2 minute read

Unjoni Missjunarja

Intenzjoni Missjunarja: Lulju 2021

Intenzjoni Universali – Ħbiberija Soċjali.

“Nitolbu sabiex f’sitwazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi ta’ kunflitt inkunu kuraġġużi u bennejja mħeġġa ta’ djalogu u ħbiberija.”

“No man is an island.” Il‑bniedem ma jgħixx waħdu, imma għandu l‑bżonn ta’ ħaddieħor. Għalhekk, il‑bniedem bħala kreatura soċjali jidħol f’relazzjonijiet mal‑oħrajn. Dawn ir‑relazzjonijiet mal‑bnedmin l‑oħra għandhom iservu għall‑ġid tal‑bniedem innifsu u għall‑bnedmin kollha. Iżda mhux kulħadd jagħraf l‑importanza ta’ dawn il‑ħbiberiji soċjali, anzi xi kultant bnedmin iħarsu lejn xulxin bħala għedewwa, u għalhekk jippruvaw iwarrbu lil xulxin. Din żgur mhix ix‑xewqa t’Alla għall‑bniedem. Alla jrid li l‑bnedmin kollha jgħixu fis‑sliem u fil‑paċi. Din il‑paċi għandha tkun fil‑familja, fil‑komunità u fid‑dinja. Fuq kollox, bħala Nsara ngħixu din il‑paċi fil‑quddiesa. Fil‑quddiesa ngħixu l‑paċi li hija fuq kollox il‑paċi ta’ Kristu u qiegħda tinżel fil‑ġemgħa liturġika miġbura u magħquda diġà flimkien. L‑ewwel Insara bħala sinjal ta’ paċi kienu jagħtu l‑bewsa tal‑paċi lil xulxin kif juri San Ġustinu martri fis‑sena 150 A.D. fl‑‘Ewwel Apoloġija’, ir‑Ragħaj ta’ Hermas u fit‑‘Tradizzjoni Appostolika’ fis‑sena 235 A.D.

Irridu niftakru l‑ewwel nett li l‑bewsa għandha sinifikat importanti fil‑kultura Biblika. Hija espressjoni ta’ fedeltà, ta’ ħbiberija, ta’ rispett u tal‑komunikazzjoni tal‑verità bejn żewġ persuni. Dan huwa kkonfermat mill‑Eżortazzjoni Post Sinodali ‘Sacramentum Caritatis’ ta’ Papa Benedittu XVI fin‑numru 49 fejn jgħid: “By its nature the Eucharist is the sacrament of peace which is exemplified

in the sign of peace.” Hekk jgħidilna San Pawl f’Efesin 2:14: “Kristu hu s‑sliem tagħna, hu li minna t‑tnejn għamel poplu wieħed billi ġarraf il‑ħajt li kien jifridna; il‑mibegħda ta’ bejnietna u ħassar bis‑sagrifiċċju ta’ ġismu.” Fl‑2014, il‑Konferenza tal‑Isqfijiet kollha fl‑Ittra Ċirkulari ‘On the ritual expression of the Gift of Peace at Mass’, isostnu li l‑paċi li nagħtu lil xulxin fil‑quddiesa hija l‑paċi ta’ Kristu li ġab bil‑qawmien tiegħu. Għalhekk hija l‑paċi tal‑Ispirtu li nefaħ Kristu fuq l‑appostli, hija l‑bewsa paskwali ta’ Kristu kif naraw f’Ġwanni 20:21‑22: “Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is‑sliem għalikom! Kif il‑Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l‑Ispirtu s‑Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom

ikunu maħfura u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.” Dan l‑episodju tal‑Pentekoste ġovanneja li nsibu f’San Ġwann ifakkarulna s‑saċerdot proprju qabel ir‑rit tal‑paċi nnifsu: “Mulej Ġesu’ Kristu, li għedt lill‑appostli tiegħek, inħallilkom is‑sliem, nagħtikom is‑sliem tiegħi.” U għalhekk, proprju qabel ma nirċievu lil Ġesù s‑Sultan tal‑Paċi f’qalbna, nircievu l‑paċi tal‑Ħaruf t’Alla sabiex ngħadduha lil xulxin kif jgħidilna s‑saċerdot f’isem Ġesù: “Agħtu l‑paċi lil xulxin.”

Ejjew mela nkomplu nitolbu sabiex inkunu bennejja mħeġġa għal din il‑paċi li jixtieq minna Alla. U fuq kollox inkomplu nitolbu, nieħdu ħsieb saħħitna u nitolbu lil Ġesù, Marija u Ġużeppi jeħilsuna minn din il‑pandemija. 

BAŻAR

This article is from: