
1 minute read
Intenzjoni Missjunarja
Novembru 2022
Għat‑tfal li jbatu
Nitolbu sabiex it‑tfal li jbatu, dawk li jgħixu fit‑triq, il‑vittmi tal‑gwerer u l‑orfni, ikun jista’ jkollhom aċċess għall‑edukazzjoni u jistgħu jiskopru l‑imħabba ta’ familja.
Ninsabu fl‑2022, imma nsibu miljuni ta’ tfal fid‑dinja li huma mċaħħdin mid‑drittijiet fundamentali tagħhom. Insibu tfal li m’għandhomx dar, tfal foqra, tfal bla skola, tfal li jaħdmu minn età żgħira għal ħinijiet twal, tfal skjavi, tfal fil‑gwerra u fil‑kunflitti, u tfal abbużati. Hemm bżonn nitolbu għall‑fejqan tad‑dinja minn dan il‑vajrus t’abbuż u t’inġustizzji fil‑konfront tat‑tfal żgħar. Tkun ħaġa wisq xierqa li l‑mexxejja tal‑pajjiżi jagħmlu minn kollox sabiex jiddefendu lil uliedna u juruhom imħabba u karità: “Hu biss b’viżjoni, li x‑xefaq tagħha jkun ittrasformat mill‑karità li twassalna nifhmu d‑dinjità tal‑ieħor, li nistgħu nagħrfu u napprezzaw lill‑foqra fid‑dinjità mmensa tagħhom, ikunu rispettati bl‑istil u l‑kultura tagħhom, u b’hekk integrati kif jistħoqq fis‑soċjetà. Viżjoni bħal din hija l‑qofol ta’ spirtu politiku awtentiku.” (‘Fratelli Tutti’ Nru.187)
Bħala Knisja, irridu naħdmu bla heda sabiex nagħtu lil uliedna edukazzjoni ta’ valuri u prinċipji sodi. Fl‑Eżortazzjoni Appostolika ‘Catechesi tradendae’ tal‑1979 fin‑Numru 18, Papa Ġwanni Pawlu II jgħidilna: “Il‑katekeżi hija trawwim fil‑fidi tat‑tfal, taż‑żgħażagħ
u tal‑kbar, u b’mod speċjali tħaddan it‑tagħlim tad‑duttrina Nisranija mogħti b’mod organiku u sistematiku, bil‑għan li jwassal għall‑milja tal‑ħajja Nisranija.” L‑għan tal‑katekeżi huwa li: “tixxierek ma’ Ġesù Kristu; hu biss jista’ jitwassal għall‑imħabba tal‑Missier fl‑Ispirtu s‑Santu u jagħtina sehem mill‑ħajja tat‑Trinità Qaddisa.”
Dan kien il‑messaġġ ta’ Papa Franġisku nhar il‑Milied 2019, sabiex id‑dinja tħares u tipproteġi tant tfal li qegħdin ibatu fid‑dinja tal‑lum, tfal li ma jafux ferħ u mħabba, iżda ġlied u mibegħda. Inpoġġu wkoll lil dawn it‑tfal kollha li qegħdin ibatu taħt il‑mant tal‑Omm tat‑tfal kollha, Ommna Marija Santissima.

Qegħdin niġbru ‘soft toys’ f’kundizzjoni tajba. Jekk tista’ tgħin, jekk jogħġbok ċemplilna fuq 21236962 u staqsi għas‑Sa Nancy Camilleri. Grazzi.
BAŻAR

