23
11.02.2018
kullhadd.com
Mid-Djarju ta’
Nazju n-Nazzjonalist Il-Ħamis, 1 ta’ Frar Le, le ma tinżillix, man! Jgħidu x’jgħidu tal-Unjoni Ewropea, ma tinżillix li l-biċċa l-kbira tal-Maltin u l-Għawdxin, huma min huma, qegħdin jemmnu li l-aħjar żmien għal pajjiżna għadu ġej. Għax jekk hu hekk, allura dan ifisser li ħadd mhu jagħti kas dak li qegħdin jgħidu l-Kapo Adrian Delia, David Casa, Roberta Metsola, Francis Zammit Dimech, Ana Gomes u għadd ta’ Membri Parlamentari Ewropej. X’jaħsbuna dawn tal-Unjoni Ewropea li aħna qabda mzazen u nibilgħu kollox, x’kull waħda! Insomma llum stess ingħataw tweġiba għax illejla kellna lill-kenniesa jagħmlu protesta spontanja fuq il-berġa ta’ Kastilja. Il-kenniesa lil tal-Unjoni Ewropea urewhom li mhux kulħadd jemmen li l-aħjar żmien għal pajjiżna għadu ġej. Anke jien bħalhom naħsibha, u mil-lum ’il quddiem il-kenniesa se jsibuni spalla ma’ spalla magħhom, f ’dak kollu li jagħmlu. Basta dak li jagħmlu jkun kontra l-Gvern. Mhux għax għandi xi dubju li xi darba se jagħmlu xi ħaġa favur il-Gvern! Il-Ġimgħa, 2 ta’ Frar Sewwa għamlulha lil Claudette Buttigieg keċċewha mill-istamperija. Ma jistax ikun li dan il-partit glorjuż tagħna jibqa’ sejjer hekk, kulħadd ipaċpaċ fil-vojt, saħansitra anke kontra l-kap. Xi dritt kellha din tindaħal jekk il-kap jibdilx ixshadow kabinett jew le. Dik affari tiegħu biss, u ta’ ħadd iżjed. Ħalliha li skont Ġorġ tal-ħanut ta’ ħdejna, ix-shodow ministers imisshom offrew irriżenja tagħhom hekk kif Adrian Delia ngħata l-ġurament bħala Kap tal-Oppożizzjoni, u jien naħseb li għandu raġun. Imma la ma rriżenjawx, x’seta’ jagħmel Adrian Delia? Fuq kollox, kif qal Adrian Delia nnifsu ftit tal-jiem ilu, ix-shadow cabinet qiegħed jagħmel xogħol tajjeb, allura xi ħtieġa hemm li jbiddel? Għandhom raġun Clyde Puli u Pierre Portelli qalulha titlaq ’il barra midDar Ċentrali u li m’għadx hemm bżonn is-servizzi tagħha. Għalhekk għażilhom Adrian Delia biex fejn ikun hemm bżonn jinqatgħu l-irjus, ma jidhirx hu, imma jidhru huma. U mħallsin tajjeb għalhekk, man! Is-Sibt, 3 ta’ Frar Qed nerġa’ naħsibha nibqax immur l-istamperija kull nhar ta’ Sibt, għax kultant aktar noħroġ inkwetat milli nkun. Illum kienet waħda minn dawk il-ġranet. Bdejt nara deputati ħerġin u deħlin u meta staqsejt x’kien qiegħed jiġri, it-tweġiba kienet: Inkwiet għandna. Komplejt ninkwieta aktar meta qaluli li l-inkwiet kien dwar tibdil fix-shadow cabinet, għax jien kont qed naħseb li dik kienet storja magħluqa ladarba l-Kapo Adrian Delia ftit tal-
ġimgħat biss ilu qalilna li ma kien hemm bżonn tal-ebda tibdil ladarba x-shadow cabinet kien qiegħed jagħmel xogħol tajjeb. Bilfors li bdejt nistaqsi jekk ġarax xi ħaġa f ’dawn l-aħħar ġimgħat biex inbidel kollox. Ma ngħatajt l-ebda tweġiba. Li qaluli kien li jien kont se noħroġ sodisfatt għax Simon ma kienx se jitħalla barra. U hekk kien, man! Għamlu shadow minister b’portafoll ġdid, dak ta’ governanza tajba. B’hekk Simon se jkun jista’ jkompli jaqlgħalhom fuq il-korruzzjoni, fuq tal-Panama, u fuq governanza tajba. Għalkemm, skont Ġorġ tal-ħanut ta’ ħdejna, Simon imissu qal lil Delia biex ma jagħtih xejn. Il-Ħadd, 4 ta’ Frar Lanqas ilħaqt qomt dalgħodu li ma rħejtilhiex għas-Siġġiewi. Ovvjament ma mortx biex nara l-propjetà ġdida li se jixtri l-kapo tal-partit glorjuż tagħna, minkejja d-dejn li għandu ma’ tat-taxxa u ma nafx ma’ min iżjed. Mort biex nisimgħu jagħmel id-diskors tiegħu ta’ kull nhar ta’ Ħadd. Ili nagħmel hekk is-snin, għax qatt ma tlift diskors wieħed minn ta’ Simon. Barra minn hekk, illum kont qed naħseb li se nerġa’ nara lil Simon wara li lbieraħ ħatru bħala kelliem għallGovernanza Tajba. U kont naħseb ukoll li kien se jkun hemm preżenti l-grupp parlamentari kollu wara r-reshuffle tal-bieraħ. Imma mort imqarraq għax mhux biss Simon ma deherx, imma kien hemm deputati oħrajn li ma tfaċċawx. Imma nsomma, tal-inqas ġie Chris Said u tgħidx x’diskors għamel, man! Assigurana li Nazzjonalist kien, Nazzjonalist għadu, u Nazzjonalist se jibqa’. Kien hemm min anke qabżitlu demgħa, għalkemm jien, ngħid id-dritt, il-ħarsa ta’ wiċċu bl-ebda mod ma kkonvinċietni. Forsi ma jdumx ma jgħaddilu ladarba Adrian Dellia ħallieh kelliem għal Għawdex. It-Tnejn, 5 ta’ Frar Ejja! Fl-aħħar sab union li ma ċeditlux, il-Gvern. Dawk tal-AirMalta ċedewlu kollha, tal-infermiera ċedewlu wkoll, insomma kważi kulħadd ċedielu. Mhux l-istess għamlet l-union tat-tobba illum. Ma ċeditlux u minn għada se tibda bl-istrajkijiet. Sinċerament ma nafx għalfejn, imma l-importanti li ma ċedietx lill-Gvern. U jien, min ma jċedix lill-Gvern ta’ Joseph Muscat u jipprova jfixklu kemm jiflaħ, nagħtih l-appoġġ kollu tiegħu. Aktar u aktar illum meta ta’ kull nhar ta’ Ħadd qiegħed nisma’ lill-kapo l-ġdid ta’ dan il-partit glorjuż tagħna, Adrian Delia, jgħid li aħna n-Nazzjonalisti lesti niġġieldu lil dan il-Gvern fit-toroq, fil-pjazez, fil-każini. Insomma inkunu fejn inkunu. U jien fiduċjuż, anzi konvint li meta Adrian Delia jsejħilna biex ninżlu f ’xi triq jew f ’xi pjazza lil tal-MAM se nsibuhom magħna. Ma nippretendix li jagħmlu bħali u kull nhar ta’ ħadd
iwieġbu għas-sejħa ta’ Adrian Delia biex imorru jisimgħuh, għax inkella jkun hemm min jgħid li qegħdin jagħmlu dak li qegħdin jagħmlu, għax Nazzjonalisti. It-Tlieta, 6 ta’ Frar Ġurnata tajba, man, illum! Il-Qorti tatna raġun u issa jsaffru jagħmlulna Sindku Laburista f ’San Pawl il-Baħar. Imma mhux biss għalhekk kuntent. Kuntent għax qiegħed jidher dejjem aktar ċar li l-Kapo Adrian Delia huwa ġellied mill-aqwa, tant li qalilna ċar u tond li ta’ kuljum u b’kull mezz se jibqa’ jiġġieled għall-verità. U mhux fuq ġlied, tkellem, man! Tkellem ukoll fuq rebħiet, fosthom ir-rebħa li għamilna dwar il-ħatra ta’ Sindku f ’San Pawl il-Baħar. Anke Clyde Puli sejjaħ din ir-rebħa u qal li dan huwa pass ieħor minn sensiela ta’ rebħiet żgħar li qiegħed jagħmel il-partit glorjuż tagħna. Konna ilna żmien twil ma nisimgħu kliem dwar rebħiet, għax ovvjament biex titkellem dwar rebħiet, l-ewwel trid tiksibhom, u ilna ma niksbu rebħa ma nafx kemm. Jien konvint li la għandna kap li ma jridx jaf u se jkompli jiġġieled lill-Gvern ikun fejn ikun, dan il-partit glorjuż tagħna mhux rebħiet żgħar biss se jibda jagħmel, imma eventwalment se nibdew niksbu rebħiet kbar ukoll. Iġri tasal l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, anke jekk Puli qal li mhux importanti li nirbħu dik, għax li jrid hu li nirbħu l-elezzjoni ġenerali. U għandu raġun għax biex nerġgħu naraw Kastilja, l-elezzjoni ġenerali rridu nirbħu. L-Erbgħa, 7 ta’ Frar Lanqas ilħaqt stenbaħt li ma ċempiltx l-istamperija biex nawgura lil Eddie l-isbaħ xewqat f ’għeluq sninu. U kont anzjuż nistenna l-aħbarijiet għax kont ċert li l-birthday ta’ Eddie l-kbir kien se jiddomina. Mhux hekk kien imma, għax l-aħbarijiet kienu ddominati mill-Kapo Adrian Delia. U bir-raġun! Għax vera kellu ġurnata impenjattiva. Kif xieraq, żar lil Eddie u ddeskrivieh bħala ġgant tal-politika. Kellu laqgħa mal-Kunsill tal-Konsli Onorarji u mar iżur ħwienet u stabbilimenti fis-Swieqi. Skont ma qalu fl-aħbarijiet Adrian Delia żar dawn il-ħwienet u stabbilimenti biex jisma’ t-tħassib u l-weġgħat tan-nies, imma milli qaluli ma tantx sema’ tħassib u weġgħat. Anzi aktar sema’ l-kuntrarju. U biex tgħaxxaqha, l-Unjoni Ewropea ppubblikat ċifri li juru li f ’Diċembru li għadda, Malta kellha l-akbar żieda fil-bejgħ fost il-pajjiżi Ewropej kollha, meta mqabbel ma’ Diċembru tas-sena ta’ qabel. Ma naħsibx li iżjed bejgħ, iżjed xiri u iżjed flus bil-but jistgħu jissejħu tħassib jew weġgħat. Niddubita jekk dawn iċ-ċifri ħarġux illum minħabba ż-żjara ta’ Adrian Delia fis-Swieqi. Jien dejjem ngħid li flUnjoni Ewropea hemm xi wħud li Joseph Muscat iġibulhom sħun!