
1 minute read
Il-miraklu ta’ Napli
George Zammit
Gwida u lajk reliġjuż
Kull vjaġġatur lejn il-belt ta’ Napli jinnota kultant li din hija belt traskurata, ittrattata ħażin, sottovalutata, abbandunata minħabba xi tallaba f’xi kantuniera jew periklu organizzat, speċjalment minn xi pickpocket madwar iċ-ċentru storiku.
Però Napli hija belt mimlija sorpriżi, li tissorprendik kull darba li tmur għax għandha potenzjal kbir li toffri lista kompluta ta’ ħafna affarijiet mill-aktar famużi.
Kull filgħodu l-belt tqum bir-ritmu tal-Pulcinella li hija maskra tal-karnival Naplitan, simbolu tan-Naplitani, karattru li jiġġieled l-isfortuna u l-burdata ħażina tal-ħajja. Dan waqt li mat-tlugħ ix-xemx jispikkaw is-swieq madwar sqaqien dojoq fejn jinstema l-ħoss tal-mandolini, żfin u kant ma’ xi kanzunetta popolari Naplitana bħal “Luna Caprese”, jew “Torna a Sorrento”.
Belt kbira metropolitana, turistika, sabiħa, imfittxija matul is-sena kollha minn miljuni ta’ turisti minħabba l-viċinanza tal-baħar u l-gżejjer popolari ta’ Capri u Ischia. Il-problemi ta’ din il-belt bħal donnhom jisparixxu, għax jispikka simbolu ta’ ferħ, umiltà, sempliċità u mħabba bejn iċ-ċittadini magħrufa bħala “qraba” għax jgħixu f’ambjent familjari l-ħin kollu.
Napli tħalli l-marka u l-identità tagħha b’rabta mar-ristoranti fejn twieldet il-pizza, swieq ikkuluriti, il-famużi kannoli għad-dilettanti tal-ħelu, il-kċina bi platti tal-frott tal-baħar. Wieħed ma jistax iħalli barra l-Vulkan Vesuvju, il-kanżunetta u t-teatru Naplitan, it-tradizzjoni antika tal-presepji u l-idolu leġġenda Maradona.
Fuq nota reliġjuża, Napli għandha wirt nisrani sod u kattoliku qawwi. Fil-fatt matul is-snin kienet mlaqqma “Il-belt tal-ħames mitt koppla” għaliex hija waħda mill-ibliet bl-aktar knejjes ta’ qima fid-dinja. Storikament Napli teħodna lura lejn is-sekli sbatax u tmintax fejn inbnew numru kbir ta’ knejjes fuq l-istil tal-Barokk Naplitan mimlijin dekorazzjonijiet tal-irħam, affreski, pitturi, skulturi u xogħlijiet oħra tal-arti. Matul dak iż-żmien l-aqwa artisti kienu msejħa biex jaħdmu f’dan il-qasam u bla dubju ta’ xejn ħallew il-marka tagħhom f’dawn il-postijiet ta’ qima.

F’Napli jiġu meqjuma qaddisin bħal San Gejtanu, Santa Kjara, San Ġużepp, San Paskwal u oħrajn, però San Ġennaro (Ciro) ġie magħżul patrun tal-belt wara li salva dan il-port maestuż fil-Meditterran mill-pesti u l-eruzzjonijiet tal-vulkan Vesuvju, flimkien ma’ miraklu misterjuż tal-likwidazzjoni tad-demm tiegħu.
Tliet darbiet fis-sena, f’dati uffiċjali u solenni, San Ġennaro jġedded ir-rabta tiegħu ma’ Napli meta demmu jiġi espost quddiem eluf ta’ ċittadini u fidili fil-kappella tat-Teżor fil-katidral maestuż dedikat lil Santa Maria Assunta.
Hawnhekk iċ-ċittadini devoti jittamaw li dan id-demm ta’ San Ġennaro jinħall nhar is-Sibt ta’ qabel l-ewwel Ħadd ta’ Mejju, fid-19 ta’ Settembru u fis-16 ta’ Diċembru kull sena.
F’dawn id-dati l-atmosfera tkun waħda mistennija biex jaraw din il-meravilja tal-likwidazzjoni tad-demm ta’ San Ġennaro sseħħ. F’Napli bejn il-poplu u l-qaddisin, speċjalment San Ġennaro, hemm fidi qawwija u mimlija mħabba.
