Użu tal-Malti f'Malta u fi Brussell - Ittra lis-Segretarji Permanenti

Page 1

Lis-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Tony Sultana, Lis-Segretarji Permanenti, Lis-Segretarju tal-Kabinett is-Sur Ryan Spagnol

12 ta’ Mejju 2023,

Re: Użu tal-Ilsien Malti fil-Fora Ewropej

Għeżież kollegi fis-servizz pubbliku,

L-ewwel nett nixtieq nirringrazzjakom tal-ħidma tagħkom b’risq il-ġid komuni tal-Maltin u lGħawdxin.

It-tieni, xtaqt nappella għall-kollaborazzjoni tagħkom biex nippromwovu l-ilsien Malti bħala lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Nimmaġina li intom bħali tixtiequ li l-ilsien Malti tant għażiż għalina jkun rispettat u trattat b’dinjità fil-fora Ewropej fejn iċ-ċittadini Maltin għandhom dritt jisimgħu, jitħaddtu u jużaw f’kull każ l-ilsien Malti. Dan huwa dritt suppost garantit fit-Trattati li nnegozjajna meta dħalna Membri.

Hemm iżda ċerti prattiċi li traġikament qed jitfgħu lura l-użu tal-ilsien Malti fl-istituzzjonijiet Ewropej u parti mir-raġuni ġejja mill-użanzi u prattiki li qed tużaw intom u l-kollegi tagħkom fil-makkinarju taċ-ċivil Malti.

Ser nispjega aħjar. Però l-ewwel nixtieq naqsam magħkom fatt importanti li tkunu tafuh. Fissnin bejn l-2003-2009 kien hemm bosta DĠs fil-Kummissjoni Ewropea kif ukoll fil-Parlament Ewropew li rreklutaw Maltin f’pożizzjonijiet ta’ policy prinċipalment biex ikollhom lil xi ħadd internament li barra li jaħdem fuq policy jkun jista’, jekk jinqala’ l-każ, jittraduċi jew jikteb xi ittra jew komunika urġenti mal-gvern Malti bil-Malti. Minħabba din ir-raġuni fil-Kummissjoni Ewropea biss inqalgħu għexieren ta’ opportunitajiet għal Maltin li għamlu karriera u għamlu ġieħ ukoll lil pajjiżhom u lill-Ewropa.

Ġara iżda li hekk kif dawn il-Maltin jiċċaqalqu minn posthom, għax l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom policy ta’ mobilità qawwija, is-servizzi relevanti rarament qed idaħħlu Maltin flokhom u dan għax irrealizzaw li dawn qatt ma qed ikollom bżonn il-Malti. Tafu għaliex? Għax ‘All the Maltese write to us in English!’

Bħal ma tafu, il-Kummissjoni Ewropea tiktbilkom ta’ spiss fuq ksur jew suspettat ksur ta’ liġijiet Ewropej, għal informazzjoni jew sempliċementi għal komunikazzjoni regolari. Jiena nifhem li bejn żewġ uffiċjali b’mod informali tuża lingwa franka, però jidher ċar li ddipartimenti kollha tal-gvern qed jiktbu sistematikament il-komunikazzjonijiet tagħhom –anke dawk formali bħal opinjonijiet motivati jew risposti għal avviżi formali bil-lingwa Ingliża u ma huma qed jużaw il-Malti għal ebda komunika uffiċjali mal-Kummissjoni Ewropea.

Ir-riżultat ta’ dan qed ikun li fil-Kummissjoni Ewropea daret il-kelma li l-Malti mhix lingwa bżonnjuża għax il-Maltin stess ma jużawhiex. Jiddispjaċini ngħidha għax nemmen li intom ma tixtiqux hekk – però b’dan l-aġir qed tagħfsu l-buttuna ‘Auto-destruct’ tal-ilsien Malti bħala lsien uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ser intikom eżempju ieħor jekk l-eżempji li tajt sa issa dwar l-impjiegi fil-Kummissjoni stess ma kinux biżżejjed. Fil-ġimgħat li ġejjin ser jibdew jinstemgħu Kawżi tal-Qorti Ewropea li jinvolvu lil Malta. Dawn il-kawżi ta’ interess għall-poplu Malti fosthom dwar l-Insib f’Malta (Kawża C-23/23) ġew preżentati mill-Kummissjoni Ewropea bl-Ingliż, ser jinstemgħu biss blIngliż u kull dokument imressaq ser jitressaq biss bl-Ingliż. Tafu għaliex dan? Dan għax l-ittri kollha li bgħattu intom lil Brussell intbagħtu bl-Ingliż u għaldaqstant il-Kummissjoni Ewropea tista’, skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ewropea (Kapitolu 8), tevita milli tuża l-ilsien Malti.

Jiena ma naf b’ebda pajjiż ieħor Ewropew li jiddefendi kawża quddiem il-Qorti Ewropea mhux bl-ilsien nazzjonali tiegħu. Lanqas biss nista’ nimmaġina l-Pollakki, Litwani jew Franċiżi jiddefendu kawża bl-Ingliż minkejja li lkoll jitkellmuh tajjeb.

It-Trattati tawna drittijiet bħala Maltin iżda aħna (ċioè intom) qed iċċeduhom.

Permezz ta’ din l-ittra miftuħa qed nagħmlilkom appell – nitlobkom tikkunsidraw tibdlu immedjatament il-prattiki tagħkom fir-rigward tal-użu tal-Ilsien Malti vis-à-vis lkomunikazzjoni tagħkom mal-Istituzzjonijiet Ewropej. Ir-rispett u d-dinjità lejn l-Ilsien Malti bħala Ilsien Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jiddependi minn dan bħal ma jiddependu minn dan ukoll l-opportunitajiet eżistenti u fuq kollox tal-ġejjieni għal traineeships u xogħol ta’ mijiet ta’ Maltin u Għawdxin fl-istituzzjonijiet Ewropej.

Nitlobkom ġentilment tiċċirkolaw din l-ittra lill-kollegi kollha fis-servizz pubbliku

Nibqa’ disponibbli għal kwalunkwe kjarifika, sadanittant,

Għodduni tagħkom,

Peter Agius

Kandidat Elezzjoni Ewropea mal-Partit Nazzjonalista

Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.