il-jiem speċjali flimkien. Ftit tax-xhur ilu kellna l-opportunità li nieħdu togħma żgħira tal-festa hekk kif ilqajna l-wasla tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku f’Birżebbuġa. Irrid nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lil kull min ħadem sabiex tajna waħda mill-isbaħ merħbiet lill-Papa f’Malta.
Ħbieb, dan il-messaġġ huwa meqjus bħala l-ewwel messaġġ tiegħi kemm ili fil-kariga ta’ Sindku tal-lokalità tagħna. Ftit tal-jiem oħra nagħlaq sena filkariga u nieħu din l-opportunità sabiex nirringrazzja lil sħabi kunsillieri għall-għajnuna u l-appoġġ li nsib mingħandhom. Tul dawn l-aħħar xhur bħala Kunsill Lokali wettaqna ħafna xogħol, kemm fuq bażi ta’ Kunsill kif ukoll b’kollaborazzjoni mal-Gvern Ċentrali.
Fl-ewwel xhur tiegħi bħala Sindku ridt nara li bħala Kunsill nimmodernizzaw il-mod tat-tmexxija tagħna. Għalkemm il-pandemija ġabet magħha diversi diffikultajiet ħadna l-opportunità biex intejbu l-infrastruttura diġitali tagħna. Apparti minn hekk saħħaħna l-mod kif nikkomunikaw mar-residenti.
Il-ħidma tal-Kunsill tmur lil hinn mis-servizzi essenzjali fil-lokalità bħalma huwa ġbir ta’ skart u rapporti. Bħala Kunsill qed naħdmu fuq diversi proġetti infrastrutturali. Tul dawn l-aħħar xhur tlestiet l-ewwel parti ta’ Triq Dawret il-Qalb Imqaddsa kif ukoll tlesta l-proġett tal-għarar f’San Ġorġ. Dawn il-proġetti saru b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta. Barra minn hekk saru numru ta’ toroq ġodda residenzjali. L-ambjent huwa prijorità għal dan ilKunsill. Ħadna ħsieb inkomplu nħawlu aktar siġar filwaqt li tejjibna l-kundizzjonijiet talġonna tagħna. Il-Kunsill ħa ħsieb ukoll li jwettaq proġetti żgħar b’impatt sostenibbli bħalma huwa l-bdil tal-bankijiet tal-injam għal dawk magħmulin mill-plaswood.
It-tfal u ż-żgħar tagħna jibqgħu prijorità għalina. Flaħħar jiem waslu xkafef ġodda fil-librerija pubblika kif ukoll ġie installat ilqugħ protettiv fil-bandli tax-xatt.
Ħafna residenti spiss jilmentaw fuq in-nuqqas ta’ servizzi tas-Saħħa Primarja fil-lokalità tagħna. Tul dawn l-aħħar xhur il-Kunsill ħadem qatigħ sabiex jiġi identifikat post bil-għan li tkun tista’ tinbena berġa tassaħħa. Bħalissa l-Kunsill qiegħed jistenna l-konferma u l-vijabilità ta’ dan il-proġett. Bħala Kunsill se nkomplu naħdmu fuq dan il-proġett. Fiż-żmien tal-pandemija l-Kunsill għamel użu mis-sala tiegħu sabiex ġie amministrat il-vaċċin għall-COVID-19.
Dawn huma biss uħud mill-proġetti li wettaqna matul l-aħħar sena u bla dubju hemm ħafna aktar xi jsir.
Qabel nagħlaq irrid nieħu l-opportunità biex nawgura l-festa t-tajba lir-residenti kollha. Nawgura l-festa t-tajba lil sħabi kunsillieri, lis-Segretarju Eżekuttiv u l-istaff tal-uffiċċju li jaħdem qatigħ u lil kull entità li filħin liberu tagħha, tiddedika ħinha, sabiex il-festa sservi bħala okkażjoni ta’ ferħ u għaqda fost ir-residenti ta’ Birżebbuġa.
Nawguralkom is-sliem u s-saħħa.
Birżebbuġa Road, Birżebbuġa Mob: 7945 9171 Tel:2765 7281
