
5 minute read
Dehriet tal‑Madonna
Il‑Ħidma Evanġelika ta’ Marija Santissima Bħala Missjunarja
It‑Tieni Parti
Id‑Dehriet tal‑Madonna huma mod ieħor sabiħ kif Marija tgħaqqadna ma’ Binha Ġesù. Waqt li kienet fuq l‑art, il‑ministeru tagħha kien iddedikat kompletament biex jirrifletti l‑Imħabba, l‑Ferħ u l‑Paċi li jiġu meta nsegwu lil Binha, u dak il‑ministeru ma waqafx meta hi ġiet Imtellgħa fis‑Sema, iżda tkompla matul iż‑żminijiet kollha. Ħafna qaddisin tkellmu dwar l‑ħila tal‑Omm Imbierka tagħna li tiggwidana lejn Ġesù, u d‑dehriet tagħha huma wieħed mill‑modi intimi li bihom Marija tgħinna nsibu lill‑Mulej, u niltaqgħu magħhom it‑tnejn fis‑Sema. Irridu nħarsu lejn id‑Dehriet u r‑Rivelazzjonijiet Marjani approvati mill‑Knisja bħala sejħiet diretti mill‑Madonna biex nidħlu aktar fil‑fond fil‑Fidi, u nużaw il‑pariri tagħha biex insaħħu r‑relazzjoni tagħna mhux biss ma’ Binha, imma wkoll ma’ ħutna l‑bnedmin kollha.
Id‑Dehra tal‑Madonna f’La Salette
B’differenza mill‑ħafna dehriet oħra Marjani, id‑dehra tal‑Madonna f’La Salette, fi Franza, seħħet darba biss. La Salette kien raħal żgħir mhux magħruf f’nofs il‑muntanji kbar tal‑Alpi Franċizi. Is‑Sibt waranofsinhar tad‑19 ta’ Settembru 1846, żewġt itfal fqar, Maximin Giraud ta’ ħdax‑il sena u Mélanie Calvat ta’ erbatax‑il sena, kienu fuq l‑għoljiet tal‑Muntanja Sous‑Les Baisses jirgħu l‑baqar. Waqt li kienu hemm, qrib xmara żgħira qalb il‑ġebel kbir, raw globu tan‑nar, bħallikieku, fi kliem it‑tfal: “Ix‑xemx kienet waqgħet hemm”. Id‑dawl iddawwar u kiber fid‑daqs, u meta fetaħ, żvela ġo fih mara bilqiegħda, rasha f’idejha, minkbejha fuq irkopptejha, imnikkta u tibki. Qamet bil‑mod. “Is‑Sinjura sabiħa,” kif sejħulha t‑tfal kienet twila. Kienet liebsa bħan‑nisa tar‑reġjun b’libsa twila bajda, fardal isfar kważi twil daqs il‑libsa, xalla taqsam minn fuq sidirha u marbuta minn wara, u kappa bħal dawk li

jintlibsu min‑nisa bdiewa. Fuq spallejha kienet tidher katina tqila u ma’ katina iżgħar tad‑deheb kien hemm imdendel kurċifiss tad‑deheb, b’martell u msiemer fuq naħa, u tnalja fuq in‑naħa l‑oħra tas‑salib. Fuq rasha kellha kuruna tal‑ward u s‑sandli tagħha kien imdawwar kollu bil‑ward. Bid‑dmugħ nieżel, kellmithom bid‑djalett Franċiż tagħhom.

