
1 minute read
Intenzjoni Missjunarja
Għall‑Familji
Nitolbu għall‑familji Nsara tad‑dinja kollha, sabiex b’ġesti konkreti jgħixu l‑gratwità tal‑imħabba u tal‑qdusija tal‑ħajja ta’ kuljum.
Żgur li Papa Franġisku ddedika din l‑intenzjoni tax‑xahar ta’ Ġunju fil‑kuntest tal‑Jum Dinji tal‑Familji li din
Ġunju 2022
is‑sena qed isir Ruma f’dan ix‑xahar tas‑sajf, bit‑tema: ‘L‑imħabba fil‑familja: vokazzjoni u triq tal‑qdusija’. Hemm bżonn għalhekk, li bħala Knisja nkomplu naħdmu biex insaħħu l‑familji tagħna fid‑dinja tal‑lum ħalli fihom issaltan tassew l‑imħabba vera ta’ Kristu. Minbarra dan, fit‑8 t’April 2016, Papa Franġisku tana l‑Eżortazzjoni Appostolika post‑sinodali, ‘Amoris laetitia’, ‘Il‑Ferħ tal‑Imħabba’, dwar l‑imħabba fil‑familja, frott ta’ żewġ sinodi li kienu saru fl‑2014 u fl‑2015. Kif kiteb ukoll il‑Ġiżwita Antonio Spadaro, fiċ‑Civilta’ Cattolica tat‑23 t’April 2016, il‑familja hija l‑post fejn wieħed jgħix il‑ferħ tal‑imħabba. Huwa f’dan l‑ambjent sann, ta’ talb, ta’ qadi, ta’ qdusija u ta’ responsabbiltà li wliedna jistgħu jikbru fis‑sod ħalli jsiru l‑ġenituri t’għada. Għalhekk, huma importanti l‑mumenti flimkien fil‑familja, it‑talb u r‑responsabbilitajiet fid‑dar, anke bil‑parteċipazzjoni tat‑tfal.
Il‑familja hija knisja żgħira, il‑knisja tad‑dar
(ecclesia domestica), kif tgħid il‑Lumen Gentium fin‑numru 11; hija l‑knisja ż‑żgħira fil‑knisja l‑kbira, ‘ecclesiola in ecclesia’. Iżda f’dawn l‑aħħar snin, deher biċ‑ċar li l‑familja, bħala l‑aqwa sies tas‑soċjetà, iġġarrfet mill‑bnedmin stess. Dak li għaqqad Alla, il‑bniedem kissru u dawru ta’ taħt fuq! Il‑bniedem nesa li ż‑żwieġ huwa, min‑natura tiegħu stess, kuntratt sagru u għal dejjem. San Pawl, fl‑ittra tiegħu lill‑Efesin, jgħidilna hekk dwar iż‑żwieġ: “Dan huwa sagrament kbir, fi Kristu u l‑Knisja”. (5:32) Għalhekk, il‑bnedmin għandhom iżommu f’moħħhom li hu Alla li ħalaq iż‑żwieġ, u għalhekk mill‑imħabba tiegħu jmexxi ż‑żwieġ bil‑Liġi Divina tiegħu li tibqa’ għal dejjem u ma titbiddilx: “Fuq xbihet Alla ħalqu: raġel u mara ħalaqhom”. (Ġen 1:27) Min‑naħa l‑oħra, filwaqt li l‑Knisja, bħala Omm qiegħda tkompli tgħin dawk is‑sitwazzjonijiet irregolari taż‑żwieġ, il‑Knisja, permezz tax‑xhieda, katekeżi u laqgħat pre‑matrimonjali serji, għandha tkompli xxandar l‑Evanġelju u s‑Sbuħija tal‑Familja. Il‑Knisja mela hija d‑dar miftuħa tal‑Missier fejn hemm post għal kulhadd (‘Evangelii Gaudium’ numru 47). Fuq kollox il‑liġi suprema tagħha hija s‑salvazzjoni tal‑erwieħ: ‘suprema lex salus animarum’: ‘la salvezza delle anime, che deve essere nella Chiesa la legge suprema’. (Kanoni 1752)

BAŻAR


