
6 minute read
Katekeżi
Meta Poplu Għandu l‑Għatx
“Kollha fil‑Bibbja jmutu bil‑għatx, u x’inhu dan l‑għatx universali jekk mhux Alla stess bil‑għatx
tiegħu nnifsu?” Leon Bloy.
B’dan il‑ħsieb ta’ Leon Bloy, nixtieq ngħid li l‑Bibbja kollha tista’ tiġi ppreżentata bħala ‘storja tal‑ilma’. Fil‑fatt, l‑ilma huwa verament wieħed mis‑simboli fundamentali Bibbliċi. Biżżejjed ngħidu li l‑Bibbja tiftaħ bl‑ilmijiet, fil‑ktieb tal‑Ġenesi, u tagħlaq bix‑xmara fil‑belt fl‑aħħar kapitlu tal‑Ktieb tal‑Apokalissi. L‑ilma huwa dejjem, fil‑kulturi kollha, meqjus bħala l‑ħajja u matul l‑istorja kollha kien dejjem problema taħraq, l‑aktar meta jonqos. Kienet l‑esperjenza ta’ Mosè u l‑poplu Lhudi, fis‑sbatax‑il kapitlu tal‑Ktieb tal‑Eżodu (Eż.17:1‑7), fejn insibu li wara li n‑nies ipprotestaw kontra Mosè għax naqashom l‑ilma tax‑xorb, il‑Mulej ħareġ ilma ġieri mill‑blata f’Ħoreb u wlied Iżrael raw il‑kobor t’Alla f’nofshom.
Huwa l‑istess problema li għaddej minnha l‑poplu Nisrani f’diversi nħawi tar‑Repubblika tal‑Kongo (Brazzaville), il‑pajjiż tiegħi. Jiena qassis mid‑Djoċesi ta’ Brazzaville, il‑kapitali tal‑Kongo, li hija komposta minn parti urbana u parti rurali. Nixtieq naqsam

magħkom esperjenza pastorali f’raħal li jinsab 100km fit‑Tramuntana ta’ Brazzaville, fejn in‑nuqqas tal‑ilma qed joħloq ukoll problemi enormi fil‑missjoni tal‑evanġelizzazzjoni tal‑Knisja. F’Odżiba, hemm parroċċa ddedikata lil San Mark Evanġelista. Hija żona agrikola u n‑nies jgħixu minn dak li tipprovdilhom l‑art, għall‑ikel tagħhom, biex ikabbru l‑annimali u għall‑ħajja kummerċjali. Hemm madwar 3,000 ruħ li madwar 70% minnhom huma Kattoliċi. Ħafna mill‑ħajja fil‑Knisja u fix‑xogħol tal‑evanġelizzazzjoni qed jiġu mxekkla minħabba n‑nuqqas kbir t’ilma. Nispjegalkom b’xi eżempji konkreti.
Għalkemm il‑Kongo huwa mdawwar minn ħafna sorsi t’ilma, fosthom xmajjar u l‑Oċean Atlantiku lejn in‑Nofsinhar tal‑pajjiż, dan l‑ilma ma jasal fl‑ebda vit ta’ dar. Biex nagħtikom eżempju, f’dan il‑post żgħir ta’ Odżiba, ħafna huma l‑familji li m’għandhomx l‑anqas biss vit wieħed fil‑bitħa tad‑dar tagħhom. Allura x’jagħmlu? Kull filgħodu jmorru jfittxu l‑ilma biex ikunu jistgħu jużawh għall‑bżonnijiet tad‑dar; jimxu bejn tnejn jew tliet kilometri biex isibu nixxiegħa t’ilma jew xi bir. Meta jaslu ħdejn il‑bir, isibu diġà ħafna nies jistennew biex itellgħu l‑ilma, kulħadd jistenna meta jmissu. Ħafna drabi, il‑familji jmorru flimkien u jagħmlu l‑bżonnijiet tagħhom qrib l‑għajn jew il‑bir tal‑ilma, fosthom jaħslu l‑platti, il‑ħwejjeġ u jiġbru l‑ilma biex jixorbuh u jsajru bih, anki jekk lanqas mhu tajjeb għax‑xorb. Huma u sejrin lura, bil‑barmil fuq rashom, jista’ faċilment jiġri li nofs l‑ilma jaqa’ huma u mexjin, għax il‑barmil ikun bla għatu. Tispiċċa biex sa filgħaxija tkun għamilt darbtejn jew tlieta dan il‑vjaġġ biex tkun tista’ tagħmel ix‑xogħol kollu tad‑dar.
Għaliex dan qed joħloq problema fix‑xogħol pastorali tal‑Knisja?
Ġeneralment, fid‑djoċesi tagħna, il‑quddiesa ssir filgħodu kmieni ħafna biex in‑nies ikollhom aktar ħin għax‑xogħol tagħhom ta’ kuljum. Filgħaxija, x’aktarx huwa impossibbli tiċċelebra l‑quddiesa għaliex jidlam kmieni, u ħafna drabi ma jkollniex dawl u hekk kull familja tgħaddi l‑ħin id‑dar tpaċpaċ u tirrakkonta kif għaddiet il‑ġurnata. Għall‑quddiesa ta’ kuljum forsi jkun hemm bejn 20 u 30 ruħ, u meta nistaqsu lin‑nies għaliex ma jiġux, jgħidulek naturalment: “Għax morna nfittxu l‑ilma.” L‑istess ħaġa tiġri nhar ta’ Ħadd, anki jekk ikollna żewġ quddisiet, ħafna jiġu tard għax ma jilħqux jiġbru l‑ilma u jagħmlu l‑affarijiet iż‑żgħar tad‑dar, jilbsu biex jiġu għall‑quddiesa u jagħtu xi servizzi

oħra, bħall‑katekiżmu, jipprattikaw mal‑kor, jaqraw fil‑quddiesa jew jgħinu lill‑qassis biex iżur il‑morda f’darhom. Wara l‑quddiesa huma ftit dawk li jistgħu jibqgħu minħabba l‑problema tal‑ilma u t‑tisjir tal‑ikla tal‑Ħadd. Ta’ spiss jiġri wkoll li waqt il‑quddiesa tal‑Ħadd filgħodu, jekk taqbad ix‑xita, f’kemm ili ngħidlek, kulħadd jisparixxi mill‑kappella, kulħadd jiġri biex joħorġu barra kulma jsibu ħa jiġbru l‑ilma tax‑xita. U jekk ix‑xita tibda qabel il‑quddiesa, ħadd ma jiġi! F’dan il‑post, bejn Settembru u Mejju, tagħmel ix‑xita madwar tliet darbiet fil‑ġimgħa. L‑ilma mhu qatt biżżejjed peress li ma jistgħux jixorbu l‑ilma tax‑xita, dejjem għandhom bżonn imorru sal‑bir. Is‑saċerdot jista’ jagħmel minn kollox biex jgħallem il‑katekiżmu u jipprietka, imma għan‑nies il‑bżonn tal‑ilma jiġi qabel kollox. Anki għas‑saċerdoti din hija problema u jridu jistennew il‑ġenerożità tan‑nies li jiftiehmu bejniethom min imissu jaħseb biex iġib l‑ilma lis‑saċerdot.
X’jista’ jsir konkretament?
In‑nies ta’ Odżiba ċertament mhumiex bħal ulied Iżrael li pprotestaw kontra Mosè. Nammira ħafna lil dan il‑poplu għall‑kuraġġ li għandhom u li jibqgħu jżommu t‑tbissima fuq wiċċhom anki jekk għaddejjin minn tant diffikultajiet f’ħajjithom. It‑tfal imorru l‑iskola bla ma jinħaslu u hekk kif jiġu lura d‑dar imorru fejn hemm l‑ilma biex jinħaslu qabel ma jidlam. L‑ommijiet ukoll jaħdmu ħafna biex meta it‑tfal jiġu lura mill‑iskola u l‑missirijiet mix‑xogħol, ilkoll isibu lest l‑uniku platt ikel tal‑ġurnata. Il‑ħajja tagħhom ta’ kuljum hija iebsa, imma l‑familja hi dejjem magħquda u ferħana. Min jiġi minn pajjiżi barranin, jaqsam qalbu jara din is‑sitwazzjoni li jgħixu fiha dawn in‑nies, imma għalihom din hija l‑ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Imma x’jista’ jsir?
Biex il‑Knisja Kattolika tkun aktar preżenti u aktar missjunarja fost dan il‑poplu li għandu għatx għal Alla u għall‑ilma tax‑xorb, huwa urġenti li tinstab għajn tal‑ilma b’mezzi moderni li kapaċi tqassam l‑ilma fid‑djar b’mod sistematiku u raġjonevoli. Dan ikun t’għajnuna kbira biex ikun hemm stabbilità fil‑ħajja ġenerali tal‑poplu u jkunu jistgħu jużaw aħjar il‑ħin tagħhom ħalli tinbena ħajja parrokkjali aktar effettiva. Ħaġa oħra bżonnjuża hija li l‑parroċċa jkollha karozza (4x4 minħabba l‑kundizzjonijiet diffiċli tat‑toroq), biex tgħin lill‑fidili jmorru fl‑eqreb raħal u jsibu l‑ilma tax‑xorb. B’dan tinħoloq possibbiltà ta’ ħajja pastorali f’dawn il‑postijiet li s‑soltu jaraw lis‑saċerdot biss fiż‑żminijiet tal‑Milied jew tal‑Għid. Fejn jasal l‑ilma tax‑xorb tasal ukoll il‑missjoni u l‑pastorali.
Insomma, dawn il‑proġetti li huma urġenti, ċertament joħolqu x‑xogħol għal xi persuni u x‑xogħol tal‑missjoni jista’ jsir b’inqas diffikultà meta mqabbel mal‑lum. Il‑poplu ta’ Odżiba għandu bżonn il‑barka t’Alla, jiġifieri tal‑ilma biex jasal għall‑għajn tal‑ilma ħaj li joħroġ mill‑qalb ta’ Ġesù. Bħalma l‑profeta Iżaija jqabbel il‑Kelma t’Alla max‑xita u mal‑borra li jinżlu mis‑sema biex jagħtu l‑ħajja lill‑art (Iż. 55:10‑11), hekk ukoll l‑Insara, ħutna, ta’ Odżiba għandhom
bżonn jikbru b’saħħithom fil‑fidi taħt il‑ħarsa ħanina t’Alla. Inqis din iż‑żjara tiegħi f’Malta bħala don tal‑providenza divina għaliex naf li permezz tas‑sens profond ta’ akkoljenza tagħkom, sa minn żmien San Pawl, intom issiru l‑kanal li permezz tiegħu Ġesù, ir‑Ragħaj it‑Tajjeb, iwassal in‑nagħaġ ta’ Odżiba fil‑Kongo, għall‑ilma kalm u seren tal‑ġustizzja u tal‑paċi. Bħas‑Salmista, dan il‑poplu jibki kuljum: “Bħall‑art niexfa, għatxana u bla ilma, ruħi għatxana għalik.”
Dun Stein Nota qasira: Kemm nies matul il‑Maratona ta’ Missio u x‑Xahar Missjunarju jagħtu flus biex isiru spieri jew bjar għal dawn in‑nies! Fil‑maġġoranza dawn il‑benefatturi mhumiex sinjuri, imma nies li jagħtu mill‑pensjoni żgħira tagħhom jew mill‑ftit li jistgħu. Lilkom ilkoll benefatturi grazzi, u ibqgħu żguri li l‑Bambin huwa wisq aktar ġeneruż minna lkoll, u żgur li jagħtina, kif jgħidilna fil‑Vanġelu: “Il‑mitt darba iżjed u l‑ħajja ta’ dejjem.”

Grazzi mill‑qalb lilkom ilkoll u kunu mberkin.
AGĦMEL IT‑TMIEM TAL‑FAQAR PARTI MILL‑ISTORJA TAʼ ĦAJTEK.
RIEDA LI TAGĦTI

Wirt dejjiemi li jibdel il‑ħajjiet
Billi tiftakar f'Missio Malta fil‑wirt tiegħek, inti tista' tagħmel differenza għal dejjem fid‑dinja li l‑ġenerazzjoni li jmiss qed tikber fiha. Rigal mingħandek jista', ħafna snin oħra, jidher fit‑tbissim tat‑tfal f'pajjiżi tat‑Tielet Dinja li ser jibbenefikaw mill‑ħniena u l‑kompassjoni tiegħek. Il‑legati tiegħek li tħalli warajk dejjem ser iħallu tbissima ħajja fil‑qlub ta' nies oħra. Jien. Int. Aħna. Flimkien.
VO/1178
Nru. 7, Triq il‑Merkanti, il‑Belt Valletta VLT 1171. Tel: (+356) 2123 6962 | E‑Mail: info@missio.org.mt www.missio.org.mt