
2 minute read
Il‑Misteru tal‑Għid
Matul dawn l‑aħħar ġimgħat tfajna l‑attenzjoni kollha tagħna fuq il‑Misteru tal‑Għid tal‑Mulej Ġesù. Dan il‑misteru huwa l‑qofol; iċ‑ċentru tal‑fidi tagħna. San Pawl jgħallimna li kieku Kristu ma qamx mill‑mewt “fiergħa l‑fidi tagħkom u intom għadkom fi dnubietkom”. (1 Kor 15:17)
Imma Kristu qam tassew mill‑mewt. Ġesù għadda mit‑triq tal‑Kalvarju għall‑qawmien mill‑mewt biex jaqlgħalna mingħand il‑Missier, id‑dar tal‑Ispirtu s‑Santu.
Ġesù jagħmel dan b’mod l‑iżjed ċar waqt li kien qiegħed jiekol mad‑dixxipli fil‑lejl qabel ma bata. F’din il‑lejla, it‑tnax kienu qalbhom imnikkta għaliex Ġesù qalilhom li kienet waslet is‑siegħa tiegħu li jmur lura għand il‑Missier. Imma fl‑istess waqt, Ġesù għamlilhom il‑qalb għaliex ma kienx se jħallihom waħedhom. “Ngħidilkom is‑sewwa, jaqblilkom li jiena mmur, nibgħathulkom meta jiġi Hu, l‑Ispirtu tal‑Verità, iwassalkom għall‑verità kollha.” (Ġw. 16:7‑13)
Kieku Ġesù ma bagħatx dan l‑ispirtu, il‑Misteru tal‑Għid kien ikun biss xi ħaġa tal‑imgħoddi, bla ebda effett fuqna. Huwa dan l‑Ispirtu Qaddis li jagħtina sehem mir‑rebħa ta’ Ġesù fuq il‑mewt u fl‑istess waqt idawwalna biex nistqarruh bħala l‑Mulej u s‑Salvatur waħdieni tagħna. Għalhekk u bir‑raġun, il‑ferħ tal‑Għid jagħlaq bil‑miġja tal‑Ispirtu s‑Santu fuq l‑Appostli.

“Meta wasal jum Għid il‑Ħamsin, huma kienu lkoll f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis‑sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, imtlew ilkoll bl‑Ispirtu s‑Santu.”
(Atti 2:1‑2) Din is‑solennità se niċċelebrawha fit‑28 ta’ Mejju. Bħalma ħejjejna rwieħna għall‑Festa tal‑Għid, huwa importanti li nħejju rwieħna għal din il‑festa solenni permezz tat‑talb, familjarità akbar mal‑Kelma t’Alla, sehem sħiħ fiċ‑ċelebrazzjoni tal‑Ewkaristija u nersqu għas‑Sagrament tar‑Rikonċiljazzjoni. Għandna bżonn lil dan l‑Ispirtu Qaddis sabiex isaħħaħna u jqawwina ħalli nkunu nistgħu nkunu xhieda ħajja ta’ Ġesù u nwassluh lill‑oħrajn. “Morru fid‑dinja kollha xandru l‑Evanġelju lill‑ħolqien kollu.” (Mk. 16:15)
Dan ix‑xahar sabiħ ta’ Mejju huwa wkoll marbut mal‑Verġni Marija. Nistedinkom titolbuha titlob għalina u timxi magħna ħalli tiddisponi lil qalbna kif għamlet mal‑Appostli sabiex inkunu nistgħu nilqgħu l‑akbar rigal li binha Ġesù jista’ jagħtina: l‑Ispirtu s‑Santu.
TALBA LILL‑ISPIRTU S‑SANTU

Ejja Spirtu s‑Santu, imla ’l qalbi bid‑doni qaddisa tiegħek. Agħmel li d‑dgħufija tiegħi tkun megħluba mill‑qawwa tiegħek illum stess biex naqdi d‑dmirijiet kif jitlob l‑istat tal‑ħajja tiegħi bil‑fedeltà, ħalli nagħmel biss dak li hu tajjeb u f’postu.


Agħmel li l‑imħabba tiegħi tkun tant soda li la noffendi lill‑oħrajn u lanqas inweġġa’ s‑sentimenti tagħhom.
Agħmel li nkun tant miftuħ għal ħaddieħor li nkun dejjem lest li naħfer minn qalbi kull ħsara li jagħmluli.
Għinni f’kull taqbida tal‑ħajja, dawwalni fl‑injoranza tiegħi, kun il‑kunsillier tiegħi meta nkun fid‑dubju, saħħaħ id‑dgħufija tiegħi, agħtini l‑għajnuna f’kull ħtieġa u fil‑mument tat‑tfixkil, ipproteġini f’kull tentazzjoni u farraġni fin‑niket.
Ismagħni O Spirtu Qaddis u itfa’ dawlek f’qalbi, f’ruħi u f’moħħi. Għinni ngħix ħajja qaddisa u kabbarni fil‑qdusija u l‑grazzja.
Ammen.
Nota:
Għeżież Ħbieb, Nixtieq ngħarrafkom li t‑terminu tiegħi bħala Direttur ta’ Missio Malta skada f’Jannar 2023.
Għandi l‑pjaċir ninfurmakom li l‑Kardinal Luis Antonio
G. Tagle kkonferma n‑nomina ta’ Dun Victor Agius, bħala d‑direttur il‑ġdid ta’ Missio Malta.
Fi tmiem din il‑ħidma nixtieq nirringrazzja lilkom u lil dawk kollha li għenuni f’din il‑ħidma. Nixtieq nawgura lis‑suċċessur tiegħi, Dun Victor Agius, ħidma fejjieda fil‑missjoni ġdida tiegħu b’risq l‑artijiet fil‑missjoni.
Mons. Valentino Borg
Għall‑Movimenti u l‑Gruppi tal‑Knisja.
Nitolbu sabiex il‑movimenti u l‑gruppi tal‑Knisja jiskopru l‑missjoni tal‑Evanġelizzazzjoni kuljum u jpoġġu l‑kariżmi tagħhom għas‑servizz tal‑bżonnijiet fid‑dinja.
Illum ix‑xogħol pastorali huwa dejjem intensiv, il‑problemi pastorali