
2 minute read
Intenzjoni Missjunarja
Għal risposta Nisranija quddiem l‑isfidi tal‑bijoetika.
L‑Insara għandhom il‑missjoni li jkunu ħabbara siewja tal‑fidi fil‑ħwejjeġ li għandna nittamaw biex mal‑istqarrija tal‑fidi, jgħaqqdu dejjem bis‑sħiħ ħajja ispirata
Marzu 2021
mill‑fidi. Bħala Nsara għandna naħdmu bla heda sabiex jibqgħu mħarsa l‑kmandamenti t’Alla f’dinja li trid twarrab lil Alla għal kollox u fuq kollox it‑tagħlim tiegħu. In‑Nisrani għandu jkun minn ta’ quddiem sabiex jippromwovi dejjem il‑ħarsien tal‑ħajja tal‑bniedem mill‑bidu tagħha sal‑aħħar mumenti tagħha kif jgħallimna l‑ħames kmandament ‘la toqtolx’. It‑‘taparsi drittijiet’ tal‑bniedem tal‑progress ma jistgħux jeqirdu d‑dritt fundamentali tal‑ħajja tal‑bniedem; tal‑bnedmin mill‑iktar innoċenti li mhuma ta’ ebda theddida għal ħadd, bħalma hija t‑tarbija fil‑ġuf tal‑omm. Aħna naħdmu sabiex neqirdu l‑gwerer, il‑bombi atomiċi u kimiċi, u mhux l‑embrijun uman.

Proprju f’dan ix‑xahar ta’ Marzu niċċelebraw il‑Festa tat‑Tħabbira tal‑Madonna mill‑Anġlu Gabrijel, fejn Marija ssir omm bil‑ħidma tal‑Ispirtu s‑Santu. Għalhekk din hija festa marbuta mal‑ħajja tal‑bniedem li f’dan ix‑xahar il‑Papa tant jixtieqna nitolbu għaliha. Il‑ħajja umana hija rigal t’Alla u allura hija qaddisa. Kull bniedem huwa maħluq xbieha t’Alla. (Ġen 1:26‑27/
Ġer 1:5/Is 49:1) Il‑bidu tal‑ħajja umana huwa misteru kbir u allura tesiġi rispett u dinjità sa mill‑bidu tagħha. Dan huwa sa minn dejjem it‑tagħlim tal‑Knisja li tħossha dejjem fid‑dmir li taħdem f’kollaborazzjoni ma’ kull bniedem ta’ rieda tajba għall‑bini ta’ dinja aħjar. Papa San Ġwanni Pawlu II kien għamel diversi riferenzi fid‑diskorsi tiegħu għall‑ħtieġa li t‑teknoloġija medika tiġi ggwidata minn ċerti valuri fundamentali biex b’hekk jiġu evitati abbużi serji, liema abbużi jistgħu jseħħu fl‑esperimentazzjonijiet. Fil‑fatt, fi Frar tal‑1987, il‑Kongregazzjoni għat‑Tagħlim tal‑Fidi ppubblikat l‑Istruzzjoni Dwar ir‑Rispett għall‑Ħajja tal‑Bniedem fil‑Bidu Tagħha u d‑Dinjità tal‑Prokreazzjoni: Tweġibiet għal ċerti mistoqsijiet ta’ żmienna, magħruf aħjar bħala ‘Donum Vitae’; dokument li jittratta l‑moralità ta’ dawn il‑kwistjonijiet u temi bijoetiċi. Kellna wkoll l‑Istruzzjoni tal‑Kongregazzjoni tad‑Duttrina tal‑Fidi, ‘Dignitas Personae’, dwar kwistjonijiet bijoetiċi tal‑2008. Ma ninsewx ukoll it‑tagħlim tal‑Knisja dwar dak li nsibu fil‑‘Veritatis Splendor’ tal‑1993 u fl‑‘Evangelium Vitae’ tal‑1995 ta’ Papa San Ġwanni
Pawlu II: “L‑istess xjenzati, min‑naħa tagħhom, ma jistgħu qatt jaħsbu li f’idejhom għandhom biss biċċa materja bla ħajja li tista’ tagħmel biha li trid. Fil‑fatt, sa mill‑bidu nett tagħha, il‑ħajja tal‑bniedem hija kkaratterizzata mill‑fatt li hija ħajja umana u għaldaqstant iġġorr magħha dejjem, kullimkien u minkejja kollox, id‑dinjità tagħha. Inkella nkunu dejjem fil‑periklu li nużawha bħala strument tax‑xjenza.” (EV Nru 74)

Ejjew għalhekk naħdmu għal dan il‑għan, għax Alla huwa Sid il‑Ħajja u Ġesù rebaħ il‑mewt fil‑Qawmien Tiegħu.
BAŻAR
