www.kullhadd.com Il-Ħadd, 26 ta’ Lulju, 2020
Ħarġa Nru 1,411
Ara paġni 14 u 15 Prezz €1
Ritratt: JOE CAMENZULI
MICALLEF DEPUTAT MEXXEJ Daniel Micallef ilbieraħ kien ikkonfermat bħala d-Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Partit b’vot b’saħħtu ħafna wara li 98% tal-voti qablu li għandu jokkupa l-pożizzjoni li ġiet vakata wara r-riżenja ta’ Chris Cardona f’Ġunju li għadda. F’sinjal tad-differenza kbira li teżisti llum il-ġurnata bejn iż-żewġ partiti prinċipali, l-għaqda massiċċa wara l-ħatra ta’ Micallef tindika wkoll ir-rispett u l-fiduċja li l-Perit żagħżugħ igawdi fost l-għeruq tal-Partit, minkejja l-età. Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, Micallef qal li se jara li bl-għaqda u l-ħidma kollettiva l-Partit Laburista jkompli jikber, waqt li jkun strumentali biex il-futur ta’ pajjiżna jibqa’ jissaħħaħ. Tkompli f’paġna 4
LEJN IT-TMIEM TAL-ESTABLISHMENT? AKTARX LI L-KAP NAZZJONALISTA SAB IL-FORMULA KIF JEĦLES DARBA GĦAL DEJJEM MILL-AVVERSARJI TIEGĦU FI ĦDAN IL-PARTIT, GĦALKEMM JISTGĦU JIĠUH MA’ WIĊĊU AKTAR B’SAĦĦITHOM FIL-PARLAMENT Ikun xi jkun il-vot fil-Kunsill Nazzjonalista fi tmiem ilġimgħa d-dieħla u tkun xi tkun id-domanda li għaliha jridu jwieġbu t-tesserati Nazzjonalisti lejn l-aħħar t’Awwissu, jidher li l-aktar wieħed sodisfatt mill-iżviluppi ta’ din il-ġimgħa u partikolarment wara l-eżekuttiv il-Ħamis li għadda hu l-Kap attwali nnifsu, Adrian Delia. Fi kliem esponent veteran fil-Partit Nazzjonalista, il-kompromess li rnexxielu jilħaq Delia din il-ġimgħa kien “iċ-ċirasa fuq il-kejk biex nitnaddfu”, b’referenza għall-grupp ta’ deputati, magħrufin bħala l-fazzjoni ta’ Busuttil jew il-fazzjoni tal-establishment, li akkost ta’ kollox iridu jeħilsu mill-Kap u qed juru l-fiduċja
tagħhom fid-Deputata Therese Comodini Cachia minflok. Wara sigħat twal oħra ta’ argumenti jaħarqu l-Ħamis billejl l-eżekuttiv Nazzjonalista kkonkluda li għandu jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali nhar il-Ġimgħa li ġej, 31 ta’ Lulju, u l-għada ssir votazzjoni bejn il-Kunsillieri jekk iridux li fil-Konvenzjoni Ġenerali, li għandha tiġi deċiża data għaliha, it-tesserati jivvotaw biex jikkonfermaw lillKap attwali jew inkella jmorru għal elezzjoni oħra. Nies qrib il-Kap jemmnu li kull vot imsejjaħ għandu jagħti appoġġ komdu lil Delia. Kif indika hu stess fl-aħħar jiem, it-tielet vot favurih fi
żmien daqstant snin se jsaħħaħ idejn Delia biex definittivament jimbotta ’l barra u ’l bogħod mill-Partit lil deputati bħal Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami, Mario Demarco, Chris Said u Karol Aquilina, fost oħrajn. Dawn tal-aħħar, li jagħmlu parti minn 19-il membru fil-Grupp Parlamentari, inklużi ż-żewġ Membri Parlamentari Ewropej Roberta Metsola u David Casa, li sfiduċjawh fl-ewwel lok ix-xahar li għadda, saħansitra pprovaw bla suċċess li jtajruh mill-pożizzjoni Kostituzzjonali ta’ Kap tal-Oppożizzjoni. Tkompli f’paġna 5