14 minute read

Ikteb Ċar Skema ġdida għal żgħażagħ b’diffikultajiet soċjali biex dawn ikunu integrati lura fis-soċjetà permezz tal-volontarjat

Ikteb Ċar

Konferenza dwar kitba ċara fis-Servizz Pubbliku minn dimensjoni soċjali

T o n i o B o n e l l o

“Aħna responsabbli u nirrispondu għall-parti l-kbira tal-benefiċċji u servizzi soċjali b’risq is-soċjetà u allura jinħtieġ nimpenjaw ruħħna biex il-kitba tagħna f’kull materjal li ngħaddu u f’kull korrispondenza mal-pubbliku tkun ċara u sempliċi. Dan jgħodd, kemm meta qed nikkomunikaw mal-kbar, però b’mod speċjali mat-tfal.” Dan kien id-diskors ta’ introduzzjoni li wassal l-Onor. Michael Falzon, Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal meta fetaħ konferenza ta’ jum dwar Kitba Ċara. Il-Ministru spjega kif din l-inizjattiva, l-ewwel tax-xorta tagħha fis-servizz pubbliku, qed issir b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea. Kompla li dan il-Ministeru qed jagħti importanza kbira lejn it-twassil tal-messaġġ u l-metodu tiegħu u għal dan il-għan spjega kif matul dawn is-snin, l-istess Ministeru investa bi sħiħ f’numru ta’ riżorsi konnessi mal-Media. Tkellem ukoll is-Segretarju Permanenti, is-Sur Mark Musù, li qal kif din il-konferenza qed issir ukoll fi żmien fejn il-Ministeru qed ifakkar ix-xahar dwar il-Ġustizzja Soċjali kif ukoll għeluq is-66 sena tat-tnedija tas-Sigurtà Soċjali f’pajjiżna. Is-Sur Musù kompla kif illum, aktar minn qatt qabel, il-klijenti tagħna m’għadhomx biss Maltin u Għawdxin imma jinkludu wkoll persuni barranin li għażlu li jiġu joqgoħdu f’dawn il-gżejjer. Sostna li hemm żewġ fatturi fejn il-Ministeru jinħtieġ jissaħħaħ dwar kif jikkomunika aħjar: l-ewwel meta l-komunikazzjoni tkun qed isir f’ġeneru legali –it-tieni, meta qed nikkomunikaw mat-tfal li dawn jagħmlu parti integrali mis-soċjetà. Fost kelliema oħra kien hemm Dr. Helga Zahra, Kap tad-Dipartiment tal-Lingwa Maltija li tkellmet fuq il-kampanja dwar Kitba Ċara mid-dimensjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Dr. Zahra qalet kif waqt li bħalissa l-membri sieħba jgħoddu 27, dan jinvolvi ħidma ta’ traduzzjoni f’24 lingwa differenti. Semmiet kif fost l-inizjattivi li ttieħdu qed ikunu organizzati Clear Writing Awards waqt li temmet li biex messaġġ jasal tassew għal min hu indirizzat u jinħtieġu, qabel xejn irridu niftakru fil-KISS li t-tifsira tagħha hi, Keep It Short and Simple. Personalità oħra kienet Prof. Laura Lundy, Professur fi Queen’s University f’Belfast u fil-University College ta’ Cork fl-Irlanda.

Prof. Lundy saħħqet dwar l-importanza li jkollna verżjonijiet child friendly ta’ Liġijiet u Policies. Qalet kif kull tifel u tifla għandhom id-dritt ifittxu u jsibu informazzjoni li huma jistgħu jifhmu, kif ukoll li b’hekk ikunu jistgħu jesprimu tħassib jew reazzjonijiet li jolqtuhom direttament. Sostniet dan b’mod speċjali meta l-messaġġ tagħna nkunu rridu nwassluh lil tfal b’diżabilità. Qalet kif bħala regola, it-tfal ma jeħdux gost jaqraw kontenut ta’ aktar minn 4 paġni. Lanqas ma jattirawhom paġni bojod u suwed, waqt li immaġini kuluriti jgħinu fit-twassil tal-messaġġ. Prof. Lundy saħħqet dwar il-prinċipju fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem u temmet li jekk it-tfal ma jkollhomx aċċess għal kontenut miktub bħala child friendly għalihom, allura qatt ma jistgħu jkunu jafu eżatt x’inhuma d-drittijiet tagħhom! Dr Joseph Izzo-Clarke, Kap tat-Taqsima tat-Traduzzjoni tal-Malti fil-Qrati tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea spjega kif kliemna għandu jkun ċar, konċiż, sempliċi, bir-referenzi meħtieġa, miktub bi grammatika tajba u bl-idjomi rispettivament. Sostna li fid-djalogar tagħna mal-pubbliku jinħtieġ nibdew nevitaw kliem tekniku waqt li għadda biex semma ċerti eżempji - bħal nużaw il-kelma dmirijiet flok doveri, il-kelma inkella flok altrimenti. Saħaq li qabel dokument jintbagħat għall-konsum pubbliku hu dmir tagħna li qabel xejn naqrawh mill-ġdid, naraw hux kollox jinftiehem u fejn hemm żbalji dawn għandhom ikunu koreġġuti. Bejn dawn il-kelliema u oħrajn fit-tieni parti ta’ din il-konferenza, panel ta’ esperti ddiskuta t-tema, Reducing frustration out of the public administration – is clear writing for all, a solution? Din id-diskussjoni evolviet dwar jekk il-kitba ċara hijiex soluzzjoni biex titnaqqas il-frustrazzjoni mill-amministrazzjoni pubblika. Dan għaliex il-komunikazzjoni hija parti kbira mit-twassil tas-servizz tal-amministrazzjoni pubblika. B’hekk jeħtieġ li l-komunikazzjoni tkun b’mod ċar u b’mod li l-pubbliku jkun jista’ jifhem u juża permezz ta’ lingwaġġ ċar, utli u li jinftiehem, tant li l-pubbliku jista’ jifhimha fl-ewwel qari. Il-panel inkluda l-parteċipazzjoni tas-Sur Mark Musù, (Segretarju Permanenti MSPC u MSAA) is-Sinj. Anya Mehr (mid-DĠ Traduzzjoni, Kummissjoni Ewropea), is-Sur Lodewijk van Noort (Membru tal-Bord PLAIN International and Project Leader Plain Language fil-Belt ta’ The Hague) is-Sur Alfred Grixti (Kap Uffiċjal Eżekuttiv, FSWS) u s-Sinj. Antoinette Vassallo (Kummissarju għat-Tfal). Kien imbagħad il-ħin li Sinj. Anya Mehr, DG Translation tal-Kummissjoni Ewropea, tindirizza lil dawk preżenti u ħafna oħrajn li attendew b’mod virtwali. Hawn spjegat is-sitwazzjoni tal-istess Kummissjoni fejn fil-professjoni tal-lingwa bħalissa timpjega 18-il editur li għalkemm jidhru ħafna, dawn ta’ kull sena jkollhom jittraduċu volumi kbar ta’ komunikazzjoni u korrispondenzi speċjalment meta wieħed jirrealizza li kull materjal irid ikun tradott f’24 lingwa differenti. Waqt li spjegat l-inizjattiva tagħhom biex ħejjew il-ktejjeb, ‘How to Write Clearly’ –is-Sinj. Mehr semmiet it-tema dwar l-użu tal-abbrevjazzjonijiet jew aħjar, tal-kliem fil-qosor u temmet li l-użu ta’ dawn bosta drabi qed itellef milli jitwassal messaġġ li fih innifsu jkun jinftiehem. F’dan is-sens għandha tintuża kawtela dwar ċerti terminoloġiji għandhomx

jitqassru jew jitħallewx fil-kliem proprju li jiddefinihom. Kelliem ieħor kien is-Sur David Schembri mir-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta. Hu enfasizza kif fejn hemm kitba ċara, dan ifisser użu għaqli tal-ħin għax ma jkunx hemm talbiet għal kjarifiċi wara, kif ukoll infieq bil-għaqal ta’ flus it-taxxi tal-poplu għax l-effiċjenzja tkun akbar. Il-kelliem imbagħad għadda biex tkellem dwar il-lingwa preferuta tal-Maltin u qal li meta l-pubbliku kien mistoqsi dwar dan, kien hemm maġġoranza assoluta ta’ 97% li qalu li jippreferu l-lingwa Maltija. Fuq l-istess linja sostna li r-reklamar f’pajjiżna hu aktar effettiv meta jkun bil-Malti milli bl-Ingliż, għalkemm emfasizza l-importanza li siti elettroniċi tal-Gvern għandhom ikunu kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Kien imiss issa d-diskors tas-Sur Lodewijk van Noort, membru fil-Bord PLAIN International u Project Leader dwar Plain Language fil-kapitali the Hague fin-Netherlands. Hu beda biex stqarr l-esperjenza ta’ art twelidu stess fejn semma kif 30 fil-mija tal-popolazzjoni f’The Hague għandhom problema ta’ litteriżmu. Saħaq dwar tlett fatturi ewlenin fundamentali fil-kitba ċara - (1) Analiżi tat-test. Dan jista’ jsir permezz ta’ gwida dwar il-kitba, kif ukoll check lists. (2) Ġudizzju espert tal-kollegi tal-awtur. Dawn jgħinu biex ikun hemm aktar fehmiet dwar il-lingwaġġ użat waqt li jaraw li dak li qed jingħad filfatt jinftiehem. (3) Ir-riċerka li għandu jagħmel kull awtur, is-sens ta’ kollaborazzjoni mal-iskejjel u bl-istess qies ma’ persuni mill-pubbliku b’għarfien anqas tal-litteriżmu. Dan, sostna, speċjalment meta t-test ikun ta’ ġeneru legali. Temmet il-konferenza b’kelmtejn qosra is-Sinj. Denise Fiorentino, id-Direttur Ġenerali (Riċerka, Politika u Operat) tal-Ministeru li kienet il-moħħ wara din l-inizjattiva. Hi saħqet dwar l-importanza li kemm jista’ jkun, kull test ikun konċiż u miktub b’mod li jinftiehem. Enfassizat ukoll dwar il-famuża KISS li tfisser Keep It Short and Simple. Il-konferenza dwar Kitba Ċara saret il-Ġimgħa 20 ta’ Mejju 2022 fil-Lukanda Phoenicia u għaliha attendew impjegati tal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, kemm b’mod fiżiku, kif ukoll virtwali.

R i t r a t t : D i p a r t i m e n t t a l-I n f o r m a z z j o n i

Skema ġdida għal żgħażagħ b’diffikultajiet soċjali biex dawn ikunu integrati lura fis-soċjetà permezz tal-volontarjat

f a m i l j a . g o v . m t

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u l-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli nedew skema ġdida bl-isem ta’ Youth Engage Scheme, li din se tifforma parti mill-Youth Volunteer Scheme. Din l-iskema mmexxija mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju (MCVS) flimkien mas-Servizzi taż-Żgħażagħ fi ħdan l-FSWS se toffri esperjenza ta’ xogħol ma’ għaqdiet volontarji lil żgħażagħ b’diffikultajiet soċjali biex ikunu integrati lura fis-soċjetà.

Il-Ministru Michael Falzon faħħar din l-inizjattiva u fissirha bħala tarġa biex tindirizza faxex soċjali li jistgħu jkunu iktar vulnerabbli minn oħrajn. “Se noffru taħriġ, se nintegraw liż-żgħażagħ u se ngħinuhom jesploraw kwalitajiet pożittivi li kienu moħbija. Nemmnu li jekk nagħtu sens ta’ empowerment u gwida ċara, dawn iż-żgħażagħ kapaċi jiżviluppaw karriera u futur sabiħ”, qal il-Ministru Falzon

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li din l-iskema ġdida hija inklużjoni fil-prattika u se toffri pjattaforma ugwali fid-dinja tax-xogħol għal dawn iż-żgħażagħ. Il-ministru semmiet li dawn iż-żgħażagħ se jkunu qed jingħataw ukoll stipendju fix-xahar.

Permezz ta’ 6 għaqdiet volontarji, 15-il żagħżugħ ser ikunu megħjuna biex ikunu integrati fis-soċjetà. Il-Ministru enfasizzat li din l-iskema hija proċess immirat biex jipprovdi ambjent sigur lill-parteċipanti ħalli jtejbu l-esperjenzi tax-xogħol tagħhom filwaqt li fl-istess waqt jemmnu aktar fihom infushom u fit-talenti tagħhom. Fissret li din l-iskema hija opportunità għal dawn iż-żgħażagħ biex jibdew jifhmu sens ta’ tmexxija kemm fix-xogħol kif ukoll fuq livell personali.

Il-Ministru Farrugia Portelli kkonkludiet li, “Permezz tas-sabiħ tal-volontarjat, dawn iż-żgħażagħ ser ikunu qed joffru l-id tas-solidarjetà, u din l-istess solidarjetà se tkun qed tgħinhom jerġgħu jintegraw fis-soċjetà”. Il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo qal li l-għan tal-kunsill kien dejjem li jagħti sostenn lis-settur tal-volontarjat fil-ħidma tiegħu fil-komunità. Spjega li permezz ta’ din l-iskema, “Ser inkunu qed nintegraw, permezz ta’ esperjenza fil-volontarjat, żgħażagħ b’diffikultajiet soċjali sabiex ikunu integrati aħjar fis-soċjetà”. Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti qal li din l-inizjattiva kienet opportunità għal żgħażagħ li għandhom bosta sfidi biex jemmnu fihom infushom u jaħdmu f’qasam li se jagħtihom il-ħiliet meħtieġa għad-dinja tax-xogħol.

Fi tmiem il-konferenza kien ffirmat Memorandum ta’ Ftehim bejn l-MCVS u l-FSWS li se jara li din l-iskema sseħħ.

Il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm 2022

T o n y M i c a l l e f D o n o r L i a i s o n N u r s e

Ħarsa lejn dan il-Jum fuq livell mondjali

Il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm, kull sena jiġi ċċelebrat madwar id-dinja kollha fl-14 ta’ Ġunju. Fil-fatt din is-sena qed jiġi kkomemorat għad-19-il darba wara li l-ewwel kommemorazzjoni tiegħu seħħet fl-14 ta’ Ġunju tal-2004 fil-Belt ta’ Johannesburg, fl-Afrika t’Isfel. Minn dik is-sena ’l hawn għadd ta’ pajjiżi minn madwar id-dinja, inkluż Malta, bdew u baqgħu jikkommemoraw dan il-Jum.

Ta’ kull sena l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tagħżel post biex fih tospita dan l-avveniment dinji, li din is-sena seħħ fil-Belt Kapitali Messikana - Mexico City.

Tiġi magħżula wkoll tema, din is-sena kienet:

“Li tagħti d-demm hu att ta’ solidarjetà. Ingħaqad m’oħrajn u salva ħajjet in-nies” li permezz tagħha jasal il-messaġġ tal-bżonn kontinwu tad-donazzjonijiet tad-demm u fl-istess ħin ikun rikonoxxut il-ġest nobbli tad-donaturi tad-demm. L-għan prinċipali ta’ dan jibqa’ li d-donazzjonijiet tad-demm li jsiru mad-dinja kollha jsiru fuq bażi volontarja, altruwista u naturalment mingħajr pretenzjoni ta’ ħlas lura.  

Il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm 2022 f’Malta Strutturi, binjiet u monumenti mixgħula bl-aħmar

Għal darba oħra l-kommemorazzjoni tal-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm 2022 f’Malta saret billi għadd ta’ strutturi, binjiet u monumenti madwar Malta u Għawdex ġew mixgħula bi dwal ħomor. Dan sar kemm mill-Istat, kif ukoll minn entitajiet mhux governativi, ekkleżjastiċi u kummerċjali. Filfatt wieħed mill-parteċipanti ewlenin f’din l-inizjattiva kien il-Ministeru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal billi bħal ma għamel

f’dawn l-aħħar snin xegħel il-galleriji ta’ Palazzo Ferreria bl-aħmar.

Naturalment din l-inizjattiva kellha skop ewlieni li l-eluf ta’ d-donaturi li ta’ kull sena jagħtu d-demm fuq bażi volontarja u mingħajr pretenzjoni ta’ ħlas lura jiġu murija rikonoxximent b’mod apert. Dan għax grazzi għalihom, is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa baqa’ għaddej sena wara l-oħra.

Skop ieħor kien li d-donaturi eżistenti jagħmlu kuraġġ u jikkommettu ruħhom li jagħtu d-demm b’mod iktar regolari. Apparti hekk, permezz ta’ dawn il-mixgħeliet jikber l-għarfien tal-bżonn kontinwu tad-donazzjonijiet tad-demm u l-ġest nobbli tad-donaturi eżistenti jservi biex iktar nies f’saħħithom, partikolarment żgħażagħ, jikkonvinċu ruħhom li jibdew jagħtu d-demm huma wkoll.

Iċ-ċerimonja tal-għoti tar-rikonoxximent Ħajr għad-Donaturi tad-Demm

Nhar it-Tieta, 14 ta’ Ġunju fil-Palazz Verdala saret iċ-ċerimonja tal-għoti tar-rikonoxximent Ħajr għad-Donaturi tad-Demm. Din iċ-ċerimonja tant mistennija wara assenza ta’ sentejn minħabba l-pandemija kienet is-sitt waħda tax-xorta tagħha minn meta saret għall-ewwel dabra fl-2015. F’din iċ-ċerimonja taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tiegħu l-President Dott. George Vella ġew rikonoxxuti 25 donatur, 10 nisa li taw tal-inqas 50 donazzjoni tad-demm, u 15-il raġel li tal-inqas taw 100 donazzjoni tad-demm.

Kelma tal-aħħar

Bħal ma hu konxju kulħadd, il-bżonn tad-demm f’pajjiżna hu wieħed kontinwu u li spiss qed jiġi aggravat minn aċċidenti ma jaqtgħu xejn, kemm fuq il-postijiet tax-xogħol u iktar minn hekk fit-toroq ta’ Malta u xejn inqas f’Għawdex. Quddiem dan xenarju s-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm apparti li jkompli jappella għad-donazzjonijiet tad-demm, jappella wkoll għal prudenza u attenzjoni massima fuq il-postijiet tax-xogħol u fit-toroq tagħna.

Tagħrif dwar l-għoti tad-demm jinkiseb minn www.blood.gov.mt www.facebook.com/bloodmalta 79307307 jew 80074313.

255 voluntiera ħadu sehem fl-esperjenzi missjunarji

Mit-twaqqaf tal-Mission Fund fl-1984, il-missjunarji ingħataw €7,669,102 f’għajnuna

T o n i o B o n e l l o

Il-Mission Fund twaqqaf fis-16 ta’ April 1984 mill-mibki Ian Azzopardi u l-mara tiegħu Rita. L-iskop tiegħu hu biex iservi ta’ spalla għall-missjunarji Maltin u Għawdxin li qed ixandru l-Kelma t’Alla f’madwar 40 pajjiż tad-dinja. Il-Mission Fund hija rreġistrata bħala għaqda filantropika mal-Kummissarjat għall-Għaqdiet Volontarji (V0/0015) u hija approvata mill-Kurja Arċiveskovili ta’ Malta. Biex insir naf aktar dwar dan tkellimt mas-Sur John Sammut, Segretarju tal-Mission Fund u bdejt biex staqsejtu...

____________________________________ X’inhuma l-inizjattivi li twettqu (fejn imorru l-flus mill-ġbir) u min jibbenifika minnhom?

____________________________________ Il-Mission Fund iżomm kuntatt ma’ madwar 9,000 benefattur permezz tal-pubblikazzjoni tan-newletter kull tlett xhur, li min-naħa tagħhom jibgħatu donazzjonijiet b’risq dawn il-missjunarji.

Jintbagħtu wkoll fuljetti fir-residenzi kollha ta’ Malta u Għawdex. Barra minn hekk, jiġu organizzati wkoll attivitajiet soċjali għall-ġbir ta’ fondi, li dejjem jibdew biċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Kull sena, madwar 100 missjunarju jibbenefikaw minn donazzjonijiet ta’ €2,000 kull wieħed. Fil-każ ta’ 5 isqfijiet, tintbagħat is-somma ta’ €4,000 peress li ħtiġijiet tagħhom huma akbar. Lill-missjunarji saċerdoti, kemm djoċesani kif ukoll reliġjużi, tintbagħat ukoll is-somma ta’ €1,000 oħra bħala offerti għall-quddies b’suffraġju għall-benefatturi mejta. F’dawn l-aħħar sentejn, ingħatat is-somma ta’ €500 addizzjonali lill-missjunarji kollha sabiex jkunu jistgħu jipproteġu lilhom infushom u lill-familji foqra mill-pandemija.

____________________________________ Liema huma l-pajjiżi li jibbenifikaw mill-għajnuna tagħkom?

____________________________________ Il-missjunarji li bbenefikaw mill-Mission Fund matul is-snin li ilu mwaqqaf huma mxerrda ma’ diversi nħawi tad-dinja, fosthom l-Afrika t'Isfel, Albanija, Alġerija, Bolivja, Brażil, Eġittu, Etjopja, Filippini, Ġorġja, Guam, Gwatemala, Ħonduras, Indja, Iżrael, Kamerun, Kenja, Kolombja, Kuba, Latvja, Lebanon, Libja, Pakistan, Perù, Sudan t'Isfel, Tajwan, Tanzanija, Turkija u Żambja.

_____________________________________ Bħalissa għandkom Proġett Tama. Tista’ tgħidilna ftit aktar dwar dan; meta beda, x’inhu l-iskop u fejn irid jasal?

____________________________________ Sa mill-1992 kull sena grupp ta’ madwar 20 voluntiera flimkien ma’ direttur spiritwali jitħarrġu permezz ta’ laqgħat kull ġimgħa, għal perjodu ta’ 7 xhur. Dawn il-voluntiera jsegwu programm ta’ tilqim u pilloli skont il-pajjiż fejn ikun ser isir il-volontarjat. Kull membru jħallas l-ispejjeż kollha inkluż il-passaġġ bl-ajru u xi spejjeż tal-ikel u l-akkomodazzjoni. Il-perjodu ta’ volontarjat ikun ta’ madwar xahar. Dawn l-esperjenzi missjunarji dejjem isiru fejn hemm missjunarji Maltin. Dan il-volontarjat sar fl-Alġerija, fit-Tuneżija, fil-Kenja, fit-Tanzanija, fil-Gwatemala, fil-Perù, fl-Indja u fil-Filippini. Il-proposti għall-proġetti li jkunu sottometti mill-missjunarji Maltin jiġu milqugħa minn sottokumitat Proġett Tama li ġie mwaqqaf apposta fi ħdan il-Mission Fund għal dan il-għan. Wara li ssir l-evalwazzjoni, jintgħażel proġett partikolari kull sena. Dawn il-proposti normalment jikkonċernaw estensjoni jew bini ta’ skejjel, kliniċi, ċentri tas-saħħa u sptarijiet. Saru ukoll diversi proġetti biex jiġi provdut ilma nadif u oħrajn għal sistema ta’ reċiklaġġ tal-iskart biex jiġi ffurmat biogas li jservi bħala mezz ta’ enerġija. Matul iż-żmien, inbnew ukoll djar żgħar għal foqra u ngħatat għajnuna għal bini ta’ fish farm. Uħud minn dawn il-proġetti jiġu finanzjati totalment mill-Mission Fund waqt li fil-każ ta’ proġetti kbar tiġi finanzjata parti mill-proġett. Meta l-voluntiera jirritornaw Malta, huma jġorru magħhom l-esperjenza missjunarja matul ħajjithom kollha. Jitkellmu fuq il-ħidma tal-missjunarji biex itejbu l-ħajja ta’ persuni li qed jgħixu ħajja diffiċli, speċjalment fejn tidħol l-edukazzjoni, is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja. Mill-banda l-oħra, il-preżenza tal-voluntiera tkun ta’ kuraġġ kbir għall-missjunarji li ta’ kuljum iħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjonijiet diffiċli u mumenti ta’ solitudni.

____________________________________ Mit-twaqqif tal-Mission Fund sal-lum, kemm hi s-somma sħiħa li lħaqtu, u jekk tibagħtu voluntiera, mit-twaqqif sal-lum kemm bgħattu voluntiera b’kollox?

_____________________________________ Minn mindu twaqqaf il-Mission Fund fl-1984, il-missjunarji b’kollox ingħataw €7,669,102. In-numru ta’ voluntiera li ħadu sehem fl-esperjenzi missjunarji jammontaw għal 255. Uħud minn dawn il-voluntiera jirrepetu l-esperjenza kull sena, hekk li kien hemm min ħa sehem f’25 esperjenza missjunarja. Il-voluntiera li ħadu sehem f’dawn l-esperjenzi missjunarji huma ġejjin minn diversi klassijiet tal-ħajja u jinkludu imħallfin, tobba, spiżjara, għalliema, professjonisti oħra, bennejja, ħaddiema tal-id u nisa tad-dar.

This article is from: