3 minute read

Messaġġ mid‑Direttur

Marija Addolorata

Bla dubju ta’ xejn, waħda mill‑festi l‑aktar għeżież għall‑poplu ta’ dawn il‑gżejjer, hija l‑Festa ta’ Marija Addolorata jew kif inhi l‑aktar magħrufa, il‑Festa tad‑Duluri Mqaddsa. Il‑festa liturġika tad‑Duluri hija l‑15 ta’ Settembru, imma huma ftit li jafu dan. Il‑poplu tagħna jiċċelebra din il‑festa l‑Ġimgħa ta’ qabel il‑Ġimgħa l‑Kbira. Kważi kull parroċċa torganizza purċissjoni bl‑istatwa tad‑Duluri u ħafna huma d‑devoti li jimxu warajha jitolbu t‑Talba tar‑Rużarju. Hija drawwa sabiħa li dakinhar ħafna jersqu għas‑sagrament tal‑qrar, jieħdu sehem fiċ‑ċelebrazzjoni tal‑quddiesa u wkoll isumu jew jagħmlu xi sagrifiċċji. Sa ftit snin ilu, kien hawn id‑drawwa li jintalbu seba’ bukkuni ħobż mingħand il‑ġirien jew il‑ħbieb u jikluhom b’sinjal ta’ penitenza.

Għaliex Marija Addolorata tiġbed daqshekk nies warajha? Żgur li waħda mir‑raġunijiet li Marija Addolorata għandha l‑ammirazzjoni ta’ ħafna, hija għaliex minkejja t‑tiġrib u l‑uġigħ ta’ qalb li kienet qiegħda ssofri, ma għotritx, iżda baqgħet wieqfa sal‑aħħar taħt is‑salib ta’ binha (Ġw 19:25), tixrob flimkien miegħu l‑kalċi tal‑imrar. Aħna lil Marija nsejħulha ‘Sultana tal‑Martri’ għaliex minkejja li ma sofritx il‑martirju, it‑tbatija li ġarrbet tmur wisq ’il hemm mit‑tbatija li ġarrbu l‑martri. Bħalma kull omm twelled lil uliedha fit‑tbatija, hekk ukoll Marija laqgħatna b’uliedha waqt li kienet qiegħda tbati taħt is‑salib ta’ binha. “Hawn hu ibnek,” qal Gesu lil ommu; filwaqt li lil Ġwanni qallu: “Hawn hi ommok.” (Ġw 19: 26) Marija mhux biss tifhimna, iżda trid takkumpanjana fil‑mixja tagħna lejn Dar Missierna tas‑Sema. Kellu raġun San Bernard jgħid lil Marija: “Qatt ma nstema’ li xi ħadd ġie għandek jitolbok l‑għajnuna u int ma smajtux.” Marija, mis‑sema, ma tieqaf

qatt tinterċedi għalina u taqlgħalna l‑grazzji li neħtieġu biex aħna lkoll naslu fejn waslet hi qabilna. Wieħed mill‑għorrief tal‑Knisja Biżantina li kien jgħix fis‑Seklu 6, Ruman il‑Melodi, kiteb innu sabiħ li fih djalogu bejn Ġesù u Marija waqt li kienet taħt is‑salib tiegħu. Dan l‑għaref jgħid li Marija ma setgħetx tifhem din it‑traġedja li kienet għaddejja minnha, meta ftit jiem biss qabel, il‑poplu ta merħba kbira lil Ġesù huwa u dieħel Ġerusalemm. Marija tiftaħ qalbha ma’ binha filwaqt li tgħidlu: “Ibni, qatt ma bsart li ser narak f’daqshekk miżerja! Qatt ma ħlomt li nies bla qalb ser jerfgħu jdejhom fuqek! Fit‑toroq għad hemm il‑friegħi tal‑palm u ż‑żebbuġ, u issa tinsab bla sura! Jiena rrid inkun naf għaliex; għaliex dak li hu ibni u Iben Alla ġie msallab fuq salib.” U Ġesù biex ifarraġha jgħidilha: “Għalfejn qiegħda tibki? Ma tafx li kelli nbati u mmut biex stajt nifdi lil Adam? Ma tafx li kien hemm bżonn li jiena ninżel fil‑qabar biex intella’ lil dawk li kienu fl‑oqbra? Kuraġġ, għażiża ommi, neħħi dan id‑dwejjaq tiegħek. Il‑marda tal‑mewt li laħqet lil Adam u lil Eva teħtieġ tabib mis‑sema biex ifejjaqha. Għalhekk, tibkix aktar, minflok għajjat u għid: “Uri ħniena m’Adam. Kun kollok tjieba m’Eva.” Ġesù jkompli jgħidilha: “Jekk bħal kull bniedem, x’ħin tilmaħ is‑sinjali tal‑mewt, tħoss qalbek tingħafas bid‑dulur u bil‑biża’, għajjatli b’leħen għoli: “Ħu ħsiebi, inti li int ibni u Iben Alla tiegħi.”

Marija Addolorata tgħallimna kif għandna nġibu rwieħna fil‑mumenti tad‑dlam li jistgħu jiġu fuqna ħabta u sabta billi ngħixuhom b’tama Nisranija.

DONAZZJONIJIET B’RIS Q IL‑MISSJONI

sms fuq 50617374 –  2.33 | sms fuq 50618820 –  6.99

B’SMS ta’  €6.99 tkun qed B’SMS ta’ 6.99 tkun qed tixtri l‑kotba għal tifel jew tifla tixtri l‑kotba għal tifel jew għal sena skolastika. tifla għal sena skolastika.

B’SMS ta’ €2.33  tkun qed titma’ B’SMS ta’ 2.33 tkun qed 7 t’itfal għal ġurnata. titma’ 7t itfal għal ġurnata.

Jien. Int. Aħna. Flimkien.

(VO/1178)

Int tista’ tagħti daqqa t’id. Missio għandu bżonn il‑voluntiera. Jekk int interessat, ċempel 21236962

This article is from: