3 minute read

MESSAĠĠ MILL‑KOORDINATRIĊI TA’ MISSIO TFAL

Nancy Camilleri

Il‑Jum Dinji Tad‑Diversità

Għeżież Tfal, Nhar il‑15 ta’ Mejju li għadda MissioTfal organizza l‑Jum Dinji tad‑Diversit à mal‑Iskola Primarja tal‑Mellieħa. Din kienet tikkonsisti fi spazji differenti li fihom it‑tfal tal‑iskola kellhom jagħmlu attivitajiet differenti. L‑għan ta’ dawn l‑ispazji huwa biex jiġu apprezzati kulturi differenti, u biex nagħrfu l‑fatt li aħna lkoll differenti u proprju hu dan li jagħmel lid‑dinja tagħna sabiħa. Dawn l‑ispazji jressquna lejn xulxin, u għalhekk iġibu l‑paċi u l‑armonija.

L‑Assistent Kap tal‑Iskola Primarja tal‑Mellieħa, Ms. Rosemarie Mifsud, spjegat kif tali attivitajiet jgħinu lill‑iskola multi‑etnika tkisser il‑barrieri tal‑preġudizzju.

“Fl‑iskola tagħna għandna l‑grazzja li nilqgħu studenti minn xejn inqas minn 38 nazzjonalità differenti – qawsalla ta’ kuluri u ġmiel . Permezz tal‑attività li organizzajna flimkien ma’ Missio Malta, kellna l‑opportunità li nesploraw il‑kulturi differenti ta’ xulxin, filwaqt li rbaħna kull barriera ta’ preġudizzju jew nuqqas ta’ għarfien. Dawn l‑attivitajiet huma essenzjali sabiex inkomplu nibnu pontijiet bejnietna għal soċjetà iktar b’saħħitha,” qalet Ms. Mifsud.

Aħna min‑naħa tagħna, jeħtieġ li noħolqu pont bejn il‑kulturi permezz ta’ attivitajiet bħal dawn. Dan iwassal għal iktar għarfien u paċi, u jwassal għal ħajja morali u spiritwali iktar matura. Wara kollox, Missio dejjem jaħdem sabiex joħloq relazzjonijiet b’saħħithom, permezz ta’ tagħlim. Din hija opportunità sabiex ngħinu lit‑tfal tagħna jiftħu qalbhom u moħħhom għal xulxin, u jiċċelebraw flimkien.

L‑apprezzament tad‑diversità, naturalment huwa fiċ‑ċentru ta’ dak kollu li jagħmel Missio Malta, hekk kif jirsisti sabiex iġib id‑differenza għall‑aħjar fil‑ ħajjiet ta’ eluf ta’ persuni f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Proprju għalhekk inħossu li d‑diversità hija valur li għandu jiġi ċċelebrat lokalment ukoll, sabiex nibnu komunitajiet iktar b’saħħithom. Dan bdejna nagħmluh din is‑sena permezz tal‑Iskola Primarja tal‑Mellieħa.

Nirringrazzjaw lill‑Kap tal‑Iskola u lill‑assistenti kapijiet li aċċettaw din l‑inizjattiva, u lill‑għalliema u lill‑istaff tal‑koperazzjoni tagħhom. Jidhru li t‑tfal ħadu ħafna gost flimkien u nisperaw li dawn l‑attivitajiet nagħmluhom mal‑iskejjel kollha madwar Malta u Għawdex.

Grazzi Li Għal Darba Oħra Lqajtuna

Fil‑bidu ta’ Mejju, kellna x‑xorti nżuru l‑iskola ta’ St Joseph f’Raħal Ġdid fejn għal darba oħra għamilna sessjonijiet tal‑kultura. Tkellimna fuq it‑tnabar u l‑festival il‑kbir li jorganizzaw fil‑Ghana, u dwar il‑festival tal‑lanterni fiċ‑Ċina. Tkellimna wkoll dwar it‑Tribù tal‑Masaai li jgħix fil‑Kontinent Afrikan u l‑ġiżirajjen tagħhom, u ddiskutejna kemm dawn in‑nies iridu jimxu biex iġibu l‑ilma u għalhekk għamilna bramel iddekorati. L‑istudenti ħadu ħafna pjaċir jaħdmu dawn il‑krafts u żgur li tgħallmu ftit minn dawn il‑kulturi sbieħ u interessanti. Mal‑klassijiet tas‑sitt sena tkellimna dwar l‑Awstralja u t‑teknika tagħhom tal‑arti li jgħidulha

‘Dot Art’. Din hija arti sagra li biha jikkomunikaw bejniethom bil‑moħbi biex ħadd ma jifhem il‑messaġġi tagħhom. Kien fl‑1971 li din l‑arti ġiet skoperta mill‑għalliem Geoffrey Bardon li ħeġġeġ lil dawn in‑nies ipinġu b’din it‑teknika fuq it‑tila biex titgawda minn kulħadd. Però għadna sal‑lum il‑ġurnata ma nafux eżatt xi jfissru. Ħallejna f’idejn it‑tfal biex joħolqu xi tpinġija b’din it‑teknika. Kemm ħarġu talenti minn din l‑attività! It‑tfal f’din il‑klassi huma tassew kreattivi u bravi. Mal‑istudenti l‑kbar tkellimna dwar Alla missjunarju kif insibuh fl‑Iskrittura u kif il‑Bibbja tgħinna naraw lill‑oħrajn b’għajnejn Alla, u kemm għandna nisimgħu lill‑oħrajn b’rispett u b’imħabba li biha nkunu nafu kif nistgħu ngħinu lil xulxin. Għalhekk bħala kraft għamilna telefown bit‑tazzi tal‑kafè u spag. Nirringrazzjaw minn qalbna lil din il‑klassi li għamlu ġabra bil‑għan li jinxtraw żraben lit‑tfal fl‑Afrika.

Kellna wkoll

l‑opportunità li mmorru

l‑iskola Primarja tal‑Imqabba fejn għaddejna jumejn nitkellmu dwar l‑ilma. Dħalna fid‑dettall dwar l‑isfidi li jinħolqu meta jkun imiss il‑monsoon, fejn ħafna jitilfu djarhom peress li jkunu mibnijin bit‑tajn u l‑ħaxix. Tkellimna dwar il‑festa li jiċċelebraw fil‑Ghana wara li jgħaddi l‑monsoon. Dan ikun festival tat‑tnabar fejn ħafna baned jingħaqdu flimkien fil‑mużika. L‑istudenti għamlu t‑tnabar bħala kraft, u daqqejna u żfinna fil‑klassi. Kemm ħadna pjaċir naraw lit‑tfal jieħdu gost. Tkellimna dwar kemm it‑tfal fl‑Uganda jridu jimxu biex isibu l‑ilma; vjaġġ li joħdilhom madwar sagħtejn, siegħa biex imorru u siegħa oħra biex jiġu lura. Tkellimna wkoll fuq il‑Peru u l‑Gwatemala, fejn għandhom nuqqas ta’ ilma. Din hija sfida kbira, speċjalment għall‑bdiewa ta’ dawn il‑pajjiżi, fejn fil‑qedem it‑tribujiet kienu jiżfnu u jdoqqu ir‑‘rainstick’ li biha kienu jemmnu li jinġabar is‑sħab u tagħmel ix‑xita. Bħala kraft, għalhekk għamilna r‑‘rainsticks’. Kienu jumejn sbieħ ħafna fejn għamilna ħbieb ġodda u ħadna gost.

Dan ix‑xahar kellna magħna lil Dun Thanaiah, qassis Indjan li ġie Malta jżur lilna ta’ Missio. Din id‑darba ġie miegħi fil‑parroċċa ta’ Pembroke, fejn ikkonċelebra fil‑quddies u wara morna l‑iskola primarja fejn qasam mat‑tfal l‑esperjenza tiegħu bħala qassis missjunarju. Tkellem ħafna fuq l‑iskola li jmexxi hu fl‑Indja u dwar it‑tfal orfni li jieħu ħsieb, li ħafna minnhom qed jiġu sponsorjati mill‑Maltin biex dawn ikunu jistgħu jmorru l‑iskola.

Nirringrazzjaw lill‑Kapijiet ta’ dawn l‑iskejjel, lill‑għalliema u lill‑istaff tal‑merħba li jagħtuna kull darba li nżuruhom, u ta’ tant ġenerożita li juruna. Grazzi kbira u mill‑qalb lil dawn l‑iskejjel li dejjem jilqgħuna b’idejhom miftuħin!

This article is from: