2 minute read

Is-Sa Mary Anne Zammit

Skultura b’Differenza

Mary Anne Zammit

F’intervista ma’ Michael Cachia

L-ewwel darba li rajt ix-xogħol ta’ Michael Cachia mnaqqax fil-ġebla Maltija bqajt issumata nħares lejn il-kreattività tiegħu. L-iskultura fiha nfisha tirrikjedi ħafna xogħol u ħila, l-aktar dik tal-ġebel. L-iskultura ta’ Michael hija waħda partikulari għaliex tinvolvi l-bini ta’ monumenti storiċi, b’ħafna reqqa, dettal u preċiżjoni. Michael ġej mis-sengħa tal-bini u dan kien fattur li għenu biex jibda jiskolpi fil-ġebel. Minn dejjem kellu l-interess fl-iskultura fil-ġebel u ftit ftit beda jnaqqax fil-ġebla. Bil-mod, il-mod bdiet tinbet fih ix-xewqa li jibda jibni dawn il-monumenti storiċi u l-ewwel xogħol fl-iskultura fil-ġebel kien it-Torri l-Aħmar ta’ Santa Agatha. “Għal bidu ħassejtni li qed nieħu riskju għax ma kontx naf jekk hux se nasal jew le għaliex dan kien proġett akbar minni. Iżda meta rajt ix-xogħol lest għamilt ħafna kuraġġ li nkompli fuq aktar proġetti.” Iżda, kif jaħdem eżattament Michael biex jasal jagħmel dawn l-opri artistiċi? Michael beda biex jgħid li l-ewwel ikollu stampa tal-monument rispettiv, imbagħad jieħu l-qisien oriġinali biex jara kemm hu kbir. Wara jaqta’ biċċa ġebla u jibda ftit ftit inaqqax fiha. Sostna li l-ewwel jibda bil-pedament u jitla’ biċċa, biċċa. “Kull xogħol biex jitlesta jieħu madwar sitt mitt siegħa, bejn wieħed u ieħor madwar sitta jew seba’ xhur. Dawn kalkulati fuq madwar ħamsa sa sitt sigħat kuljum. Nistqarr li, waqt li qed naħdem, inħossni nintilef, bħal ninsa fejn il-ħin jieqaf. Dan ix-xogħol sar parti minn ħajti u dawn il-proġetti saru qishom it-tfal tiegħi.” Michael żied jgħid li ġieli stampa tkun tidher mod imma meta jiġi biex jaħdem isib mod ieħor. Kontra qalbu, ġieli jkun hemm ċerti dettalji li jkollu jħallihom għaliex ikunu kemxejn impossibli jsiru. Jidher ukoll, li dan ix-xogħol ma tantx hu komuni ħafna u ma tantx hawn min jagħmlu. Għalhekk Michael jixtieq li jkun hawn aktar għarfien, kif ukoll jiżdiedu aktar nies li jipprattikaw dan il-mistier.

Imma x’jispirah jagħmel dan? Michael jgħid li l-ispirazzjoni tiġi l-aktar waqt li jkun qed jivjaġġa. Pereżempju meta mar ir-Russja hu inspira ruħu millKattidral ta’ San Basilju li hemm filPjazza l-Ħamra. Maż-żmien hu ħadem diversi proġetti fosthom; il-Moskea l-Kaħlija fit-Turkija, it-Tempju l-Abjad fitTajlandja, il-White House fl-Amerika, kif ukoll il-Parlament ta’ Budapest u Taj Majal li nsibu fl-Indja. U x’inhu l-proġett li jmiss għal Michael?

Il-proġett li jmiss ser ikun dak talbini ta’ Kastilja u Michael jispera li jirnexxielu għax ser ikun proġett verament kbir. Hu sostna li għandu xewqa oħra kbira, dik li xi darba jagħmel esebizzjoni bix-xogħlijiet tiegħu. Madanakollu din se tkun daqsxejn iebsa, kemm biex jinġarru esibiti ta’ dan id-daqs, u anke għax jista’ jsirilhom xi ħsara. Michael temm bix-xewqa tiegħu li jkun hawn aktar għajnuna mill-Awtoritajiet, u anke mill-Periti għax hekk ikollhom pjanti lesti tal-post, hu jkun jista’ jaħdem aktar preċiż. “Naħseb li l-akbar xewqa li għandi hi li dan ix-xogħol jingħata aktar għarfien u pubbliċità. Mhux għalija imma biex jitħajru anke ż-żgħażagħ, li jagħżlu li jaħdmu f’din is-sengħa. Ma nixtieqx li mmut jien u kollox jieqaf hawn. Ħolma oħra tiegħi hi wkoll li forsi xi darba jkun hawn mużew b’dawn it-tip ta’ esibiti.”

Naqblu għaliex dan hu xogħol tassew sabiħ u ħasra li ma jitkomplix.

This article is from: