
3 minute read
X’hemm ġdid?
f a m i l j a . m e d i a @ g o v . m t
Minn dawn il-paġni nwasslu l-aħħar ġrajjiet kurrenti tal-ħidma tal-Ministeru. Kull min jinħtieġ isir jaf aktar dwar għajnuna jew servizzi, inkella għandu xi domandi oħra, jista’ jagħmel kuntatt magħna fl-indirizz elettroniku familja.media@gov.mt
Fil-Jum Dinji għall-Abbiltajiet taż-Żgħazagħ ittellgħet attività mill-Aġenzija Żgħażagħ u l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), hekk kif tħejjew numru ta’ workshops għaż-żgħażagħ fejn kellhom l-opportunità li jagħmlu xogħol tal-idejn, jitgħallmu ħiliet li jistgħu jużaw fid-dinja tax-xogħol, kif ukoll jiddiskutu suġġetti ta’ interess għalihom.
L-għan ta’ dan il-jum kien li jqajjem kuxjenza dwar diversi abbiltajiet li ż-żgħażagħ jistgħu jiżiluppaw sabiex jgħinuhom, kemm fil-preżent u anke fil-futur, speċjalment meta jkunu ser jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
L-attività serviet bħala opportunità sabiex anke dawk l-aktar żgħażagħ vulnerabbli jingħataw iċ-ċans jilħqu l-milja tagħhom. L-Aġenzija Żgħażagħ mhux biex tassisti fil -problemi li jiltaqgħu magħhom iż-żgħazagħ iżda tgħin sabiex jesploraw ħiliet u abbiltajiet moħbija.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon faħħar is-sens ta’ rieda komuni bejn id-diversi entitajiet, sabiex kull żagħżugħ jingħata ċ-ċans li jimmassimizza l-potenzjal tiegħu. Il-Ministru enfasizza li lGvern se jkompli jappoġġja inizjattivi bħal dawn għaliex verament jemmen fis-sehem attiv tal-adolexxenti u ż-żgħażagħ.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti saħaq dwar l-importanza strateġika li ż-żgħażagħ kollha jkunu inklużi biex jiksbu ħiliet li huma importanti għalihom ħalli fil-futur isibu impjieg li jwassalhom fil-quċċata tal-kapaċitajiet tagħhom jew anke li jkunu huma stess intraprendituri.

Imniedi rapport ta’ ħidma tat-Taskforce dwar Trobbija Pożittiva
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal nieda rapport ta’ ħidma li saret mit-Taskforce tat-Trobbija Pożittiva matul dawn l-aħħar tliet snin. Dan it-taskforce kien imwaqqaf sabiex joħloq aktar għarfien dwar dak li jagħmel trobbija pożittiva għat-tfal u kif tista’ tingħata aktar stabbilità u ambjent xieraq lit-tfal.
F’konferenza tal-aħbarijiet, ġew preżentati dettalji li ħarġu minn dan ir-rapport t’evalwazzjoni. Ħareġ ċar kemm kien hemm il-bżonn t’aktar għarfien dwar l-intervezzjoni bikrija, li huwa dak il-perjodu meta l-omm toħrog tqila u sa sena wara.

R i t r a t t : V l a d a K a r p o v i c h
F’din il-fażi ntlaħqu ġenituri u ommijiet li kellhom bżonn għajnuna psikoloġika minħabba li t-tqala tkun ħalliet emozzjonijiet diversi u li f’ċerti każijiet ikun hemm bżonn għajnuna ta’ professjonisti. “Għalhekk komplejna nibnu fuq is-servizzi eżistenti li hemm f’Mater Dei u qed nagħtu servizz lil ommijiet u l-missirijiet li jkollhom diffikultà ta’ saħħa mentali.” Il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar kif dan it-taskforce kompla jsaħħaħ din il-ħidma f’dan il-qasam delikat permezz tal-kampanja Breaking the News fejn il-professjonisti qed jingħataw taħriġ professjonali dwar kif għandhom iwasslu l-aħbar f’każ li jkun hemm kumplikazzjonijiet fit-tqala jew inkella diżabbiltà fit-tfal.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellmet ukoll iċ-Chairperson tal-Positive Parenting Taskforce Ruth Sciberras. Hija tat elenku tax-xogħol kollu li sar, bil-parteċipazzjoni ta’ diversi professjonisti lokali u anke internazzjonali.
Kienu msemmija wkoll fatturi dwar l-għażla tas-sieħeb jew is-sieħba, li jistgħu iħallu effetti fuq it-tfal. “It-trobbija tat-tfal ġġib magħha ħafna responsabilità u hija indispensabbli li l-ulied iħossuhom siguri fihom nfushom u dan anke għall-ġid tas-soċjetà. Għaldaqstant, bħala gvern, aħna kommessi li nwieżnu l-ġenituri fid-dmirijiet tagħhom. Speċjalment familji li minħabba diversi diffikultajiet, fosthom finanzjarji, għandhom bżonn iżjed għajnuna fit-trobbija t’uliedhom.”

Il-Ministru Michael Falzon temm jgħid kif matul dawn it-tliet snin saru kampanji favur it-trobbija ta’ tfal u l-adoloxxenti kif ukoll dwar iż-żmien ta’ tqala fejn dejjem qed joħroġ iktar ċar il-bżonn ta’ kampanji nazzjonali bħal dawn.
It-Taqsima Komunikazzjoni tal-Ministeru b’uffiċċju ġdid
Matul ix-xahar ta’ Lulju saret il-migrazzjoni tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni mill-binja ta’ Palazzo Ferreria fi Triq l-Ordinanza fil-Belt għal Casa Depares fi Triq l-Ifran fil-Belt stess. Dan it-trasferiment serva biex illum il-funzjoni u l-operat tal-Komunikazzjoni għandhom spazju akbar fil-kuntest ta’ ħażna ta’ arkivji ta’ materjal stampat u tal-apparat li jintuża waqt il-qadi ta’ dmirijietna. Fl-istess waqt żdied ukoll l-ispazju li jaħseb biex jilqa’ fih kollegi ġejjin mill-qasam tal-Media, kollegi mill-istess Ministeru u personalitajiet oħrajn li magħhom ikun qed isir xogħol, proġetti jew intervisti b’relevanza mal-pubblikazzjonijiet tal-marka FAMILJA li jkunu ppubblikati minn dan il-Ministeru. Id-direzzjoni tixtieq tirringrazzja lil numru ta’ persuni li kienu involuti biex dan il-pass seta’ jkun possibbli fosthom is-Segretarju Permanenti s-Sur Mark Musù, is-Sinjura Alexia Vella, Direttur Relazzjonijiet Internazzjonali, kif ukoll lis-Sinjura Claudia Mifsud, Assistent Direttur fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti. Infakkru li kull korrispondenza lill-Editur tista’ tiġi indirizzata fl-indirizz elettroniku: anthony.a.bonello@gov.mt jew familja.media@gov.mt