
1 minute read
Il-Vjolenza Domestika
Vince Tonna Social Worker
Xtaqt li llum nikteb l-artiklu tiegħi dwar is-suġġett tal-vjolenza domestika għax din il-problema hija serja ħafna u jidher li għadna ma sibniex tarfha!

Fil-lokalità fejn ngħix jien, Marsaskala, kien hemm is-sena l-oħra 70 każ ta’ vjolenza domestika! Fil-lokalitajiet kollha ta’ pajjiżna kien hemm 1,741 każ!
Ma nistax ma nikkwotax x’qal ex-Uffiċjal fil-Korp tal-Pulizija: ‘Ir-reati kontra n-nisa għandhom ikunu kkastigati b’mod eħrex bħal ma huma kkunsidrati r-reati kontra l-anzjani u t-tfal. Ħafna drabi din il-vjolenza jaf tiġi mill-fatt li l-irġiel iħossuhom aktar b’saħħithom u dominanti min-nisa.’
Kien sar studju fl-Ingilterra fejn vittma ta’ vjolenza domestika tasal biex tagħmel rapport lil Pulizija wara 30 inċident ta’ abbuż domestiku! Il-Home Secretary ta’ dak iż-żmien, Theresa May stqarret li se tħarrax il-pieni tal-vjolenza domestika (kemm fiżika u kemm emozzjonali) sa 14-il sena ħabs għall-aggressuri!
Nistaqsi x’inhu l-pjan tal-awtoritajiet tagħna biex jelimina jew jikkontrolla dan l-abbuż serju li qed ifarrak lil bosta f’pajjiżna?
Għandna bżonn, kemm jista’ jkun malajr, li l-Liġi dwar il-Vjolenza Domestika tinkorpora fiha Sentencing Policy biex ikollna konsistenza fis-sentenzi mogħtija.
Hemm bżonn ukoll li f’kull għassa tal-Pulizija jkollhom post privat fejn il-vittma tista’ tgħid dak li għaddiet minnu b’mod konfidenzjali.
Inkompli nsemmi wkoll xi statistika oħra dwar dan is-suġġett: a) F’pajjiżna jitwettqu tliet każijiet ta’ vjolenza domestika kuljum! b) Tliet persuni u aktar kuljum jitolbu
Pulizija:
2122 4001 jew 112
Aġenzija
Appoġġ:
2295 9000
Support Line: 179 l-għajnuna tal-Victim Support Agency Dan huwa sinjal tajjeb ħafna għaliex aktar nies qed isibu l-kuraġġ u jfittxu l-għajnuna. c) Anke t-Taqsima tal-Pulizija kontra l-Vjolenza Domestika qed tinvestiga medja ta’ 140 rapport fix-xahar. d) Kuljum fid-dinja jinqatlu 137 mara għax huma nisa!
Aħna fid-dover li nieħdu azzjoni llum qabel għada biex dan ir-reat ta’ vjolenza domestika jispiċċa! Inħoss li għandna nibdew billi ngħallmu lill-pubbliku, speċjalment il-klijenti tagħna li nkunu qegħdin insegwu, dwar x’għandhom bżonn ikunu jafu dwar il-vjolenza domestika. Nibdew billi ninfurmawhom dwar il-forom ta’ vjolenza domestika li huma:
Abbuż Fiżiku, Abbuż Psikoloġiku, Abbuż Sesswali, Abbuż Ekonomiku, Abbuż Spiritwali kif ukoll Fastidju/ (Stalking).
Inżommu wkoll f’moħħna li t-tfal tal-vittma jbatu wkoll mill-effetti tal-vjolenza domestika mingħajr ma jkunu vittmi b’mod dirett. Studjużi jgħidu li l-impatt fuq it-tfal tal-vittmi huma, b’mod speċjali, l-ansjetà u li jsibuha diffiċli biex jikkonċentraw anke fl-iskola.
Hemm uħud li jbatu wkoll minn problemi relatati biex jieklu. Jistgħu wkoll isiru aggressivi huma wkoll, aggressivi anke ma’ tfal oħra!