3 minute read

Qegħdin verament ingawdu lit-tfal tagħna?

Suzanne Garcia Imbernon Manager fi ħdan l - Uffiċċju tal - Kummissarju tat - Tfal

Il-ħajja tal-lum hija mgħaġġla ħafna. Ikollna ħafna appuntamenti, impenji tax-xogħol, ix-xogħol tad-dar, irridu nlaħħqu wkoll mal-programm tat-tfal; min ikollu xi privat, min jagħmel xi sport jew idoqq xi strument u ħafna affarijiet oħra. Il-ġurnata tgħaddi malajr u l-ġranet isiru ġimgħat u mingħajr ma nindunaw nibdew xahar ġdid.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal jagħmel diversi focus groups mat-tfal ta’ etajiet differenti u ħafna drabi t-tfal jgħidulna li jixtiequ li jkollhom iktar ħin mal-ġenituri tagħhom, jixtiequ jkollhom iktar ċans jilgħabu flimkien.

Il-ħin li verament ikollna mat-tfal qiegħed dejjem jonqos. Huwa vera li ħafna mill-affarijiet li nagħmlu huma għat-tfal stess imma fil-verità kemm qegħdin inqattgħu ħin ta’ kwalità mat-tfal? U l-ħin li nqattgħu magħhom qed inkunu verament preżenti?

Verament lit-tfal jilagħbu ħafna logħob diġitali imma xejn ma jwaqqafna milli nilagħbu dan it-tip ta’ logħob magħhom. Dan jista’ jservi ta’ ħafna ġid u nkunu qegħdin nolqtu ħafna affarijiet. Meta nużaw l-istess spazji tat-tfal, inkunu qed nifhmu iktar id-dinja tagħhom, jgħinna noħolqu iktar djalogu u kommunikazzjoni magħhom u jagħtina l-opportunità li ngħarfuhom dwar il-perikli li jistgħu jiffaċċjaw onlajn. M’għandniex nibżgħu mit-teknoloġija imma fl-istess ħin nistgħu nitgħallmu mit-tfal stess.

Ovvjament mhux dejjem ikollna ċ-ċans li nilgħabu mat-tfal però nistgħu noħolqu sitwazzjonijiet oħra, għaliex bħal ma jaf kulħadd il-komunikazzjoni mat-tfal hija kruċjali.

It-tfal ġieli jgħidulna li jippruvaw jgħinu fix-xogħol tad-dar sabiex jagħtu sehemhom u fl-istess ħin il-ġenituri jkollhom inqas x’jagħmlu li mbagħad isarraf f’iktar ħin għal magħhom.

Imma ġieli l-ġenituri ma jħalluhomx jagħmlu dawn il-faċendi għax forsi t-tfal ma jagħmlux l-affarijiet kif nagħmluhom aħna l-adulti jew għax ikollhom sistemi differenti. Għandna nippruvaw ninkoraġixxu t-tfal biex jgħinuna, għandna naħdmu flimkien sabiex jitgħallmu iktar u biex ikollna iktar ħin magħhom ukoll.

Iktar ma jikbru t-tfal hemm iktar probabilità li jonqos il-ħin magħhom, imma irridu nagħmlu sforz kbir għaliex l-adoloxxenza hija żmien diffiċli kemm għat-tfal kif ukoll għal min qed jieħu ħsiebhom. Irridu nuruhom li qegħdin hemm għalihom biex ngħinuhom jiffaċċjaw l-isfidi u jserrħu moħħhom li jekk ikollhom diffikultà jew problema jkunu jistgħu jiġu għandna għall-għajnuna u s-sapport. Bħala ġenituri mhux dejjem ikollna s-soluzzjonijiet imma nistgħu niggwidawhom għal servizzi fejn isibu l-għajnuna.

Mhux dejjem huwa faċli li nsibu ħin mat-tfal imma tajjeb li nżommu f’moħħna li t-tfal jikbru malajr u għandna npoġġuhom bħala l-prijorità tagħna. It-tfal huma tfal illum u għandna nagħtuhom l-imħabba, l-attenzjoni u s-sapport kollu għaliex għandhom id-dritt li jkunu maħbuba u li jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom. Għandna ukoll nassiguaraw li jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet fi ħdan il-familja. It-tfal għandhom dritt li jiġu mismugħa.

It-tfal mhux dejjem ikunu jafu x’inhu fl-aħjar interess tagħhom għaliex m’għandhomx dik l-esperjenza tal-ħajja u għalhekk mhux dejjem jindunaw b’ċerti diffikultajiet jew perikli imma xorta għandna nisimgħuhom u nitkellmu magħhom!

Dak li niżirgħu llum mat-tfal tagħna, ikun jiswa ħafna għall-futur tagħhom!

Tony Micallef Practice Nurse & Donor Liaison Servizz Nazzjonali tat - Trasfużjoni tad - Demm

Jien mara tal-familja, għandi 55 sena, naħdem fil-qasam edukattiv u dan l-aħħar bdejt nagħti d-demm b’mod regolari.

Bdejt nagħti d-demm meta ommi, meta kellha 75 sena, bi żball ġenwin kienet ħadet doża ta’ mediċina aktar milli kien suppost. Dan irriżulta li fi ftit siegħat ommi spiċċat fl-ITU tissielet mal-mewt. Dan minħabba li kienet tilfet ammont kbir ta’ demm fi żmien qasir.

Naturalment, b’konsegwenza t’hekk spiċċat tirċievi ammonti kontinwi ta’ trasfużjonijiet ta’ prodotti tad-demm, prinċipalment boroż bil-konċentrat taċ-ċelloli ħomor, kif ukoll boroż tal-pjastrini f’attentat urġenti biex ma tibqax titlef demm b’mod massiv.

Kienu żminijiet ta’ qtugħ il-qalb li tulhom ommi għamlet erbat ijiem f’koma sakemm fl-aħħar bdiet ġejja lura f’sensiha b’tama qawwija ta’ rkupru u fejqan. Dan grazzi għall-kura tajba ferm li għandna fl-isptarijiet tagħna, iżda wkoll grazzi għad-donaturi tad-demm li b’tant ġenerożità kienu taw id-demm minn jiem qabel u li, grazzi għalihom ommi sabitu lest fuq l-ixkafef tal-Bank tad-Demm.

Għaddew il-ġimgħat u grazzi ’l Alla, ommi ħarġet mill-isptar qawwija u sħiħa. Kien propju dak iż-żmien li verament irrealizzajt kemm hu bżonjuż id-demm u kemm hu importanti li l-Bank tad-Demm ikollu riserva adekwata ta’ prodotti tad-demm għal dak kollu li jista’ jinqala’, irrelevanti minn kemm wieħed ikollu età, jew x’tip ta’ mard għandu.

Issa li għaddew is-snin, u li minħabba l-età ommi m’għadiex magħna, jien xorta għadni grata għad-donaturi tad-demm, għax bis-saħħa tagħhom jien u l-familja kollha tiegħi gawdejniha ftit iktar snin mhux ħażin.

Il-pożittiv ta’ din il-ġrajja hu li bis-saħħa ta’ dan l-episodju, illum il-gurnata kemm jien, kif ukoll ir-raġel u t-tifel tiegħi nkunu qed nistennew bil-ħerqa jerġa’ jasal iż-żmien li jippermettilna nagħmlu dan il-gest nobbli li tant jgħin morda u jsalva ħajjiet.

Il-kelma tal-aħħar hi biex min qed jaqra din l-esperjenza jagħmel kuraġġ u jmur jagħti d-demm, għax id-demm ma jiġix mill-ajru. Illum naf inkun jien li niġi bżonnu u għada tista’ tkun int li tiġi bżonnu, bla mistenni!

Kuntatt ġenerali għal min jixtieq jagħti d-demm:

Iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm jinsab fi Pjazza San Luqa, (quddiem l-Isptar San Luqa) u jkun miftuħ kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd inkluż Festi Pubbliċi mit-8:00am sas-6:00pm.

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku: http://www.blood.gov.mt jew il-paġna Facebook; National Blood Transfusion Service - Malta, www.facebook.com/bloodmalta

Jekk tkun tinħtieġ aktar assistenza, tista’ ċċempel fuq 79307307 jew freephone

80074313. Grazzi bil-quddiem tal-inizjattiva tiegħek.

This article is from: