2 minute read

Il‑Qaddisa Tax‑Xahar

Santa Franċeska Xavier Cabrini

Franċeska Cabrini twieldet fil‑15 ta’ Lulju 1850 f’Sant’Anġelo Lodigano, f’Lodi, l‑Italja. Kienet l‑iżgħar minn tlettax‑il aħwa. Matul it‑tfulija tagħha kienet iżżur lil zijuha Dun Lwiġi, li kien joqgħod ħdejn xmara u kienet tħobb tagħmel dgħajjes żgħar tal‑karti, timliehom bil‑fjuri li kienet issejħilhom ‘missjunarji’ u tħallihom imorru mal‑kurrent. Fl‑età ta’ tlettax‑il sena, Franċeska bdiet tmur l‑iskola ta’ Ulied il‑Qalb ta’ Ġesù. Ħames snin wara ggradwat u saret għalliema. Fl‑1870, il‑ġenituri tagħha mietu u wriet ix‑xewqa li tidħol mas‑Sorijiet ta’ Ulied il‑Qalb ta’ Ġesù li kienu l‑għalliema tagħha, imma ma kinux ċerti minħabba li kienet timrad ħafna. Sadanittant kienet kap tal‑iskola f’orfanatrofju f’Codogno, fejn kienet tgħallem komunità ta’ nisa kif jgħixu ħajja reliġjuża.

Cabrini daħlet soru fl‑1877 u żiedet l‑isem ta’ Xavier ma’ isimha għall‑qaddis Ġiżwita San Franġisku Saverju, patrun tal‑missjoni. Xtaqet li bħalu tibda missjoni fiċ‑Ċina. F’Novembru tal‑1880, Cabrini u seba’ sorijiet oħra waqqfu s‑Sorijiet Missjunarji tal‑Qalb ta’ Ġesù li tagħhom baqgħet Madre Ġenerali sakemm mietet. Is‑sorijiet fetħu skola għat‑tfal orfni u biex ikollhom ftit tal‑flus, kienu jgħallmu r‑rakkmu u x‑xogħlijiet ibigħuhom biex ikopru l‑ispejjeż tal‑iskola. Fi ħdan din l‑istituzzjoni nfetħu sebat idjar u żewġ skejjel b’xejn fl‑ewwel ħames snin. Dan ġibed l‑attenzjoni tal‑Isqof Scalabrini ta’ Piacenza u ta’ Papa Ljun XIII. F’Settembru tal‑1887, Cabrini marret għall‑approvazzjoni tal‑Papa biex twaqqaf missjoni fiċ‑Ċina, imma l‑Papa ħeġġiġha tmur l‑Amerika biex tgħin lill‑immigranti Taljani li kienu ħafna f’dak il‑pajjiż b’faqar kbir. “Mhux fil‑Lvant, imma fil‑Punent,” kien il‑parir tal‑Papa. Cabrini u sitt sorijiet oħra marru New York u bl‑għajnuna tal‑Isqof Corrigan sabu post fil‑Kunvent tas‑Sorijiet tal‑Karità. Minn hemm waqqfu l‑Isptar tal‑Qalb ta’ Ġesù għat‑tfal orfni. Swor Franċeska bdiet tagħti l‑lezzjonijiet tal‑katekiżmu lill‑immigranti Taljani minkejja ħafna diffikultajiet, imma b’ħafna talb sabet ħafna għajnuna min‑nies li offrew kemm donazzjonijiet, ħin, xogħol u sapport, tant li fetħet l‑Isptar Colombus b’kollaborazzjoni ma’ sptar Taljan li baqa’ miftuħ sal‑2008. Waqqfet ukoll 67 istituzzjoni missjunarja li jservu lill‑morda u lill‑fqar, ħafna qabel ma kien hemm xi għajnuna mill‑awtoritajiet ta’ dawk iż‑żminijiet. Dawn kienu fil‑bliet ta’ Chicago, Denver, Illinois, Seattle, New Orleans u oħrajn, madwar saħansitra l‑Amerika Latina u l‑Ewropa. Wara mewtha,

is‑sorijiet missjunarji qatgħulha xewqitha billi waqqfu missjoni fiċ‑Ċina wkoll.

Swor Franċeska mietet fl‑età ta’ 67 sena fl‑Isptar Colombus, f’Chicago, Illinios, fit‑22 ta’ Diċembru 1917, kawża tal‑malarja. Cabrini ġiet ibbeatifikata fit‑13 ta’ Novembru 1938 minn Papa Piju XI u ikkannonizzata fis‑7 ta’ Lulju 1946 minn Papa Piju XII. Bl‑interċessjoni tagħha kien seħħ miraklu fuq tarbija ta’ ġurnata li għamiet b’injezzjoni qawwija bi żball u ġiet tara. It‑tarbija, Peter Smith (1921‑2002) sar qassis u kien preżenti għall‑beatifikazzjoni tagħha. It‑tieni miraklu kien il‑fejqan ta’ membru fil‑kongregazzjoni tagħha, li kienet marida b’marda terminali. Il‑festa ta’ Swor Franċeska tiġi ċċelebrata fit‑22 ta’ Diċembru. 

Qiegħed nibgħat il‑ħlas ta’ € .................................. permezz ta’ ċekk pagabbli lil Missio Malta biex isiru Quddies fil‑missjoni għar‑ruħ/għall‑erwieħ ta’:

Isem u kunjom: Indirizz:

Belt/ Raħal: Kodiċi Postali:

Tel:

This article is from: