
5 minute read
Esperjenzi Reali
Xtaqna naqsmu magħkom din l‑ittra sabiħa li rċevejna mingħand Dun Susai għax turi kif l‑għajnuna, li b’tant imħabba aħna lkoll qed nagħtu lil xi saċerdoti, qed isservi mhux biss biex timla l‑istonku ta’ min hu bil‑ġuħ, imma aktar minn hekk qed isservi sabiex tibni bnedmin ġodda li jibdew jaħsbu fl‑oħrajn. Lill‑benefatturi kollha tagħna ngħidulkom: GRAZZI.

Għeżież Ħbieb,
L‑isbaħ xewqat minni Dun Susai u minna lkoll f’Ilanthalir.
Nixtiequ u nitolbu li intom ilkoll tinsabu tajbin u b’saħħitkom wara
dawn l‑aħħar mewġiet tal‑pandemija u t‑tbatijiet marbuta magħhom. Nibqgħu nitolbu għalikom u għal kulħadd fid‑dinja. Nirringrazzjaw ’l Alla għall‑għajnuna tagħkom lill‑Ilanthalir. Fiż‑żmien tal‑Milied, fejn fraħna bil‑ħbiberija tagħna magħkom u qsamna l‑ferħ ma’ xulxin, nixtiequ nsellmulkom billi ngħidulkom grazzi u naġġornawkom fuq ħajjitna u dak li qed nagħmlu.
Ilanthalir beda fl‑1997 minn raħal ċkejken fin‑Nofsinhar tal‑Indja biex jgħin lit‑tfal fl‑irħula għal edukazzjoni aħjar. Sa minn dak iż‑żmien il‑ħajja ta’ ħafna marret għall‑aħjar; hemm min laħaq għalliem/a, ners, inġinier jew intraprenditur. Xi wħud saru qassisin jew sorijiet. Issa dan il‑proġett għalaq 25 sena ta’ servizz għat‑tfal u għall‑foqra. It‑tfal li qed jiġu sponsorjati, ħafna minnhom ġejjin minn erba’ distretti fl‑istat ta’ Tamil Nadu. Dan l‑istat għandu popolazzjoni ta’ 78.8 miljun ruħ. Dawn l‑erba’ distretti, bħal ħafna oħrajn, għandhom ftit xita u allura hemm nixfa kbira. Il‑maġġoranza tan‑nies fiż‑żona huma bdiewa bla esperjenza jew ħaddiema migranti minn bliet fil‑viċin. Peress li l‑ġenituri jemigraw ta’ spiss, Ilanthalir fetħet dar għat‑tfal tagħhom biex hekk ma jħarbtux l‑edukazzjoni tagħhom. It‑tfal l‑oħra jew jibqgħu d‑dar u jistudjaw, jew isibu akkomodazzjoni fil‑ħostel affiljat mal‑iskejjel jew kulleġġi rispettivi

tagħhom. L‑iskejjel u l‑kulleġġi fl‑aħħar sena akkademika kienu magħluqa għal ħafna xhur. It‑tfal kienu qed jattendu l‑klassi onlajn. Wara li naqsu l‑każijiet fit‑tieni mewġa, il‑kulleġġi reġgħu fetħu u l‑istudenti reġgħu bdew jattendu l‑klassijiet b’mod regolari. L‑istudenti tas‑sekondarja u dawk tal‑elementarja reġgħu bdew ukoll il‑klassijiet regolari.
Matul il‑perijodu tal‑lockdown, konna ninvolvu lit‑tfal b’mod pożittiv f’diversi attivitajiet. Nixtiequ nsemmu hawn taħt xi wħud mill‑attivitajiet ta’ Ilanthalir, li jinvolvu lit‑tfal.
It‑tfal ġew motivati biex jilħqu lill‑familji li huma l‑aktar fil‑bżonn u jqassmulhom ikel mixtri mid‑donazzjonijiet tagħhom stess u mill‑kontribuzzjoni li huma stess jirċievu mingħand Ilanthalir.
Ta’ kuljum kellhom jagħmlu xi ħaġa biex jesprimu l‑kreattività tagħhom u jħajru studenti oħra jagħmlu l‑istess fi grupp ta’ WhatsApp maħluq għalihom. Hekk inħarġet il‑ħila tagħhom f’dik li hija tpinġija, pittura, kant, żfin, drama, oratorju, kitba ta’ esejs, poeżija, fotografija u xogħlijiet oħra kreattivi.
Inħoloq kanal fuq YouTube bl‑isem ‘Ilanthalir Flame’ sabiex ikompli jsaħħaħ it‑talenti tagħhom. Dan ipprovda pjattaforma lit‑tfal biex juru t‑talenti tagħhom. Wieħed mill‑istudenti wera l‑innovazzjoni tiegħu fuq ftit vidjows li ġab fuq dan il‑kanal.
Xi studenti pparteċipaw f’kompetizzjonijiet fuq livell reġjonali u rebħu premjijiet.
Xi żgħażagħ ġew involuti b’suċċess fil‑produzzjoni ta’ films qosra u fl‑editjar tal‑vidjows u kkontribwew għall‑Ilanthalir Flame.
Bl‑istess mod, Ilanthalir organizza kompetizzjoni taż‑żfin klassiku, western u folkloristiku għall‑istudenti taħt il‑kategoriji ta’ junior, senior u super senior. Dan għen lit‑tfal joħorġu t‑talenti inerenti tagħhom. Dan iż‑żfin huwa issa disponibbli fuq il‑kanal Ilanthalir Flame fuq YouTube.
Involvejna lit‑tfal u lill‑ġenituri tagħhom f’kompetizzjoni ta’ kwizz. L‑iskop kien li ngħinu lill‑ġenituri u lit‑tfal iqattgħu l‑ħin flimkien b’mod produttiv.
Matul il‑lockdown totali, in‑nies foqra kienu jissieltu ħafna biex isibu l‑ikel. Permezz ta’ xi voluntiera stajna nidentifikaw lill‑foqra fl‑inħawi tal‑madwar u tajniehom pakketti tal‑ikel.

Nixtiequ naqsmu magħkom l‑istejjer ta’ żewġ studenti tagħna, Monica u James li din is‑sena temmew l‑istudji tagħhom.

Jiena Monica Jelastina. Inħossni kuntenta u grata li jiena parti minn Ilanthalir. Ilni għal dawn l‑aħħar ħdax‑il sena, minn mindu kelli ħdax‑il sena, nistudja bl‑għajnuna ta’ Ilanthalir. Aħna ħamest ibniet fil‑familja tagħna. Il‑ġenituri tiegħi jitħallsu bil‑ġurnata u minħabba f’hekk Ilanthalir offriet li tisponsorjani għall‑istudji tiegħi sabiex nista’ nġorr il‑piż tal‑familja tagħna. Spiċċajt l‑iskola u l‑kulleġġ tiegħi, u issa ser nispiċċa l‑istudji tiegħi tas‑CMA u nipprepara ruħi biex naħdem fil‑qasam tal‑awditjar. Għall‑esperjenza tax‑xogħol tiegħi, bħalissa jiena voluntiera ma’ Ilanthalir. Matul dan iż‑zmien ma’ Ilanthalir, bħala studenta u issa bħala voluntiera, ksibt għarfien u valuri soċjali u spiritwali. Jiena ninpenja ruħi biex ngħix dak li ksibt minn Ilanthalir. Nirringrazzja lil Ilanthalir u lill‑isponsor tiegħi, Hebeisen Christophe, li bnewli ħajti.

Jiena James, wieħed mill‑istudenti ta’ Ilanthalir. Din is‑sena spiċċajt l‑istudji tiegħi u naħdem f’kumpanija taż‑żebgħa fis‑sezzjoni tal‑kontijiet, u qed nieħu salarju tajjeb. Meta kelli 12‑il sena ngħaqadt ma’ Ilanthalir permezz ta’ wieħed mill‑għalliema tiegħi. Il‑familja tiegħi kienet f’sitwazzjoni fqira ħafna u kelli żewġ aħwa bniet ikbar minni. Il‑ġenituri tiegħi kienu ħaddiema bla ebda esperjenza u ftit li xejn kienu jaqilgħu flus biex setgħu jibagħtuna l‑iskola nistudjaw. Nirringrazzja lil Ilanthalir li sab l‑isponsor tiegħi ‑ Renzi Pietro. Huwa u l‑familja tiegħu tawni l‑għajnuna kollha li kelli bżonn għall‑edukazzjoni u għall‑iżvilupp tiegħi. Kieku ma kellix din l‑opportunità kont inkun ħaddiem bla esperjenza bħall‑ġenituri tiegħi. Nesprimi l‑grazzi sinċieri lill‑isponsor tieghi Renzi Pietro u lil Ilanthalir.

It‑tfal kollha appoġġjati minn Missio Malta sejrin tajjeb. Huma kuntenti li marru lura l‑iskola u reġgħu bdew igawdu l‑metodu tradizzjonali ta’ tagħlim. Huma jittamaw li dak li tgħallmu mill‑klassijiet onlajn jiswa biex ikunu jistgħu jimxu ’l quddiem fis‑suġġetti tagħhom. It‑tfal ta’ Ilanthalir jiftakru bi gratitudni fl‑isponsors kollha tagħhom u f’Missio Malta għall‑appoġġ li jirċievu u għall‑bidla li ġabulhom f’ħajjithom. Nirringrazzjawkom immens għall‑appoġġ kbir li tatu lil Ilanthalir. It‑tfal u l‑ġenituri tagħhom iwasslu bi gratitudni l‑awguri u t‑talb tagħhom. J’Alla l‑Bambin iberikkom b’saħħa tajba, ferħ u prosperità.
Aħna nawgurawlkom ilkoll: SENA ĠDIDA MIMLIJA SIGUREZZA!
B’imħabbti kollha, Dun Susai Alangaram
Jien. Int. Aħna. Flimkien. CHILD SPONSORSHIP
€150 – edukazzjoni għal sena sħiħa lil tifel jew tifla fil‑bżonn.
Bis‑saħħa tal‑programm ‘Missio Child Sponsorship’, int tkun raġġ ta’ dawl fil‑ħajja ta’ dawn it‑tfal foqra. Kull min jisponsorja tifel jew tifla jingħata ritratt u tagħrif dwarhom.

Ibgħat id‑donazzjoni tiegħek lil Missio Nru. 7, Triq il‑Merkanti, Valletta VLT 1171 Jew fuq www.missio.org.mt Għal aktar dettalji ċemplu fuq 21236962 fil‑ħinijiet tal‑uffiċċju. GRAZZI MILL‑QALB