
4 minute read
Introduzzjoni mill-President
Chev. Alexander Caruana OSJ
Jekk Alla jrid wara sentejn bla festa esterna minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-Covid-19, din is-sena jidher li ser inkunu nistgħu niċċelebraw il-festa titulari kif nafuha aħna l-Birżebbuġin, festa li nkunu ilna nistennewha mhux biss aħna, imma anke ħafna nies oħra li ta’ kull sena jinżlu fir-raħal tagħna għal din il-ġimgħa hekk speċjali.
Advertisement
Minkejja l-isfidi kollha li ġabet magħha l-pandemija, bħala soċjetà għamilna ħafna xogħol u żammejna s-Soċjetà għaddejja bl-aħjar mod possibbli. Ma nistax ma nsemmix il-proġett kbir illi għamilna biex irrinovajna s-sular t’isfel tal-każin illi sar kollu mill-membri volontiera tagħna. U matul din l-aħħar sena komplejna naħdmu sabiex isem is-Soċjetà tagħna nkomplu ntellgħuh ’il fuq. Hawnhekk żgur ma nistax ma nsemmix l-oratorio ‘Divo Petro’ li daqqejna għall-ewwel darba fl-24 ta’ Lulju tassena l-oħra fil-Katridral Metropolitan tal-Imdina; oratorio li ħafna dilettanti għadhom isemmuh, mhux biss għax huwa l-itwal wieħed li qatt inkiteb sa issa, imma anke għall-ġmiel tal-mużika kif ukoll tal-lirika tiegħu. Kellna wkoll iż-żjara mill E.T. l-President ta’ Malta Dr George Vella fis-sede tagħna fit-28 ta’ Lulju, żjara li tant baqgħet miftakra mill-membri tagħna. Imbagħad irrid insemmi ilmawra li għamlet iI-banda tagħna fi Sqallija, fejn fis-6 ta’ Novembru l banda daqqet fit-triq u l-pjazez prinċipali tal-belt ta’ Katanja, u allura din kienet ir-raba’ mawra tal Banda Birżebbuġa barra minn xtutna.
Bla dubju, proġett importanti u li tant ilu mistenni huwa dak tal-Arkivju Mużikali, proġett li kien pjanat illi jsir fis-sena 2004, imma peress li mbagħad konna xtrajna l-ispiżerija, il-Kumitat Ċentrali ta’ dak iż-żmien kien ħass illi kien impossibbli li l-arkivju jsir. Issa l-arkivju lest bħala xogħol tal-injam, u diġà mlejnieh bilfowlders il-ġodda bil-biċċiet mużikali li għandna. Wara l-festa titulari se tkompli l-ħidma tal-iskultura fuqu. Ma’ dan kollu ma nistax ma nsemmix ilħafna strumenti ġodda li bqajna nixtru u li bla dubju issa aħna sirna l-iktar banda f’Malta li għandna strumentatura kbira u kollox talaqwa kwalità. Dan juri biċ-ċar kemm tassew il-banda hija fuq nett tal-aġenda tagħna. Però dan kollu kien possibbli mhux biss bid-donazzjonijiet u bil-flus illi ndaħħlu mill-attivitajiet, imma għax ħdimna kemm flaħna sabiex napplikaw għal diversi fondi u li permezz tagħhom stajna nkomplu ninvestu u nagħmlu dawn il-proġetti kollha u fl-istess ħin inkomplu għaddejjin bl-ispejjeż tas-soltu u nħallsu s-self tal propjetà tagħna.
Fost dan kollu, żgur illi din is sena tibqa’ magħrufa magħna meta l-Ħadd 3 ta’ April, għalkemm forsi għal ftit minuti, għadda mir-raħal tagħna l-Q. T. il-Papa Franġisku, is-suċċessur tal-patrun tagħna San Pietru. Din kienet l-ewwel darba li Birżebbuġa laqgħet lissuċċessur ta’ Pietru, u kienet tassew xierqa l-festa li għamilna bħala komunità magħquda u mdawrin anke mal-vara titulari tagħna. Kien mument li reġa’ wera l-għaqda kbira li tirrenja fir-raħal tagħna u dan anke nnutah il-Papa meta lill-Monsinjur li kellu miegħu qallu li kien baqa’ mistagħġeb bil-folla u l-entużjażmu kbir li kien ra fl-aħħar raħal li kien żar, u allura meta għadda minn Birżebbuġa.
Il-festa ta’ din is sena xorta waħda qed iġġib magħha ħafna sfidi għax il-pandemija tat daqqa ta’ ħarta sew lillvolontarjat, u anke naqsu ħafna mill-bandisti li qabel kienu jdoqqu mal-baned, però ninsab konvint li se nkunu qed nagħmlu festa sabiħa u nagħmlu unur lirraħal illi tant inħobbu. Il-festa tagħna għandha ħafna elementi sbieħ, fosthom id-dimostrazzjonijiet talbaħar,in-nar illi jsir, il-baned, u l-kumplament. Imma bla dubju l-isbaħ ħaġa li jien kburi biha hija l-għaqda kbira li hawn bejnietna, u dan qed iwassal sabiex il-poplu
Gardjola Gate, Mimosa Street (St. Luke’s Road), G’Mangia PTA 1045 Tel: 2122 6020-3 Fax: 2124 2644
Malti jinżel jiċċelebra magħna din il-festa għax jaf li jkun mument fejn se jiġi u jieħu gost. Ejjew dan l-ispirtu nkomplu naħdmu sabiex inżommuh u nkabbruh għax b’hekk biss il-festa tagħna tista’ tkompli tkun waħda mill-iktar festi popolari tal-gżejjer Maltin.
Sfortunatament, esperjenzi koroh ngħaddu minnhom ukoll. Matul din is-sena ħallewna żewġ persuni li taw sehem notevoli fil-festa titulari. L-ewwel nett, Stephanie Buhagiar, illi kienet bandista tal-post membru tal-Kumitat Ċentrali, Chairperson tas-Sezzjoni Banda, u ħtarnieha mil-Laqgħa Ġenerali Annwali President u Bandist Onorarju. Onorat illi ħdimt ħafna magħha u kienet l-aktar persuna li ħadmet sabiex inħtart President tas-Soċjetà fl-2014. Ma’ Stephanie ħdimna ħafna sabiex intejbu l-livell tal-Banda Birżebbuġa. Ilpersuna l-oħra hija Martin Zammit, eks-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen. Kelli x-xorti li ma’ Martin ħdimt kemm meta kont filKumitat tal-Festa, fil-Kumitat tal-Banda San Pietru, kif ukoll meta waqqafna s-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa lura fl-1990. Mill-ewwel flimkien konna ħdimna pjan kif se nibdew norganizzaw il-festa titulari fir-realtà ġdida ta’ żewġ baned.
Qabel nagħlaq din l-introduzzjoni tiegħi nixtieq nirringrazzja lil sħabi kollha tal-kumitat, kummissjonijiet, surmast, assistent surmast, għalliem, soċji, bandisti u partitarji tagħna, lis-Sindku u sħabi l-kunsilliera kollha, il-Kappillan u l-Kleru, sħabna l-kumitat u s-soċji talGħaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen, lill-Grupp Armar 1 ta’ Awwissu u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jagħtu sehem sabiex inkunu nistgħu nagħmlu l-festa. Ma’ dawn nirringrazzja wkoll lis-Supretendent Josrick Mifsud lill-Ispettur Jonathan Cassar u lill-korp kollu tal- Pulizija u lill-forzi kollha tal-ordni li jkunu qed jaraw li kollox jimxi kif suppost. U lill-poplu kollu ta’ Birżebbuġa tal-għajnuna li dejjem insibu mingħandu. Però flaħħar u b’mod speċjali nirringrazzja lill-għażiża marti Charlotte u lil uliedi Nikita u Peter Paul tal-paċenzja kbira li jieħdu bija sabiex inkompli naħdem għall-festa tagħna. Insellem ukoll lil dawk illi minħabba raġuni jew oħra ma jistgħux jifirħu magħna f’dawn il-jiem.
Nixtieq nawgura l-festa t-tajba lil kulħadd!
Viva San Pietru!
Viva Birżebbuġa!

Security Systems

ACCESS CONTROL | CCTV | INTERCOMS INTRUDER ALARM SYSTEMS | SHOP SYSTEMS
G 09, New Industrial Park, Valletta Road, Għaxaq, GXQ 2245, Malta +356 27 88 33 88 | info@unitech.com.mt


