Sliem u Ħajja - Jannar 2019

Page 1

»

Sliem u ħajja Parroċċa San Sebastjan Ħal Qormi Jannar 2019

Sena ta’ Grazzja Fil-bidu ta’ din is-sena l-ġdida, nixtieq nawgura lilkom u l-familji tagħkom, is-Sena t-tajba. J’Alla tkun sena ta’ grazzja għal kulħadd, fejn tkompli tressaqna iżjed lejn Alla u tkompli tgħaqqadna aktar bejnietna. Is-sena 2019, hija waħda speċjali għall-Parroċċa tagħna. F’ din is-sena ser niċċellebraw il-75 sena minn mindu ħarġet għall-ewwel darba il-purċissjoni bl-istatwa tal-patrun tagħna San Sebastjan. Kien propju fit-2 ta’ Lulju 1944, li l-istatwa ta’ San Sebastjan, waslet indurata f’ Ħal Qormi, fost ilferħ tal-poplu ta’ Ħal Qormi. Min jaf kemm ferħu ta’ qabilna, jaraw din il-ħolma li saret realtà. Hekk nifirħu aħna llum, meta nħarsu lejn din ix-xbieha sabiħa tal-qaddis tagħna, mhux biss fil-festa, imma anke kull darba li ngħaddu quddiem din l-istatwa, biex nitolbuh fil-mixja tal-ħajja tagħna, quddiem l-isfidi u diffikultajiet li ngħaddu minnhom. Dan l-anniversarju sabiħ, ma nistgħux ma nfakkruhx, imma ma nistgħux nieqfu biss fuq l-aspett ta’ ċelebrazzjoni, imma rridu nistaqsu u ngħidu, llum lilna l-Qriema, devoti tiegħu, San Sebastjan, xi jrid jgħidilna. Din kienet riflessjoni li għamilna flimkien fix-xhur li għaddew bħala Parroċċa u għalhekk ġie deċiż li dak ikun il-motto li nagħżlu biex imexxina f’ din is-sena li qed nfakkru dan l-anniversarju. Għażilna frażi meħuda mitTestment il-Ġdid, mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru: “Kunu intom ukoll qaddisin” (1 Pt: 1,15).

Aħna, bħal San Bastjan, msejħin minn Alla, biex aħna wkoll nkunu qaddisin. Forsi wieħed jistaqsi u jgħid, imma kif, x’ nistà nagħmel? 1.  Nilqgħu u nemmnu fl-imħabba li Alla għandu għalina. Dan nistgħu nagħmluh aktar kemm nkunu viċin tiegħu, billi nkunu bnedmin ta’ talb. Ejjew nippruvaw matul din is-sena speċjali, ma nfallux ilQuddiesa tal-Ħadd. San Bastjan, għalhekk sar qaddis, għax ħalla l-imħabba ta’ Ġesù, timlilu ħajtu u qalbu. 2.  Inkunu ħbieb tal-Evanġelju. Wieħed mill-mezzi, kif insir naf aħjar lil Ġesù fil-ħajja tiegħi, huwa permezz tal-Kelma ta’ Alla. Ejjew nfasslu l-ħajja tagħna fuqha, ħalli bħal San Bastjan, nagħmlu dak li hu tassew ta’ ġid għalina. 3.  Nkunu xhiedha ta’ Ġesù, billi nagħmlu l-ġid lil kulħadd, San Bastjan, fil-ħajja tiegħu, mhux hekk għamel? Ejjew, aħna wkoll bħala l-ulied spiritwali tiegħu, nagħmlu bħalu, biex b’hekk aħna wkoll nkunu dak li l-Mulej jixtieqna li nagħmlu u li nkunu llum. Nitlob u nawgura biex din is-sena, tkun tassew sena ta’ grazzja, għalina, għall-familji u għallParroċċa tagħna, billi fuq l-eżempju tal-Qaddis tagħna, San Sebastjan, nersqu aktar lejn Alla u bil-ħajja tagħna, ngħixu tassew dak li Alla jrid minnha, li nkunu qaddisin. Inselli ħafna għalikom u tkunu Imberkin Dun Ewkarist Zammit KAPPILLAN


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.