32
11.03.2018
kullhadd.com
KOLLOX GĦAL-LIBERTÀ
Xena mill-film Enemy of the Reich li jittrattra l-istorja ta’ Noor Inayat Khan
MARY ISTORJA CHETCUTI MILL-
L-avventura ta’ Noor-un-nisa Inayat Khan bdiet b’appuntament mal-awtur u aġent sigriet Brittaniku Selwyn Jepson ġewwa kamra ta’ lukanda qadima fi Trafalgar Square, Londra. Noor, xebba ta’ 28 sena kienet ħarbet minn Franza flimkien ma’ ħutha, missierha mużiċista nobbli Indjan u omm Amerikana malli n-Nażisti okkupaw Pariġi fl1940. Madankollu, ma kellhiex sabar ma tagħmel xejn waqt li t-tirann Adolf Hitler kien qed jitterrorizza l-Ewropa. Il-Kaptan Selwyn Jespson, li kien inkarigat mill-SOE (Special Operations Executive – F Section jew French Section), mill-ewwel ħa impressjoni tajba ta’ Noor; tfajla sabiħa, taf Pariġi fuq ponot subgħajha u titkellem Franċiż perfett. B’ mod immedjat ingaġġaha għal impjieg ‘speċjali’. Fi Frar tal-1943 Noor Inayat Khan bdiet taħriġ intensiv sabiex tikkwalifika bħala aġent fis-servizz sigriet Brittaniku. Għal kull min jistaqsiha hi kellha tgħid li kienet qed titħarreġ għal infermiera; saħansitra kellha tilbes l-uni-
formi t’apprentista infermiera. Iżda meta ġiet għal taħriġ aktar fiżiku Noor falliet bil-kbir. L-għalliema tagħha ikkummentaw dwarha fin-negattiv bħal meta ngħatat pistola biex tużaha u hi twerwret minnha. Noor kienet ta’ fidi Musulmana Sufi bi prinċipji paċifisti u kontra kull vjolenza, għaldaqstant l-użu ta’ arma tal-qtil kien imur kontra dak kollu li temmen fih hi. Dil-imġiba ħadmet kontriha fil-kamp tat-taħriġ ta’ Beaulieu fejn l-eżitazzjonijiet f ’mumenti ta’ azzjoni ġew interpretati bħala diffikultà fil-karattru jew saħansitra diżubbidjenza. Maurice Buckmaster, il-kap tal-F Section kien ta’ opinjoni oħra; għalih Noor kellha biżżejjed talent u ħeġġa biex taqdi filwaqt li l-SOE kellu ħtieġa kbira għal operaturi tal-wireless jitkellmu Franċiż fluwenti. Noor saret l-ewwel operatur mara tal-SOE. Ingħatat dokumenti foloz biex tivvjaġġa taħt l-isem ta’ Jeanne Marie Renier, governanti minn Blois qed tivvjaġġa lejn Pariġi għax-xogħol. L-SOE tawha l-isem kodifikat
ta’ Aġent Madeleine. Ingħatat ukoll pistola u pillola L (letali) biex tiddefendi ruħha u jekk tinqabad mill-Gestapo tibla’ l-pillola minflok iċċedi taħt it-tortura. Noor ġarret il-pillola fi ħwejjiġha filwaqt li ħalliet il-pistola warajha. Fis-satra tal-lejl ta’ bejn is-16 u s-17 ta’ Ġunju 1943 ajruplan militari telaq mill-istazzjoni tal-RAF f ’Tangmere għal destinazzjoni sigrieta ’l barra minn Angers fil-Punent ta’ Franza. L-aġent tal-SOE Henri Dericourt kien il-persuna ma’ min kellhom jagħmlu l-ewwel kuntatt; ħadd ma seta’ jissuspetta li Dericourt kien qed jaħdem għall-Ġermaniżi wkoll u tradihom mal-Gestapo. Noor kienet aktar iffortunata minn sħabha għax irnexxielha tiżgiċċa u waslet fid-dar tal-aġent Franċiż Emile Garry ġewwa Pariġi. Hemmhekk bdiet taħdem taħt id-direzzjoni ta’ Francis Suttill, aġent sigriet Brittaniku u uffiċjal għoli fir-Reżistenza Franċiża li kien qed jikkordina PROSPER, ix-xibka sigrieta ta’ trażmissjonijiet bil-wireless radio dwar il-movimenti tal-għadu fi Franza. It-23 ta’ Ġunju 1943 kien jum katastrofiku għal PROSPER.Dakinhar il-Gestapo għamlu tfittxijiet għal għarrieda fil-moħbiet tagħhom u ġie ssekwestrat l-apparat u ġew arrestati kważi l-aġenti kollha
foshom Suttill. Noor u Emile Garry ħesluha ħafif u baqgħu jistaħbew minn moħba għal oħra bl-uniku sett ta’ wireless radio li rnexxielhom jieħdu magħhom. Meta l-SOE ordnatilha biex tirritorna lejn l-Ingilterra, Noor webbset rasha li tibqa’ Franza u tkompli tibgħat l-informazzjoni hi. Għall-kapijiet tagħha din kienet ġennata iżda ammiraw il-qlubija ta’ din it-tfajla fl-isforz biex tkompli l-ġlieda kontra t-tirannija. Noor kienet qed tgħix mumenti ta’ periklu kbir. Kellha tbiddel id-dehra tagħha kontinwament biex ma tingħarafx u meta l-ebda moħba ma baqgħet sigura, kellha tistaħba għand ħbieb antiki tal-familja. Fl-istess waqt il-Gestapo kienu jafu li kien hemm xi ħadd li baqa’ jittrażmetti imma ma setgħux jaqbdu minn fejn. L-arrest ta’ Noor Inayat Khan seħħ f ’Settembru 1943 bis-saħħa ta’ Renée Garry (oħt l-aġent Emile Garry) li għeret għaliha u ttraditha għall-flus mal-Gestapo. Sal-arrest, Noor irnexxielha żżomm kuntatt bir-radju ma’ Londra għal tliet xhur sħaħ; żmien meqjus fenomenali minħabba l-periklu li kienu jaffaċċjaw dawn l-aġenti. Noor ġiet interrogata u ttorturata bla ma lissnet kelma fil-Kwartieri Ġenerali tal-Gestapo ġewwa Pariġi. Ippruvat
taħrab miċ-ċella iżda nqabdet u ġiet iddeportata bħala Nacht-und-Nebel-Erlass (litteralment tfisser Lejl u Ċpar, ordni maħruġa minn Hitler innifsu kontra min jirreżisti l-poter tiegħu) għall-ħabs ta’ Pforzheim ġol-Ġermanja. Noor inżammet iżolata u kkatenata minn idejha u saqajha ġewwa ċella taħt l-art f ’dal-bini medjevali. Kienet tiġi interrogata u msawta regolarment filwaqt li kienet tingħata ilma u ikel b’kemm tgħaddi ħa tibqa ħajja. Tmien xhur wara, Noor u tliet aġenti oħrajn ittieħdu fil-kamp tal-konċentrament ta’ Dachau. Immedjatament mal-wasla, l-aġenti priġunieri sħabha ġew iffuċillati. Lil Noor għalquha f ’ċella waħedha u wara lejl sħiħ ta’ swat u daqqiet bla ħniena hi baqgħet ma lissnitx informazzjoni waħda milli riedu l-Gestapo. Fit-13 ta’ Settembru 1944 Noor inħarġet fil-bitħa ta’ Dachau għall-eżekuzzjoni. Dil-mara żagħżugħa ta’ 30 sena b’ġisimha mbiċċer affaċċjat lill-qattiela Nażisti tagħha bl-akbar kuraġġ u mietet bil-karba ta’ ‘Libertà!’ fuq fommha. Għas-servizz li tat lill-alleati u għall-qlubija kbira li wriet, Noor Inayat Khan ġiet onorata bil-Croix de Guerre minn Franza u bil-George Cross mill-Gran Brittanja.