9 minute read

Editorjal Messaġġ mill-Onorevoli Dr Michael Falzon Ministru

R i t r a t t : M i k h a i l N i l o v

Editorjal

T o n i o B o n e l l o E d i t u r M e d i a M S P C

Reċentament kelli l-opportunità nżur inizjattiva interessanti ġewwa Slovenia bl-isem Skrbovin’ca, kelma bis-Sloven li bil-Malti tfisser Kura bil-Kummerċ. Il-Gvern Sloven joffri spazji li fil-fatt huma ħwienet fl-ibliet li għandhom il-format ta’ kif nafuh aħna bħala Ċentru ta’ Matul il-Jum, iżda b’differenza. F’dawn il-ħwienet persuni b’diżabilità u/jew persuni oħra li jħossuhom anqas ixxurtjati fis-soċjetà għandhom disponibbli għalihom dawn l-ispazji fejn fihom jistgħu jiltaqgħu u jissoċjalizzaw mal-pubbliku inġenerali, jesibixxu xogħlijiet tagħhom, jippromovu kunċetti ġodda, kif ukoll ibiegħu prodotti maħduma bl-idejn tal-istess persuni b’diżabilità jew t’oħrajn li huma jsejħulhom neglected social groups. Skrbovin’ca bħalissa tkopri erba’ Ċentri ta’ Matul il-Jum għal persuni bi bżonnijiet speċjali bil-kollaborazzjoni tal-amministrazzjoni tal-Belt ta’ Ljubljana, il-kapitali Slovena. Il-persuni li jassistu f’dawn il-ħwienet, tassew huma persuni b’diżabilità iżda l-qafas ta’ dan il-proġett qed iwassal lilhom biex iwarrbu għal ftit il-kelma diżabilità minn ħajjithom u jħallihom jikbru u jimirħu f’dik li hi abbiltà li żgur, kull wieħed u waħda minna, minkejja d-differenzi fiżiċi u oħrajn li jiddistingwuna, ilkoll għandna. B’hekk f’dawn il-ħwienet il-ħajja tkompli bil-kummerċ tagħha bħal kwalunkwe negozju jew stabbiliment ieħor. Fejn hemmhekk se tiltaqa’ mal-persuni li qed ibiegħu il-prodott, mal-konsulenti fit-tħaddim tal-inizjattiva, mal-mentors ta’ dawn in-nies, ma’ min qed jipproduċi l-istess prodotti, kif ukoll ma’ kollaboraturi oħrajn li jassistu biex dan il-proġett ikompli u jibqa’ jkun suċċess. Bla ma trid, meta tara b’għajnejk u ssir taf dan kollu hekk kif tidħol f’ħanut minn dawn, ma jtikx li jekk se tniżżel xi oġġetti tal-lokal bħala tifkira lura Malta, li ma tixtrix mingħandhom. U din għandha tkun it-triq ’il quddiem fil-kuntest ta’ dawn il-gżejjer. Niftakar li meta kont żgħir u l-ġenituri kienu ta’ kull sena jeħduna nżuru t-Tradefair fin-Naxxar, kont naffaxina ruħi nara persuni b’diżabilità fi stand għalihom jaħdmu xogħol ta’ artiġġjanat bħal qfief, basktijiet u prodotti oħra li kienu jbiegħu dak il-ħin stess. Dan li qed ngħid ilu ’l fuq minn 40 sena u sal-lum din il-kultura għadha tħalli l-frott. Iżda jeħtieġ inkomplu nsaħħu fuq dak li bnew missirijietna. Jinħtieġ aktar għarfien fost il-pubbliku biex jagħmel parti minn ħajtu din l-inklużjoni, dan is-sens li aħna lkoll l-istess. Li aħna lkoll abbli bħal m’aħna lkoll diżabbli f’xi forma jew oħra tal-funzjonijiet tagħna. Meta naslu hawn, sa fl-aħħar ifisser, inkunu wasalna!

Il-familji tagħna riżorsa ferm importanti għal pajjiżna

 Missirijiet ġodda se jkollhom għaxart ijiem imħallsa b’mod sħiħ biex iqattgħuhom ma’ wliedhom

 Il-ħaddiema kollha se jkunu intitolati għal ħamest ijiem leave mingħajr ħlas fis-sena, biex, f’każ ta’ bżonn, ikunu jistgħu jieħdu ħsieb lil xi ħadd li jkun jgħix magħhom fl-istess dar

 Matul dan ix-xahar nagħtu ċ-children’s allowance qabel iż-żmien skedat, childcare b’xejn, u ngħinu wkoll lill-ġenituri jixtru l-uniformijiet

L-O n o r . M i c h a e l F a l z o n M i n i s t r u g ħ a l l-P o l i t i k a S o ċ j a l i u d-D r i t t i j i e t t a t-T f a l

Ħbieb, Dħalna fix-xahar ta’ Settembru, U bil-mod il-mod, nibdew nerġgħu lura għar-rutina tal-iskola, bil-ġenituri jippreparaw u jixtru l-uniformijiet u materjal edukattiv ieħor. Nittamma li l-vaganzi tas-sajf servew bħala ħin ta’ mistrieħ, kemm għall-ġenituri u kif ukoll għat-tfal infushom, fejn kellhom ċans jirrilassaw u jgawdu minn staġun sajfi, ġranet il-baħar u ħin mal-ħbieb. Il-vaganzi tas-sajf huwa żmien illi għandu jservi sabiex il-familji jgawdu iktar lil xulxin, u jqattgħu aktar ħin ta’ kwalità flimkien. Issa rridu nħarsu ’l quddiem sabiex nibdew nippreparaw għal xhur ta’ ġabra u ħidma. Dan il-Gvern jifhem u jħoss il-polz tan-nies, u għalhekk kull fejn jista’, dejjem ikun ta’ spalla għall-familji. Huma bosta l-miżuri li ta’ kull sena nieħdu sabiex intaffu xi ftit mill-pressjoni li jiffaċċjaw il-ġenituri. Matul dan ix-xahar nagħtu ċ-children’s allowance qabel iż-żmien skedat, childcare b’xejn, u ngħinu wkoll lillġenituri jixtru l-uniformijiet. Dawn huma biss ftit minn fost ħafna għajnuniet diretti li nagħtu sabiex inkunu ta’ spalla għall-familji tagħna. Minbarra dawn, se nkunu qed nagħtu rati għola tal-in work benefit, filwaqt li ħafna aktar familji se jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju wara li twessgħu t-thresholds. Dan l-impenn soċjali b’saħħtu se nkomplu nwettquh fix-xhur u s-snin li ġejjin, għaliex nemmnu li l-familji tagħna huma riżorsa ferm importanti għal pajjiżna. Irridu nkomplu nistimulaw l-ekonomija, inżidu l-postijiet tax-xogħol u noħolqu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħin ta’ mistrieħ. Fid-dawl ta’ dan kollu, f’Lulju li għadda, ħabbarna pakkett ta’ miżuri li se jkomplu jsaħħu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. Issa, missirijiet ġodda, se jkollhom għaxart ijiem imħallsa b’mod sħiħ, biex iqattgħuhom ma’ wliedhom. B’dan il-pakkett ta’ miżuri ser inkunu qed insaħħu wkoll id-drittijiet tal-ħaddiema filwaqt li nintroduċu benefiċċji ġodda għall-ġenituri u għall-ħaddiema nfushom. Il-ħaddiema kollha se jkunu intitolati wkoll għal ħamest ijiem leave mingħajr ħlas fis-sena, biex, f’każ ta’ bżonn, ikunu jistgħu jieħdu ħsieb lil xi ħadd li jkun jgħix magħhom fl-istess dar.

