
2 minute read
Messaġġ mid‑Direttur
L‑Għaref Kliemu Meqjus
L‑ilsien, imqabbel mal‑kumplament ta’ ġisimna, huwa tassew żgħir, imma l‑qawwa tiegħu tgħaddi lil ġisimna kollu. San Ġakbu, fl‑ittra tiegħu jgħidilna li: “Bastimenti, għad li jkunu kbar u jimxu mal‑irjieħ qawwija, naqra ta’ tmun idawwarhom fejn irid it‑tmunier. Hekk ukoll l‑ilsien: biċċa ċkejkna fil‑ġisem, imma jista’ jiftaħar li jagħmel ħwejjeġ kbar.” (3:4‑5)
Għalhekk jeħtieġ li flimkien mas‑salmista nitgħallmu kuljum nitolbu lil Alla: “Iqiegħed ilġiem fuq fommi, agħmilli l‑għassa ma’ bieb xufftejja.” (Salm 141:3) L‑ilsien m’għandux għadam fih, iżda minkejja dan, kapaċi jaqsam il‑qalb tal‑oħrajn. Il‑kelma li toħroġ mill‑fomm tista’ malajr tiftaħ ġerħa fil‑qalb tal‑ieħor li mhux lakemm tfiq. L‑ilsien tant hu setgħan li fih hemm: ‘il‑mewt u l‑ħajja’. (Prov. 18:21) Dan jitfa’ fuqna ħafna u ħafna responsabbiltà biex nitgħallmu nikkontrollawh tajjeb, speċjalment meta nisbħu burdata ħażina. Għaliex il‑burdata tista’ tibdilha f’ħin jew ieħor, iżda l‑kliem li tkun għedt diffiċli ħafna biex tibdlu. Ġesù stess iwissina biex noqogħdu attenti ħafna kif nużaw ilsienna għaliex: “F’jum il‑ħaqq għad irridu nagħtu kont ta’ kull kelma fiergħa li nkunu għedna, għax minn

kliemek tkun iġġustifikat u minn kliemek tkun ikkundannat.” (Mt. 12:36) L‑ilsien jikxef min tassew int għaliex kliemek juri l‑karattru tassew tiegħek għax: “Min għandu tassew l‑għerf, kliemu meqjus, min għandu l‑għaqal moħħu kalm. Lill‑iblah, ukoll jekk jiskot, jaħsbuh għaref u b’għaqli jgħodduh, jekk iżomm fommu sieket,” (Prov. 17:27‑8) u jkompli: “Il‑ħażin jinqabad mill‑qerq ta’ kliemu, imma l‑ġust jeħles mill‑għawġ.” (12:13)
Kemm inkwiet nistgħu nevitaw fil‑familji tagħna jekk ikollna kontroll fuq ilsienna! Ħafna drabi l‑inkwiet jibda b’daqsxejn ta’ kelma li ntqalet b’nuqqas ta’ ħsieb, imma fl‑istess waqt kienet kapaċi tixgħel ġigġifogu sħiħ u jkollha konsegwenzi kbar. San Ġakbu jgħallimna li: “Ftit nar jista’ jqabbadlek foresta sħiħa, u l‑ilsien huwa nar, huwa dinja ta’ ħażen fost il‑membri ta’ ġisimna.” (3:6) San Pietru jiftħilna għajnejna u jgħidilna li: “Min irid iħobb ’il ħajtu u jara jiem hienja, ħa jħares ilsienu mill‑ħażen u xufftejh mill‑qerq.” (1Pt. 3:10) Ġieli ssib min jgħid: “Għax jien hekk magħmul, kelma ma nafx inżommha. Jien ta’ żaqqi f’fommi.” Naħseb li ħadd minna li jkollu xi difett ma jifraħ, iżda nagħmlu minn kollox biex nippruvaw neliminawh. Bniedem li ma jafx irażżan lilu nnifsu huwa: “Bħal belt miftuħa u bla ħitan,” (Prov. 25:28) u fl‑istess waqt ikun qiegħed jidħak bih innifsu. San Ġakbu jgħidilna li: “Jekk xi ħadd jidhirlu li hu tajjeb, u lsienu ma jrażżnux u jqarraq b’qalbu, fiergħa hija t‑tjieba tiegħu.” (1:26) “Jekk ilsienek hu itwal minnek, itlob kuljum lill‑Ispirtu t’Alla jgħinek ħalli timmansah.” (Ġak. 3:8) Żgur li talba bħal din tkun mismugħa u milqugħa minn Alla l‑Missier tagħna.
DONAZZJONIJIET B’RIS Q IL‑MISSJONI
sms fuq 50617374 – 2.33 | sms fuq 50618820 – 6.99
B’SMS ta’ €6.99 tkun qed B’SMS ta’ 6.99 tkun qed tixtri l‑kotba għal tifel jew tifla tixtri l‑kotba għal tifel jew għal sena skolastika. tifla għal sena skolastika.
B’SMS ta’ €2.33 tkun qed titma’ B’SMS ta’ 2.33 tkun qed 7 t’itfal għal ġurnata. titma’ 7t itfal għal ġurnata.
Jien. Int. Aħna. Flimkien.
(VO/1178)

Int tista’ tagħti daqqa t’id. Missio għandu bżonn il‑voluntiera. Jekk int interessat, ċempel 21236962
