2 minute read

Is-Sa Mary Anne Zammit

L-Istorja wara l-Kwadru

Niltaqgħu mal-Artista Maria Briffa

minn Mary Anne Zammit

Artista u Kittieba

Bla dubbju ta’ xejn kull kwadru artistiku għandu storja warajh, partikularment dawk li jinkludu l-uċuh, il-figuri, u l-persuni. Din kienet l-aktar tema predominanti fl-esebizzjoni tal-Arti mtella’ mill-artista Maria Briffa. Il-wirja bit-tema ‘Art and Soul’ itellgħet ġewwa s-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar bejn l-10 ta’ April u 28 ta’ April 2019.

Sabiex insiru nafu fuq din l-esebizzjoni u dwar dan ix-xogħol artistiku, ltqajt mal-artista nnifisha Maria Briffa. Maria bdiet il-karriera tagħha meta kellha madwar 50 sena, hi stqarret li kienet għaddejja minn perjodu fejn riedet tagħmel xi ħaġa b’ ħajjitha. F’ dak il-perjodu hi segwiet kors ta’ erba’ snin u kisbet Diploma fl-Arti u fl-Istorja talArti, ġewwa l-iskola tal-Arti, l-Belt Valletta.

Minn hemm Maria, kompliet mixja l-quddiem u ħadet sehem f’ diversi esebizzjonijiet organizzati mill-Art Club 2000, Malta. Apparti dan, Maria għamlet xogħol volontarju li kien jinkludi Murals ġewwa l-isptar Mater Dei, fis-sala tat-tfal. Għal Maria, l-Arti hija vjaġġ li tagħtiha ħafna sodisfazzjon, kif ukoll tgħinha taħrab mill-problemi u mir-realtà ta’ kuljum. Maria sostniet li hi tpinġi l-aktar għaliha nnifisha u mhux biex togħġob lil ħaddieħor. Madanakollu, xorta jkun ta’ pjaċir għaliha jekk l-Arti tagħha tintgħoġob ukoll min nies.

L-aktar medium li tħobb taħdem bih Maria huwa ż-żejt applikat fuq it-tila, dan jgħinha ħafna meta tkun qed tpinġi l-kwadri tan-nies għaliex jagħtiha aktar possibilità li taħdem fuq l-individwu u l-fattizzi li jkollu jew ikollha. Għal Maria, il-kwadri fihom ħafna sfidi u hi tfittex li taqbad il-personalità, il-kwalitajiet u l-ispiritwalità talpersuna. Hawnhekk, Maria rreferiet għallkwadru partikulari li mhuwiex ta’ persuna reali imma frott talimaġinazzjoni tagħha. Il-kwadru bit-titlu, ‘Undisclosed’, juri tfajla bil-maskra li kulħadd jintrepetah b’mod differenti. F’ dan il-kwadru hemm ħafna ħsibijiet interni, min-naħa jirrifletti dak li kienet qiegħda taħseb l-artista. Min-naħa l-oħra fi kwadru ieħor bl-isem ‘Internal Flight,’ niltaqgħu ma’ tfajla li għażlet li tagħti wiċċha. Maria sostniet li, “It-tfajla kellha bżonn tagħti wiċċha u tidħol fiha nnifisha mingħajr ma tħalli xejn, sabiex hi tesplora dak li hemm ġewwa fiha. Il-kwadri jqanqlu emozzjonijiet profondi għax huma parti minn ruħi. Għalkemm tista’ taħbihom min-nies l-Arti jirnexxilha toħroġhom xorta waħda.”

Maria tgħid li hi pjuttost persuna mimlija emozzjonijiet u tħobb timxi ma’ dak li tkun qiegħda tħoss fil-mument. Għall-futur, Maria qiegħda tippjana esebizzjoni tal-pittura bi stil astratt u dan dejjem skond fejn joħodha l-vjaġġ artistiku. Barra mill-kwadri Maria għanda interess fil-figura anatomika u tixtieq li jkollha aktar ċans tistudja l-anatomija fil-profond. Kien hemm artisti kbar bħal Vincent Van Gogh u Frida Kahlo li influwenzaw bil-wisq mhux ftit lil Maria . Maria tgħid li tħoss afiljazzjoni magħhom, minħabba l-fatt li bħalhom hi ġieli tkun muġugħa u xorta jirnexxilha tpinġi. Finalment, Maria tgħid li hi tixtieq tkun ta’ inspirazzjoni għan-nisa ta’ età medja, “Qatt mhu tard u tista’ tibda meta trid, għaliex jiena qatt ma bsart li se nkun parti mill-Arti u fl-Arti nħossni nintilef.”

This article is from: