
5 minute read
Tieqa lejn il-Pajsaġġ Malti Tnedija ta’ Pjan Ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Garanzija Tat-Tfal
Intervista ma’ Paul Galea Tieqa lejn il-Pajsaġġ Malti
M a r y A n n e Z a m m i t

Nistgħu ngħidu li għalkemm ngħixu ġewwa gżira żgħira, ninsabu mdawra b’pajsaġġi mill-isbaħ u li huma karatteristiċi tal-lokal. Fuq din l-istess tema, nhar l-14 ta’ Mejju 2022 ġiet inawgurata esebizzjoni tal-Arti ġewwa r-Razzett tal-Markiż, il-Mosta u l-artist kien Paul Galea. F’din il-wirja kienu jispikkaw l-aktar pitturi mill-ifjen u verament sbieħ fil-biċċa l-kbira tagħhom kienu jkopru proprju l-pajsaġġ Malti. Biex insir naf aktar dwar dan iltqajt mal-artist innifsu biex spjegali aħjar dwar l-arti tiegħu. Paul Galea twieled nhar it-28 ta’ Settembru 1946 ġewwa r-Rabat, Malta fejn qatta’ l-biċċa l-kbira ta’ tfulitu u żgħożitu. Sewwasew, Paul jiftakar li kemm quddiem id-dar tiegħu u kemm wara kien miżgħud bl-għelieqi. Bini kważi xejn. Hekk kien iqatta’ l-ħin tiegħu fuq il-bejt jammira l-veduti sbieħ u naturali. Kienu dawn il-mumenti li ispirawh jibda jħażżeż l-ewwel disinni tiegħu. “L-imħabba għall-Arti minn dejjem kienet fija. Niftakar sewwa, meta kont għadni l-iskola Primarja, l-Għalliem tal-Arti kien jagħmlilna ħafna kuraġġ u darba għamlilna kompetizzjoni li min ipinġi l-aħjar bandiera Maltija jieħu lapes. Bdejt nirsisti u rnexxieli nirbaħ.” Minn hemm Paul ma ħarisx lura. Peress li kien jgħix viċin il-kampanja u anke l-Imtarfa, beda jpinġi xenarji, pajsaġġi u saħansitra knejjes. “Niftakar, warajja kien hemm ukoll kamra tan-nar u ftit bogħod kien hemm mitħna tar-riħ. L-imħabba għal kampanja bdiet minn hemm. Kont naprezza s-sbuħija tal-kampanja u dejjem kont infittex xenarji Maltin.” Dan kellu jkun l-istil ta’ Arti ta’ Paul fejn sal-lum għadu jagħmel kommissjonijiet għan-nies. Waqt li tkun qed tħares lejn il-pittura ta’ Paul donnok tħossok qisek qiegħed hemmhekk. Paul spjegali li hu jqatta’ sigħat twal josserva d-dellijiet u d-direzzjoni tad-dawl fuq il-bini jew il-pajsaġġ. Hemm żmien fis-sena fejn ix-xemx titla’ minn direzzjoni oħra u dan jiddependi wkoll mis-suġġett li jkollu. Min-naħa tiegħu, Paul iħobb ikun realistiku u jidħol fid-dettal iżda mhux iżżejjed għax skont hu l-pittura tiġi aktar qisha ritratt. Sadanittant, kien hemm perjodu fejn Paul fittex li jagħmel xogħol artistiku ieħor, il-bogħod mill-kampanja u aktar kontemporarju. Iżda l-akbar passjoni baqgħet hemm, dik għal

pajsaġġ Malti. Għal Paul, l-Arti hi bħal ġnien fejn hu jidħol bil-mod, jiftaħ il-bieb u jidħol ’il ġewwa ħalli jimmarka aktar dettalji. Aktar ma’ jidħol ’il ġewwa aktar iżid fid-dettalji tal-pittura. Deskrizzjoni tassew sabiħa! “Meta tkun qed tpinġi tħossok qisek qed tniżżel dak li qed tesperjenza b’mod viżiv, dak il-ħsieb li jkun għaddej minnek f’dak il-mument.” Staqsejt lil Paul dwar kemm jieħu ħin sabiex ilesti pittura. Spjega kif dan jiddependi skont il-ħin tal-ġurnata, it-temp, is-suġġett u d-dettal li jirrikjedi. Paul iħobb jaħdem fid-dawl tax-xemx.
Minn barra l-pittura, Paul pinġa wkoll xenarji għal palk. Dan għaliex ġewwa Fleur de Lys kienu jttellgħu drammi għal udjenza lokali. Bid-daħka fuq fommu Paul qal kif jiftakar li kien juża l-immaġinazzjoni tiegħu. Kull min ra dawn ix-xeni beda jgħidlu hemmhekk hawn u hawn imma fil-verità hu biss kien ikun jaf eżattament fejn kien ikun il-post. Jgħid kif Fr. Louis Bajada darba kien talbu jagħmillu linja iżda hu spiċċa għamel ix-xeni kollha u minn xi ħaġa żgħira ta’ ftit sigħat, Paul dam għal madwar għaxar snin għaddej. “Inħoss sodisfazzjon meta tinfetaħ il-purtiera u tibda tidher ix-xena. Imbagħad tara n-nies iċapċpu u bla ma trid tħossok emozzjonat.” Paul ħa sehem f’madwar 250 esebizzjoni b’mod kolletiv u kellu l-ewwel esebizzjoni waħdu fl-1986 ġewwa Art College Wignacourt Museum, fir-Rabat. Kellu wkoll esebizzjoni konġunta mal-artist Fredrich Borrett ġewwa Gallarija, Fgura u dik reċenti ġewwa r-Razzett tal-Markiż, fil-Mosta. Paul, kellu wkoll pittura li kienet ġiet ppublikata f’katalgu internazzjonali fis-sena 2000. Għal futur Paul jixtieq li jkompli fuq dan ix-xogħol lokali. B’hekk jemmen li qed jagħti l-ħajja lil pajsaġġi Maltin u li meta jgħaddi ż-żmien, il-pubbliku għad jerġa’ jmur għalihom u jiftakar kif kienet originarjament il-ħajja f’dawn il-gżejjer.



R i t r a t t i : P a u l G a l e a
Investiment ta’ €145 miljun fil-5 snin li ġejjin se jiżgura li l-ebda tifel jew tifla ma jitħallew lura
f a m i l j a . g o v . m t
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal nieda l-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Garanzija tat-Tfal. L-għan ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni huwa li jipprevjeni l-esklużjoni soċjali ta’ tfal fil-bżonn billi jiggarantixxi aċċess għal numru ta’ servizzi essenzjali. Dan iwassal sabiex jitkissru ċ-ċikli tal-faqar interġenerazzjonali filwaqt li jitrawmu opportunitajiet ugwali.
Il-Garanzija Ewropea għat-Tfal (ECG) ġiet adottata f’Ġunju tal-2021 sabiex kull stat membru jkollu strutturi soċjali sabiex jipprevjenu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, speċjalment fost it-tfal. Għaldaqstant kull pajjiż membru, inkluż Malta, kien imħeġġeġ jiżviluppa pjan ta’ azzjoni nazzjonali sabiex jindirizza realtajiet soċjali diversi.
Speċifikament, il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Garanzija tat-Tfal se jwassal għal titjib fl-aċċess ta’ numru ta’ servizzi diġà stabbiliti bħal: edukazzjoni u kura bikrija fit-tfulija, attivitajiet edukattivi bbażati fl-iskola, kura tas-saħħa u nutrizzjoni tajba, u akkomodazzjoni adegwata.
Kien spjegat ukoll li t-tfal vulnerabbli għandhom bżonn aktar attenzjoni, għalhekk dan il-pjan se jkun għodda oħra sabiex jassisti lit-tfal li jistgħu jkunu aktar żvantaġġati minn oħrajn. Waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon enfasizza li dan il-pjan ta’ azzjoni huwa strument li għandu l-għan li jikkontribwixxi għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tat-tfal, partikolarment dawk vulnerabbli. Il-pjan ikompli jibni fuq politiki eżistenti sabiex it-tfal kollha jimmassimmizzaw il-potenzjal kollu tagħhom.
Il-Ministru Michael Falzon identifika numru ta’ miżuri bħal l-in-work benefit, it-tapering of benefits u ż-żidiet fiċ-children’s allowance, fost dawk l-aktar miżuri li diġà għamlu differenza pożittiva fil-ħajja tat-tfal.
“Il-gvern kommess li jiżgura li t-tfal kollha jingħataw opportunità ugwali ta’ suċċess u jtejbu l-esperjenza tat-tfulija tagħhom. Għal dan l-għan, il-Gvern wiegħed li jinvesti €145 miljun matul il-ħames snin li ġejjin f’miżuri u inizjattivi sabiex jiżgura li l-ebda tifel jew tifla ma jitħallew lura”, temm jgħid il-Ministru Falzon.


R i t r a t t : A l e x a n d e r D u m m e r