Il‑Messaġġ ta’ Marija
“Ersqu uliedi, tibżgħux. Jiena qiegħda hawn biex ngħidilkom xi ħaġa tal-akbar importanza.” It‑tfal resqu lejha u hi qaltilhom: “Jekk il-poplu tiegħi ma jobdix, inkun imġiegħla nħalli jaqa’ driegħ Ibni. Tant huwa tqil li ma nistax nibqa’ inżommu. Għal kemm żmien se nibqa’ nbati għalik, ja poplu? Jekk Ibni ma jabbandunakx, jiena obbligata li nitlob għalik mingħajr ma nieqaf, imma inti ma tagħtix kas. Minkejja kemm titlob fil-ġejjieni qatt mhu se tkun kapaċi tpatti għall-uġigħ li ġarrabt jien minħabba fik. Sitt ijiem tajtek biex taħdem, is-seba’ żammejtu għalija. U ħadd ma jagħtihuli. Dan huwa dak li jagħmel id- driegħ t’Ibni daqshekk tqil. Is-sewwieqa tal-karrettuni ma jistgħux ma jaħilfux mingħajr ma jsemmgħu isem Ibni. Dawn huma ż-żewġ affarijiet li jagħmlu d-driegħ t’Ibni daqshekk tqil. Jekk il-ħsad jitħassar huwa tort tiegħek! Wissejtek is-sena l-oħra bil-patata. Inti ma tajtx kas. Għall-kuntrarju, meta sibt l-patata mħassra inti ħlift, semmejt isem Ibni għalxejn. Se tkompli titħassar u sal-Milied ma jkun fadal xejn. Jekk għandek il-qamħ, mhux tajjeb li jinżera’, għax kulma tħawwel l-insetti jikluh, dak kollu li jitla’ jaqa’ trab. Se jiġi ġuħ kbir, iżda qabel ma jiġi l-ġuħ, it-tfal taħt is-seba’ snin se jinqabdu bit-tregħid u jmutu f’idejn il-ġenituri tagħhom. L-adulti se jħallsu għal dnubiethom bil-ġuħ. L-għeneb jitmermer u l-ġewż isir ħażin, iżda jekk in-nies jikkonvertu, il-blat isir munzell ta’ qamħ u l-patata tinżera’ minnha nnifisha fl-art.” Imbagħad is‑Sinjura indirizzat liż‑żewġt itfal separatament u fdat lil kull wieħed sigriet. Staqsiethom ukoll jitolbux. Meta qalulha li bilkemm jitolbu hi qaltilhom: “Ah, uliedi, huwa importanti li titolbu filgħodu u filgħaxija. Meta ma jkollkomx ħin, għall-inqas għidu Missierna u Ave Marija. U meta tistgħu, għidu aktar.” Imbagħad kompliet: “M’hemm ħadd li jmur il-quddies ħlief ftit nisa ta’ età. Il-bqija kollha jaħdmu kull nhar ta’ Ħadd matul is-sajf kollu; imbagħad fix-xitwa meta ma jkunux jafu x’għandhom jagħmlu, imorru l-quddies biss biex jidħku bir-reliġjon. Matul ir-Randan imorru fis-suq tal-laħam bħall-klieb. Uliedi, morru għidu dan kollu lin-nies kollha.” Imbagħad hija għebet minn quddiemhom f’dawl qawwi. It‑tfal marru jirrakkontaw din id‑dehra lil bosta nies kif ukoll lill‑kappillan u immedjatament ġie mgħarraf l‑isqof tal‑post. Sadanittant, seħħew bosta fejqan b’mod mirakuluż bl‑interċessjoni tal‑Madonna ta’ La Salette. Wara ħames snin ta’ investigazzjoni intensa, l‑Isqof ta’ Grenobe, Philbert de Bruillard, proprju fil‑21 ta’ Settembru 1851 ħabbar li d‑dehra x’aktarx hija awtentika u
awtorizza d‑devozzjoni pubblika lejn il‑Madonna ta’ La Salette. Din id‑deċiżjoni kienet ikkonfermata wkoll mis‑suċċessur tiegħu l‑Isqof Ginoulhiac. Fil‑21 ta’ Awwissu 1879, Papa Ljun XIII ta l‑permess biex issir il‑Koronazzjoni Kanonika tal‑Istatwa tal‑Madonna ta’ La Salette, li issa tinsab fil‑Bażilika tal‑Madonna ta’ La Salette. Jinsabu bosta santwarji ddedikati lill‑Madonna ta’ La Salette barra minn Franza, fosthom f’Oliveira de Azemeis, fil‑Portugall u f’Attleboro u f’Enfield, it‑tnejn fl‑Amerika. Id‑devozzjoni ta’ din id‑dehra xterdet f’diversi pajjiżi oħra fid‑dinja. Papa San Ġwanni Pawlu stqarr: “Kif ktibt fl-okkażjoni tal-150 Anniversarju tad-dehra, il-messaġġ tal-Madonna fid-dehra tagħha f’La Salette huwa messaġġ ta’ tama, għax it-tama tagħna hija bl-interċessjoini tagħha bħala li hija Omm l-umanità.”
Websajt Missio

• Informazzjoni dwar il‑missjoni u l‑missjunarji • Proġetti li twettqu u qed jitwettqu • Animazzjoni missjunarja • Attivitajiet • Rivisti tal‑passat • MissioTfal ‑ stejjer, attivitajiet, kompetizzjonijiet, rivisti tal‑passat

Jien. Int. Aħna. Flimkien.
(VO/1178)
www.missio.org.mt
Biex infiq għandi bżonn id‑demm. Int tista’ tgħinni?
Grazzi mill‑qalb!
Il‑ħanut qed ikun miftuħ mit‑Tnejn sal‑Ġimgħa bejn id‑9.00am u l‑5.00pm. Is‑Sibt bejn id‑9.00am u s‑1.00pm.
Tista’ wkoll tixtri onlajn mill‑ħanut Faith Hope & Charity billi żżur https://zaype.com/FHCshop
Sibna wkoll fuq Facebook: Faith Hope & Charity

Qed nagħmlu ‘Home Deliveries’

7, Triq il‑Merkanti, il‑Belt Valletta Tel: 21234328
Rivista missjunarja b’40 paġna, kollha bil‑kulur, maħruġa minn Missio (Uffiċċju Missjunarju) għal aktar minn 80 sena
Aġġorna ruħek fuq id‑Dinja Missjunarja. Abbona fir‑Rivista Malta Missjunarja fejn issib:
Aħbarijiet mid‑dinja missjunarja | Intenzjoni tax‑xahar Esperjenzi missjunarji Maltin u Għawdxin | Ċajt u kompetizzjonijiet
Dan kollu għall‑prezz ta’ €10.00 fis‑sena
