»
Sliem u ħajja Parroċċa San Sebastjan Ħal Qormi Novembru 2018
“X’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” Mk 10,18 Fil-ħajja nagħmlu ħafna affarijiet, imma mhux bilfors li dak kollu li nagħmlu huwa bżonnjuż. Hafna drabi niffukaw fuq ħafna aspetti, imma dak li huwa essenzjali mhux l-ewwel darba li nħalluh barra. Darba waħda Ġesù, ltaqa ma’ wieħed raġel għani li saqsieh: “X’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” Fi kliem ieħor huwa talbu: X’għandi nagħmel biex insalva ruħi? Din ma kienetx mistoqsija tas-soltu. Fl-istess ħin, turi xewqa li hemm fil-bniedem biex jilħaq l-iskop tal-eżistenza tiegħu. Aħna nafu li dan ir-raġel, filwaqt li kien mill-aħjar, filwaqt li kellu fih ħafna tjubija, quddiem l-istedina u l-isfida ta’ Ġesù, huwa beża u ddeċida li jċedi. B’hekk tilef iċ-ċans li jkun dixxiplu tal-Mulej. Kemm hu faċli li aħna wkoll jiġrilna l-istess. Kultant bħal donnu, nippreferu nibqgħu skjavi, ta’ dak li jassarna u niċċaħħadu mill-libertà li fil-ħajja tant neħtieġu, biex ngħixu. Ir-raġel għani l-kundizzjoni li għamillu Ġesù, sabha bi tqila u iddeċida li ma jagħtix kas, bil-konsegwenza li spiċċa bla futur.
Ejjew għalhekk nfittxu li nkunu għaqlin u għorrief, għax jeħtieġ li nifhmu li dak li mhux etern, mhu xejn. Ejjew nieħdu ħsieb ruħna, ħalli meta nidhru quddiem Alla, nħossuna denji li nidħlu miegħu filħajja ta’ dejjem. Imma biex jirnexxilina naslu għal dan, jeħtieġ li ngħożżu l-grazzja ta’ Alla u nħalluha tmexxina, biex b’hekk it-tajjeb jsir l-għażla tagħna u naħarbu l-ħażin, għax dan iffixkilna jistà. Il-ħażin huwa mezz kif lill-bniedem jfixxklu milli jilħaq l-iskop tal-ħajja tiegħu. Il-Mulej jiżgurana li min iħalli kollox u jimxi warajh jirbaħ jistà jista u mhux jitlef, ejjew għalhekk inħallu f’idejH u nitolbuh jgħinna biex jagħtina l-għerf tiegħu ħalli ma nieħdux żball fid-deċiżjoniet tagħna, ħalli wara li ntemmu l-mixja tagħna fuq din l-art, ningħaqdu ma’ Alla l-imbierek fis-sema, filpost li Alla ħejja għal dawk li jħobbuh. Inselli ħafna għalikom u għall-familji tagħkom. Tkunu mberkin Dun Ewkarist Zammit KAPPILLAN