Ħidma dinamika għas-servizz ta’ eluf ta’ benefiċjarji soċjali

M a r k M u s ù S e g r e t a r j u P e r m a n e n t i f i l-M i n i s t e r u g ħ a l l-P o l i t i k a S o ċ j a l i u D r i t t i j i e t t a t-T f a l Id-dipartimenti u l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal matul is-sena jaqdu, jgħinu u jħallsu lill-firxa kbira mill-popolazzjoni f’Malta u Għawdex. Statistiċi juru li aktar minn 50 benefiċċju kontributorju u mhux kontributorju jitħallsu b’mod regolari lil madwar 300,000 benefiċjarju u familji. Dan minbarra diversi servizzi soċjali oħra mhux fi flus. L-akbar għadd ta’ benefiċjarji huma l-pensjonanti tal-irtirar, tal-invalidità, romol u tal-età, li barra mill-pensjoni u l-bonus għall-għoli tal-ħajja jista’ jkunu intitolati għall-benefiċċji oħra skont l-età jew il-qagħda finanzjarja tagħhom. Grupp ieħor imdaqqas huwa dak tal-familji, li b’kollox ilaħħqu mas-60,000 familja b’madwar 93,000 tifel u tifla. Bejniethom jirċievu ċ-Children’s Allowance u s-suppliment għal kull wild taħt is-16-il sena, l-allowance għat-tfal fil-kura tagħhom, allowance għat-tfal b’diżabilità, u l-In-Work Benefit jekk il-ġenituri jkunu jaħdmu u għandhom tfal taħt it-23 sena. Barra minnhekk familji huma intitolati għall-għotja taż-żwieġ, tal-maternità u l-bonus tat-twelid jew adozzjoni. Dan barra diversi familji oħrajn li jingħataw għajnuna professjonali mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali. Fost benefiċjarji mhux kontributorji aktar minn 53,000 benefiċjarju jirċievu bejniethom assistenza soċjali, għajnuna supplimentari jew tad-diżabilità, għajnuna medika, benefiċċju għal qgħad, benefiċċju mnaqqas gradwalment (tapering), assistenza għal genituri waħedihom mhux miżżewġa u allowance tal-carers. Ħafna minn dawn jirċievu aktar minn benefiċċju wieħed. Xahar wara ieħor dawn il-benefiċċji jitwasslu fil-ħin skont skeda u b’mod effiċjenti bl-għajnuna ta’ sistemi diġitali li tul dawn l-aħħar snin tniedew mill-ministeru bil-għan li tonqos il-burokrazija u l-klijienti jinqdew bla taħbit. Filfatt, bl-għajnuna tal-Agenżija ta’ Malta għat-Teknoloġija tal-Informatika (MITA), il-Ministeru kien minn ta’ quddiem nett biex ifassal programmi diġitali u ta’ simplifikazzjoni, kemm f’sistemi interni biex jiġu pproċessati l-benefiċċji, kif ukoll biex ċittadini minn djarhom ikunu jistgħu jissottomettu applikazzjonijiet b’mod elettroniku u jiġbru tagħrif meħtieg, inkluż xi ħlasijiet li jistgħu jirċievu, permezz ta’ kalkulaturi onlajn. Dan minbarra servizzi oħra personalizzati offruti minn servizz.gov. Tiġdid dinamiku u kontinwu Dan it-tiġdid huwa wieħed dinamiku b’ħidma kontinwa mill-Unit għall-Immaniġġjar tal-Informazzjoni fi ħdan il-Ministeru. Bis-saħħa ta’ din il-ħidma ċ-ċittadini issa jistgħu jinqdew onlajn biex jaraw kemm għandhom kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa u akkreditati lilhom. F’każ li persuna ssib li għandha kontribuzzjonijiet nieqsa, permezz ta’ servizz ġdid ser tkun iggwidata kif tkun tista’ tirrimedja għal dan in-nuqqas. Qabel xejn, jekk persuna tkun ċerta li ħallset il-kontribuzzjonijiet dovuti, tista tissottometti dokumenti bħala prova li

l-kontribuzzjonijiet fil-fatt tħallsu, u jekk dawn id-dokumenti ma jkunux disponibbli, tista’ tinkariga lid-Dipartment tas-Sigurtà Soċjali biex jitlob informazzjoni mingħand id-Dipartiment tat-Taxxi. Jekk jiġi konfermat li l-ħlas ma sarx, il-persuna tingħata tagħrif dwar kif tista’ tapplika biex tħallas il-kontribuzzjonijet nieqsa.

Formola onlajn aġġornata Bil-għan li tkompli titjieb il-kwalità tas-servizzi onlajn, sar titjib fil-mod kif ċittadini jikkuntattjaw lid-Dipartment tas-Sigurtà Soċjali. Minflok jibgħatu l-mistoqsijiet tagħhom dwar benefiċċji permezz ta’ email, dawn issa jistgħu jsiru permezz ta’ formola ta’ kuntatt onlajn. Dawn il-mistoqsijiet jidħlu fis-sistema tal-customer care ta’ servizz.gov kif ukoll f’dik tad-dipartiment bil-għan li jiġu mwieġba kemm jista’ jkun malajr u b’mod sinkronizzat. Wara li jimla l-formola, il-klijent jirċievi email b’numru ta’ referenza tal-każ u b’hekk isibha aktar faċli biex isegwi l-każ tiegħu jew tagħha. Skont in-natura tal-mistoqsija li tkun saret, l-uffiċjali tal-customer care ifittxu li jwieġbu kemm jista’ jkun malajr.

Proġett biex titħaffef il-ħidma tal-Uffiċċju tal-Arbitru Il-liġi dwar is-Sigurtà Soċjali tagħti d-dritt li ċittadin jappella kontra deċiżjonijiet meħuda mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jew mid-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza. Dan isir billi jitressqu appelli lill-Uffiċċju tal-Arbitru fi żmien 30 jum minn meta toħroġ in-notifika tad-deċizjoni. Il-proċess tal-appell kien xi ftit jew wisq burokratiku tant li l-partijiet involuti kienu jħossuhom frustrati bil-proċeduri fit-tul, b’mod partikolari minħabba mezzi ta’ komunikazzjoni bbażati l-aktar fuq il-karta. Bis-saħħa ta’ proġett ta’ diġitalizzazzjoni li tnieda din is-sena, il-proċess tħaffef u l-appellant, barra li jressaq l-appell onlajn flimkien ma’ dokumentazzjoni meħtieġa, ikun jista’ jissorvelja l-progress tal-appell onlajn mill-kumdità ta’ daru. Dan sar possibbli bl-eliminazzjoni tal-proċessi kollha bbażati fuq il-karta, bl-eċċezzjoni tad-deċiżjoni finali li tintbagħat bil-posta reġistrata skont kif titlob il-liġi.

Ħolqien ta’ pjattaforma ta’ Business Intelligence Inizjattiva ferm importanti għall-Ministeru tinsab fl-aħħar stadju ta’ twettiq. Din taħseb għall-ħolqien ta’ pjattaforma li taħżen id-data kollha dwar benefiċċji soċjali u dawk li jkunu intitolati għalihom kif ukoll tagħrif ieħor dwar pensjonijiet tas-servizz. Lil hinn minn rapporti statiċi u retrospettivi li jistgħu jinkisbu minn sistemi eżistenti, din il-pjattaforma ser tipprovdi livell għoli ta’ viżibilità u tixpruna l-ipproċessar u l-analiżi ta’ data f’ħin reali. Fid-dinja tal-lum ħidma analitika u rapida ta’ din ix-xorta hija imprezzabbli biex tkun font ta’ deċiżjonijiet infurmati u ta’ aġġornament ħaj tal-politika soċjali tal-pajjiż. Dan jgħinna wkoll biex naqdu l-missjoni tagħna li mhux biss inħallsu l-benefiċċji u nagħtu s-servizzi tagħna bl-aktar mod effiċjenti u fil-ħin, iżda fuq kollox nipprovduhom lil min verament ħaqqu u għandu bżonnhom. Dawn l-iżviluppi jsegwu ħidma simili li saret fl-aħħar snin fil-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali li biha sar aġġornament u modernizzar tas-sistema tal-informatika tagħha sabiex id-data tagħha tkun maħżuna b’mod aktar strutturat, ikkordinat u tkun aċċessibbli aħjar f’post wieħed għall-professjonisti tagħha. Inħossni verament grat lejn kull min ta u qed jagħti s-sehem tiegħu biex id-dipartimenti u l-entitajiet tagħna jkunu f’qagħda li jagħtu s-sehem tagħhom biex inkunu ta’ servizz u sostenn aħjar u aktar professjonali għall-klijenti tagħna tal-lum u tal-ġejjieni.

This article is from: