Sliem u Ħajja - April 2018

Page 1

Sliem u ħajja Parroċċa San Sebastjan Ħal Qormi April 2018

KELMA TAL-KAPPILLAN

Ngħixu l-ferħ tal-Għid il-Kbir Il-Qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, ma jistax ma jnissilx ferħ u paċi fil-ħajja tan-nisrani. Għax fl-Għid il-Kbir, il-biża’ tmut u titwieled it-tama, id-dnub ma jibqax il-kundanna tal-bniedem, għax titnissel u tingħata l-grazzja permezz tal-maħfra tad-dnubiet. Iva, il-ħażen, li huwa l-akbar ostaklu għallbniedem, fil-Qawmien ta’ Kristu mill-imwiet jitlef il-qawwa tiegħu. Għalhekk fl-Għid il-Kbir, id-dixxiplu li jemmen jistrieħ fi Kristu Rebbieħ, iħossu f’postu, iħossu maħbub, iħossu bniedem ġdid b’dinjità. Dan il-ferħ tal-Għid il-Kbir, ngħixuh kull nhar ta’ Ħadd, meta flimkien mal-Knisja, bħala komunità ta’ dixxipli niċċelebraw Jum il-Mulej. Dakinhar nerġgħu niġġeddu fit-tama tagħna fi Kristu Rxoxt, imqajjem mill-imwiet. Għalhekk f’din il-laqgħa qaddisa, il-Mulej jagħtina l-qawwa tal-imħabba tiegħu meta joffrilna l-Kelma bħala gwida fuqiex nimxu filwaqt li jimliena bil-kuraġġ quddiem il-vjaġġ tal-ħajja meta jfakkarna: “Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.”(Mt 28, 20). Ejjew, għalhekk ma nibqgħux lura milli nieħdu sehem f’din l-Ewkaristija, f’jum il-Ħadd, għax ma nistax inkun dixxiplu ta’ Ġesù, ma nistax ngħix il-ferħ tal-Għid, mingħajr il-Quddiesa tal-Ħadd. F’dan iż-żmien tal-Għid, aħna s-saċerdoti, inwasslulkom il-barka ta’ Kristu Rxoxt permezz tat-tberik tal-familji tagħna. F’din il-barka, li tasal għandna permezz talilma mbierek, aħna rridu niftakru, fil-magħmudija

tagħna meta bdejna l-mixja tagħna wara Ġesù, meta ġejna midluka biż-żejt bħala l-ikkonsagrati tal-Mulej u ngħatajna l-grazza li nissejħu wlied Alla. Imma f’din il-barka wkoll, il-Mulej irid jurina kemm jieħu ħsiebna, kemm iħobbna, kemm jixtieq jipproteġina mill-ħażen u l-perikli ta’ madwarna. Għalhekk, ikun jagħmel ħafna sens li sakemm ikun possibli għal dan il-mument qaddis tkunu preżenti bħala familja, biex fi spirtu ta’ talb tilqgħu din il-barka ta’ Alla fuqkom. Fl-aħħarnett, ejjew bħala Parroċċa ngħixu l-ferħ tal-Għid, billi bħala l-ewwel insara nkunu komunità li filwaqt li niċċelebraw l-Ewkaristija, inħalluha tibdilna billi nkunu qaddejja ta’ xulxin. Il-Ktieb talAtti tal-Appostli jagħtina deskrizzjoni mill-isbaħ fuq kif kienu jġibu ruħhom il-komunità tal-ewwel insara: “Dawk kollha li kienu jemmnu kienu ħaġa waħda u kienu jaqsmu kollox bejniethom.” Ejjew għalhekk infittxu biex bħala parroċċa, inkunu komunità talGħid, billi ngħixu bħala aħwa, infittxu l-ġid ta’ xulxin, insostnu lil min qiegħed ibati u nkunu miftuħa għal kulħadd. Filwaqt li nselli ħafna għalikom nitlob biex il-barka ta’ Kristu Rxoxt tinżel fuqkom u fuq il-familji tagħkom. Tkunu mberkin. DUN EWKARIST ZAMMIT KAPPILLAN


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.
Sliem u Ħajja - April 2018 by St Sebastian Parish Qormi - Issuu