
1 minute read
Intenzjoni Missjunarja
Diċembru 2022
Għall‑Organizzazzjonijiet tal‑Volontarjat
Nitolbu sabiex l‑organizzazzjonijiet ta’ volontarjat u tal‑promozzjoni umana jsibu persuni mħeġġa sabiex jimpenjaw rwieħhom għall‑ġid komuni u li jfittxu dejjem toroq ġodda ta’ kollaborazzjoni fuq livell internazzjonali.
Il‑valur tal‑volontarjat huwa kbir wisq. F’dan ix‑xahar, li fih niċċelebraw il‑Festa tal‑Milied, tal‑Kelma t’Alla li saret bniedem bħalna f’kollox minbarra d‑dnub, naraw fuq kollox lil Ġesù Bambin li libes in‑natura tagħna l‑bnedmin u li ġie fid‑dinja mhux biex ikun moqdi bħallikieku xi Re maestuż fuq tron, imma ġie fid‑dinja biex jaqdina u jsalvana. U għalhekk, meta nħarsu lejn Kristu bħala Qaddej, għandu wkoll jispirana sabiex inkunu qaddejja ta’ xulxin. B’xorti tajba, f’pajjiżna għandna ħafna volontarjat, u dan jidher ukoll fil‑parroċċi tagħna u f’ħafna organizzazzjonijiet tal‑volontarjat li jgħinu fil‑pastorali u fl‑attivitajiet soċjali, kulturali u sportivi. Sfortunatament iżda dan il‑volontarjat jista’ jkun qed jonqos f’pajjiżna u għalhekk irridu nkomplu naħdmu, mill‑kbar saż‑żgħar, sabiex ngħinu u nrawmu kultura ta’ volontarjat u l‑organizzazzjonijiet volontarji li jagħmlu tant ġid fis‑soċjetà u fil‑komunità
parrokkjali jkunu dejjem apprezzati u megħjuna. Papa Franġisku wera wkoll dan il‑ħsieb fl‑enċiklika tiegħu ‘Fratelli Tutti’: “Il‑vera karità mħaddma kif jixraq għandha ħila tintegra dan kollu (privatezza, legalità, livell minimu ta’ għajxien, kummerċ, ġustizzja soċjali, ċittadinanza politika) u għandha tkun tidher biċ‑ċar fil‑laqgħa inter‑personali; għandha ħila wkoll tilħaq lill‑aħwa mbiegħda jew injorati wkoll, permezz ta’ riżorsi varji li l‑istituzzjonijiet ta’ soċjetà organizzata, ħielsa u kreattiva għandhom ħila joħolqu”. (‘Fratelli Tutti’ Nru.165)

Ejjew nitolbu ħalli aħna lkoll nkunu lesti sabiex ngħinu lil xulxin, u dan ukoll fuq l‑eżempju tal‑Madonna li qamet u marret iżżur lill‑qariba tagħha Santa Eliżabetta meta twieled Ġwanni l‑Battista, il‑Prekursur tal‑Messija.