
4 minute read
GĦAJNUNA LIT‑TFAL TA’ BABIKO
Kekino u Satina huma żewġt aħwa minn Papua New Guinea, pajjiż fil‑Kontinent tal‑Oċeanja. Huma jgħixu mal‑ġenituri tagħhom f’Babiko, raħal remot fid‑Djoċesi ta’ Berejna. Minbarra li r‑raħal tagħhom huwa iżolat, it‑toroq huma maħmuġin u f’kundizzjoni ħażina ħafna.
Fir‑raħal tagħna lanqas għandna faċilitajiet tas‑saħħa biex ngħinu lill‑morda.
In‑nies li jgħixu f’Babiko jridu jimxu aktar minn sagħtejn sabiex jaslu sal‑eqreb stazzjon tas‑saħħa u dan f’temp xott, għax fix‑xita huwa wisq aktar diffiċli biex tasal. Minkejja li hemm Skola
Elementari mmexxija mill‑Knisja, it‑tfal li ma jattendux huma ħafna.
Is‑Sorijiet tar‑Ragħaj it‑Tajjeb
ta’ Cavanis bdew jagħtu lilna t‑tfal ftit lezzjonijiet tal‑katekiżmu; darba fix‑xahar meta qassis jiġi jiċċelebra l‑quddiesa.
Sfortunatament, fiż‑żona hemm ħafna tfal b’diżabilità severa li jinħtieġu kura speċjali. Xi kultant sempliċi żjara, tbissima u tgħanniqa jagħmlu differenza kbira fil‑ħajja ta’ dawn it‑tfal u l‑familjari tagħhom. Imma mediċini, ħalib tat‑trab u fondi m’hemmx.
Jiena u sħabi s‑sorijiet nixtiequ nibdew inżuru aktar ta’ spiss lil dawn it‑tfal; imqar darba kull ħmistax jew darba fil‑ġimgħa.
L‑għan ewlieni tas‑Sorijiet tar‑Ragħaj it‑Tajjeb huwa li jagħtu edukazzjoni, kura tas‑saħħa bażika, assistenza medika, u ikel lill‑foqra u lit‑tfal abbandunati. Wara ċ‑ċelebrazzjoni tal‑quddiesa jixtiequ jibdew jiġbru lit‑tfal u jorganizzawlhom xi attivitajiet reliġjużi.
Nixtiequ ngħidu lit‑tfal dwar Ġesù u biex isiru jħobbuh; ngħidulhom dwar l‑Evanġelu, ngħallmuhom jitolbu u jgħinu lil dawk fil‑bżonn.
Kekino, Satina u tfal oħra mir‑raħal ta’ Babiko huma eċċitati ħafna li dawn is‑sorijiet ta’ rieda tajba jibdew iżuruhom aktar ta’ spiss. It‑tfal jixtiequ ħafna jitgħallmu jiktbu u jaqraw, isiru jafu lil Ġesù, u fuq kollox ikollhom ikel sustanzjuż u mediċina għal meta jkunu morda.
Ir‑raħal kollu jixtieq li xi darba dawk morda jkunu jistgħu jiġu kkurati f’raħalhom stess f’post sigur u nadif bla biża’ ta’ xejn.
Is‑sorijiet jixtiequ wkoll jintroduċu għarfien u prattiċi tajba ta’ iġjene għaliex ħafna tfal huma affettwati minn mard tal‑ġilda li faċilment jista’ jiġi evitat. Hemm bżonn ukoll li t‑tfal b’diżabilità jinħarġu minn djarhom, u jingħataw aktar attenzjoni u mħabba.
Aktar ’il quddiem is‑Sorijiet tar‑Ragħaj it‑Tajjeb ta’ Cavanis jixtiequ jidentifikaw xi voluntiera adulti li huma responsabbli u ta’ min jafdahom, iħarrġuhom u joffrulhom assistenza sabiex jieħdu f’idejhom il‑kura ta’ dawn it‑tfal.
Aħna t‑tfal la għandna lapsijiet, la kuluri, la pitazzi u lanqas kotba.
Bis‑saħħa tal‑għajnuna li qed tintbagħat lis‑sorijiet minn benefatturi madwar id‑dinja kollha, aħna t‑tfal se nibdew nattendu l‑iskola u l‑katekiżmu.
Se jibda jkollna ikla sustanzjuża kuljum, mediċina għal meta nimirdu u affarijiet relatati mal‑iskola.
GRAZZI MILL‑QALB
MISSIOTFAL!
MissioTfal għandu bżonn kotba tal‑qari (mhux workbooks) bil‑Malti u bl‑Ingliż f’kundizzjoni tajba. Jekk jogħġbok ikkuntattja lis‑Sa Nancy Camilleri fuq nancy@missio.org.mt Grazzi mill‑qalb
TALBA TA’ RINGRAZZJAMENT:
Mulej Ġesù, fl‑aħħar ta’ din is‑sena skolastika, għandna ħafna affarijiet għal xiex nirringrazzjawk.
Grazzi għax tajtna tbissima: permezz tagħha nkunu nistgħu nesprimu l‑ferħ.
Grazzi għal dawn l‑għajnejn: bihom naraw fil‑bogħod.
Grazzi tal‑ħajja: għinna ngħixuha għall‑oħrajn.
Grazzi tal‑idejn: jalla dejjem jagħmlu l‑ġid, u tas‑saqajn: jalla jkunu lesti jmorru lejn il‑proxxmu.
Grazzi tal‑kuluri: għax jgħallmuna niskopru s‑sbuħija tad‑differenzi.
Grazzi għat‑tfal minn sfondi differenti li jgħixu fostna u magħna: il‑preżenza tagħhom iġġegħelna niskopru esperjenzi ġodda, kulturi ġodda, gosti ġodda u forsi ħolm ġdid ukoll.

U grazzi għax ħallejtilna missjoni x’inwettqu u ħolma x’nilħqu.
Ammen.
Ħin: 7:30pm
KURŻITAJIET DWAR IL‑KONTINENT TAL‑OĊEANJA
Imqabbel mal‑kontinenti l‑oħra, il‑Kontinent tal‑Oċeanja, li fil‑maġġoranza tiegħu huwa baħar, huwa l‑iżgħar fil‑kobor tal‑art u t‑tieni l‑inqas popolat wara l‑Antartika. Jgħixu f’dan il‑kontinent hemm madwar 44 miljun u nofs ruħ li jitkellmu bi 30 lingwa uffiċjali differenti, minbarra ħafna u ħafna oħrajn. Hawn issib pajjiżi sinjuri, bħall‑Awstralja, pajjiżi b’ekononija medja, bħall‑Fiji, u pajjiżi foqra, bħall‑Papua New Guinea. L‑ewwel nies waslu f’dan il‑kontinent aktar minn 60,000 sena ilu. L‑ewwel esploraturi Ewropej bdew jaslu sa mis‑Seklu 16 ’il quddiem, fosthom il‑Portugiżi, l‑Ispanjoli, l‑Olandiżi, l‑Ingliżi u l‑Franċiżi.
Xi fatti:
● Pajjiżi – erbatax b’kollox: Awstralja, Mikronesja, Fiji, Kiribati, il‑Gżejjer Marshall, Nauru, New Zealand, Palau, Papua New Guinea, Samoa, il‑Gżejjer Solomon, Tonga, Tuvalu u Vanuatu
● Awstralja – l‑ikbar gżira tal‑kontinent
● Sydney, l‑Awstralja – l‑akbar belt u l‑aktar popoluża tal‑kontinent
● Nauru – l‑uniku pajjiż fid‑dinja bla belt kapitali u l‑iżgħar fil‑kontinent
● Kiribati – l‑uniku pajjiż fid‑dinja li jinsab fl‑erba’ emisferi
● Muntanja Cook, New Zealand –l‑ogħla quċċata tal‑kontinent
● Puncak Jaya, New Guinea – l‑itwal muntanja‑gżira fid‑dinja
● Great Barrier Reef, l‑Awstralja –l‑ikbar sikka tal‑qroll fid‑dinja
● Ġebla Uluru, l‑Awstralja – l‑akbar blata sħiħa fid‑dinja
● Dingo Fence, l‑Awstralja – l‑itwal ħajt tal‑injam fid‑dinja (4,401 km)
● Temperatura – l‑ogħla 50ºĊ fl‑Awstralja u l‑inqas ‑25ºĊ f’New Zealand
● Reliġjon – 73% huma Kristjani. Oħrajn huma: l‑Iżlam, il‑Buddiżmu, Il‑Ġudaiżmu u aktar
● Rugby – l‑isport nazzjonali tal‑kontinent, minbarra f’Vanuatu li jqisu l‑futbol bħala l‑isport nazzjonali
● Arti – l‑arti Indiġena fuq il‑blat hija l‑itwal arti tradizzjonali fid‑dinja li għadha tiġi pprattikata sal‑lum
Xi kurżitajiet:
● Hawn issib foresti tropikali u deżerti, kif ukoll foresti niexfa, reġjuni alpini b’veġetazzjoni skarsa biss, glaċieri u veġetazzjoni tropikali b’foresti tropikali.
● Issib marsupjali, li huma mammiferi li jġorru ż‑żgħar tagħhom f’borża, fosthom kangarus, possums, wombats u koalas. Il‑marsupjali huma endemiċi biss għall‑Awstralja u l‑Ameriki.
● Il‑monotremi huma mammiferi li jbidu l‑bajd, iżda jreddgħu lit‑trabi tagħhom bil‑ħalib. Hemm ħames speċi ħajjin u kollha jgħixu fl‑Awstralja u New Guinea.

● Uħud mill‑pajjiżi huma proprjetà tal‑Istati Uniti, ir‑Renju Unit, Franza, l‑Awstralja u New Zealand
● L‑Aboriġini Awstraljani jużaw riżorsi naturali minn pajjiżhom għall‑ikel, kenn, ħwejjeġ, mediċina, għodda, oġġetti ċerimonjali u aktar
Xi nies famużi:
● Steve Irwin ‑ Personalità tat‑TV u Konservatur tal‑Ħajja Selvaġġa, Awstraljan
● Sir Edmund Hillary – Mountaineer u Esploratur, New Zealander
● Geoffrey Gurrumul Yunupingu –Mużiċist Indiġenu, Awstraljan
● Hugh Jackman – Attur, Awstraljan
Eżempji sbieħ:
Grazzi mill‑qalb tal‑bolol li tajtu lil Missio Tfal. Dawn jinbiegħu lill‑kollezzjonisti u l‑qligħ minnhom imur b’risq proġetti fil‑missjoni.
KIF TISTA’ TGĦIN LIT‑TFAL FL‑OĊEANJA:
€ 7 Tiġieġa għal familja fil‑bżonn
€ 20 Platt ross u fażola lil 60 tifel u tifla bil‑ġuħ
€ 55 Mogħża tal‑ħalib għal familja żvantaġġjata
€ 100 Tliet xhur skola primarja u ikla kuljum lil tifel jew tifla foqra
Ibgħat id‑donazzjoni tiegħek lil
‘Missio’ Nru. 150, Triq Lorenzo Gafà, il‑Mosta MST 4128
Jew fuq www.missio.org.mt
Għal aktar dettalji ċemplu 2123 6962 fil‑ħinijiet tal‑uffiċċju.