1 minute read

L‑istorja tal‑Fardal

Niddubita kemm it‑tfal tal‑lum jafu fardal x’inhu! L‑għan ewlieni tal‑fardal tan‑nanniet u l‑ommijiet kien li jipproteġi l‑libsa li jkunu lebsin taħtu, għaliex din kienet tkun waħda mill‑ftit li kellhom. Fl‑istess ħin, kien aktar faċli li taħsel fardal milli libsa, u fardal kien jieħu anqas drapp biex jinħiet minn libsa. Imma barra minn hekk, il‑fardal kellu ħafna użi oħra.

L‑ommijiet u n‑nanniet kienu jużaw il‑fardal biex joħorġu d‑dixxijiet jaħarqu mill‑fran, u biex jimsħu l‑għaraq minn fuq ġbinhom jew idawruh ma’ dirgħajhom meta tkun il‑kesħa. Kien ideali sabiex jimsħu d‑dmugħ minn għajnejn it‑tfal u f’xi okkażjonijiet inaddfu l‑widnejn maħmuġin ta’ wliedhom. Dan minbarra li jimsħu l‑idejn ċkejknin u maħmuġin wara sigħat jilagħbu fit‑toroq jew fl‑għelieqi. It‑tfal min‑naħa tagħhom mhux l‑ewwel darba li kienu jinħbew wara l‑fardal meta jistħu min‑nies li ma jafux. U tiskanta dak l‑imbierek fardal kemm għamara kien ifarfar fi ftit sekondi meta jaslu l‑mistednin għal għarrieda! Mill‑gallinar tat‑tiġieġ, in‑nisa kienu jġorru fil‑fardal il‑bajd lejn il‑kċina u l‑flieles biex jitpoġġew ġo gallinar ieħor. Mhux darba u tnejn li fil‑fardal inġarr il‑ħatab għan‑nar jew il‑ħxejjex u l‑frott imkabbra fil‑ġardina, jew inkella l‑qxur tal‑piżelli u l‑ful wara li dan ikun tqaxxar. Meta mbagħad kien jasal ħin l‑ikel, l‑ommijiet u n‑nanniet erħilhom ixejru l‑fardal minn fuq l‑għatba tal‑bieb ta’ barra sabiex l‑irġiel ikunu jafu li l‑ikel kien lest u jaslu lura mill‑għelieqi.

Ritratt tal‑faċċata:

Mara Peruvjana bit‑tifel tagħha marbut fuq daharha.

Għad irid jasal iż‑żmien li xi ħadd jivvinta xi ħaġa li tieħu post il‑fardal antik li serva għal ħafna skopijiet. In‑nanniet kienu jpoġġu t‑torti sħan fuq ħoġor it‑tieqa biex jibirdu u llum il‑ġurnata n‑neputijiet tagħhom ipoġġu t‑torti fuq ħoġor it‑tieqa biex jinżlu mis‑silġ. Żgur u mhux forsi li dawn l‑istess neputijiet jiġġennu jekk jippruvaw jiskopru kemm mikrobi kien ikun fih il‑fardal!

Imma li nafu hu li jien qatt ma ħadt xejn mill‑fardal, ħlief IMĦABBA! 

Għad‑dinja intom sempliċi ommijiet, imma għalina intom id‑dinja!

L‑imħabba tagħna għalikom hija bla tarf!

This article is from: