
2 minute read
Parroċċa Laboratorju tal-Paċi
Kan. Anton Galea Scannura
Il-Kappillan
Advertisement
Meta kien fostna l-Papa Franġisku, fiż-żjara f’Ħal Far, ispirat mill-post qal illi mank kull post isir “Laboratorju tal-Paċi” fejn jissaħħu r-rabtiet tal-ħbiberija soċjali u l-kultura tal-laqgħa. Naħseb dan il-kliem, illi qalu fil-kuntest ta’ post li jilqa’ fih lill-barrani skont ix-xewqa ta’ Ġesù, jista’ jdawwalna filmixja tagħna bħala parroċċa anki fejn tidħol il-festa.
Għax nemmen li kull attività soċjali tal-parroċċa bħalma hi l-festa parrokkjali, li fiha jieħdu sehem ukoll ilbaned, għandha tkun ambjent fejn tissaħħaħ il-ħbiberija soċjali. Il-festa mhix mument fejn inkabbru d-differenzi jew noħolquhom, imma post fejn ħadd ma hu barrani, fejn skont ix-xewqa tal-Papa Ġwanni XXIII, il-Mulej ikeċċi minn qlubna dak kollu li jhedded il-paċi. Dawn il-jiem, fejn aħna xhieda ta’ tant vjolenza għaddejja f’postijiet fejn hemm il-gwerra, l-eqreb lejna fl-Ukrajna, ma nistgħux insiru kompliċi billi nrewħu l-firdiet żgħar u xi drabi għalxejn ta’ bejnietna. Nitbikkmu quddiem gwerra kiefra li għaddejja bit-tbatija li ġġib magħha, imma mbagħad ħalli għalina sabiex inkabbru d-differenzi kull fejn jaqblilna. Kulħadd bniedem, kulħadd jiżbalja, imma dejjem nistgħu nerġgħu nibdew, u l-festa parrokkjali li qed niċċelebraw wara sentejn hija okkażjoni tajba biex “nerġgħu nibdew” u biex nagħżlu b’kuraġġ it-triq talaħwa. Jgħidu li fid-dlam il-kwiekeb jiddu iżjed u mank li l-festa parrokkjali tkun kewkba, ftit dawl f’ambjent li huwa aktarx mudlam, bejn gwerra, pandemija u l-mitt salib li jkollhom iġarrbu n-nies fil-ħajja tagħhom.
San Ġwanni XXIII, li għalih imsemmi l-Laboratorju tal-Paċi, b’rabta mal-parroċċa tagħna kien jgħid: “Ħalli Alla jibdilna u jagħmilna xhieda tal-verità, ġustizzja u mħabba tal-aħwa.” La reġgħet ġiet il-festa rridu nistaqsu lilna nfusna x’rotta se taqbad issa. Li x-xogħol kiber, l-esiġenzi żdiedu u mhux dejjem issib voluntiera kemm tixtieq huwa fatt. Però mbagħad irridu naraw il-festa għal xiex se sservi, fejn irridu naslu u fil-fatt qegħdin naslu bl-għażliet imma l-iktar żgħar li nagħmlu fejn tidħol il-festa u xi stampa kbira qed inżommmu f’moħħna.
Nittama li l-festa ssir ukoll labortarju tal-paċi. Ilfesta ma ssirx għal xi sezzjoni ta’ nies li joqogħdu fir-raħal imma ssir mill-parroċċa bil-koperazzjoni talbaned u ħafna oħrajn għal kulħadd. Kulħadd merħba bih għax aħna familja miftuħa. Jalla nagħtu xejra lillfesta li tkun tassew laboratorju tal-paċi fejn mill-ġdid niskopru li aħna aħwa u nsaħħu kultura ta’ għaqda u ta’ familja.
Nirringrazzja liż-żewġ baned tar-raħal tagħna tassehem tagħhom fil-festa li issa b’ferħ naraw li se ssir mill-ġdid. Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba.
Nota Editorjali:
Filwaqt illi nroddu ħajr lil Dun Charles Carabott illi kellu jieqaf mis-servizz ta’ Direttur Spiritwali tas-Soċjetà, nawguraw ħidma fejjieda f’din ilkariga, lill-Wisq Reverendu Kappillan, il-Kanonku Anton Galea-Scannura u nirringrazzjawh talli laqa’ t-talba tagħna sabiex minbarra l-Kappillan tal-Parroċċa, ikun ukoll id-Direttur Spiritwali tasSoċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa A.D. 1990

