My first document

Page 1


15 ta’ Settembru 2024

Kulleġġ San Injazju Skola Medja Profs. Edward de Bono Tal-Ħandaq, Ħal Qormi QRM 4001 2598 7700

sic.handaq.ms@ilearn.edu.mt

Tal-Ħandaq Middle School

Linji gwida u informazzjoni għall-Ġenituri/Kustodji

marbuta mal-

ftuħ tas-Sena

Skolastika 2024-2025

Bħalissa l-iskola tinsab fil-proċess li tilqa’ lill-istudenti għal sena skolastika ġdida. Għalhekk qed ngħaddulkom din iċ-ċirkulari dettaljata bl-informazzjoni kollha li għandkom bżonn. Laqgħa qabel tibda l-iskola mhux se ssir, iżda niltaqgħu b’mod formali għal-laqgħa dwar il-Kurrikulu u t-Tagħlim f’Ottubru hekk kif uliedkom ikunu sabu posthom l-iskola. Huwa importanti li taqraw sew din iċ-ċirkulari u timxu sew ma’ dak li hu miktub. F’każ ta’ xi diffikultà, tajjeb li tikkuntatjawna u aħna nkunu dejjem hemm biex ngħinukom.

L-iskola se tilqa’ l-istudenti KOLLHA tas-Seba’ Sena u t-Tmien Sena nhar l-Erbgħa 25 ta’ Settembru 2024. Din se tkun l-ewwel ġurnata tal-iskola. L-iskola tibda fit-08:30 u t-tmiem tal-ġurnata tal-iskola jkun fit-14:51. Il-puntwalità hija importanti ħafna.

 Filgħodu… qabel ma l-istudenti jitilqu mid-dar għall-iskola

• It-tfal m’għandhomx jintbagħtu l-iskola jekk iħossuhom ma jifilħux peress li l-iskola ma tfejjaqx mard. Għalhekk dejjem ħudu parir mediku mingħand tabib u mhux tiddeċiedu intom. Biex nipprevedu t-tixrid ta’ mard flimkien ma’ skariġġ ieħor, tajjeb li filgħodu intom il-ġenituri/kustodji tiċċekkjaw lil uliedkom ikunux b’saħħithom biżżejjed għal ġurnata skola. Tajjeb ukoll li tassiguraw li wliedkom ikollhom fuqhom prodotti għad-diżinfettar bħal wipes, tissues u gel żgħir għad-diżinfettar talidejn.

 It-Trasport

• L-istudenti li huma reġistrati BISS se jkunu qed jitħallew jagħmlu użu mis-servizz tat-trasport. L-istudenti huma mistennija jżommu l-istess rotta u ma jkunx possibli li jirkbu vetturi ta’ rotot differenti. Min għadu ma rreġistrax għat-trasport, irid jagħmel dan mill-aktar fis fuq in-numru 25981888.

• L-istudenti kollha huwa mistennija li jġibu ruħhom sew fuq it-trasport. Infakkrukom li t-trasport huwa servizz u mhux dritt. Dan is-servizz jista’ jittieħed jekk ma jiġix rispettat jew użat tajjeb.

• Ħadd ma jista’ joqgħod bilwieqfa jew iqum minn postu tul il-vjaġġ.

• Ħadd ma jista’ jkellem jew itellef lix-xufier waqt il-vjaġġ.

• L-istudenti jridu jżommu l-etika fuq it-trasport u għalhekk għajjat, daħk u kliem mhux f’postu qatt mhu permess matul il-vjaġġ. Jittieħdu passi dixxiplinarji kontra dawk li jagħmlu dawn l-atti.

• Fl-ewwel ġranet l-istudenti huma mistennija li jkunu fuq l-istage għal xi s-7am. Hekk kif ir-rotot ikun stabbiliti, l-istudenti jistgħu joħorġu fuq l-istage skont il-ħin tal-vjaġġ tar-rotta. Kulħadd huwa mħeġġeġ li jkun jistenna kwarta qabel tasal il-coach/vann biex kulħadd jirkeb bil-kwiet u fl-ordni.

• L-ebda persuna oħra ħlief l-istudenti nfsuhom mhi awtorizzata li tuża t-trasport tal-iskola.

• Infakkrukom li l-istudenti jingħataw superviżjoni sakemm joħorġu mill-iskola. Hija responsabiltà tal-istudenti li jieħdu ħsieb tagħhom infushom u ta’ sħabhom matul il-vjaġġ qasir sakemm jaslu d-dar. Il-ġenituri/kustodji huma responsabbli mittfal kemm qabel, kif ukoll wara, li jintemm il-vjaġġ

• It-Taqsima tat-Trasport tal-Iskejjel hija responsabbli mit-trasport tal-istudenti u hija hi li tassigura li x-xufiera jimxu marregoli.

• Dawk l-istudenti li se jittwasslu l-iskola mill-ġenituri/kustodji għandhom jippreżentaw nota/email li fiha jkun hemm isem u kunjom l-istudent/a biex b’hekk ikun jista’ jinħarġilhom pass apposta. Dan il-pass jinħareġ biss skont in-nota li tkun intbagħtet.

• Dawk l-istudenti li jużaw mezzi oħra ta’ trasport inkluż minibuses organizzati privatament jeħtieġ ukoll jippreżentaw nota simili ffirmata mill-ġenituri/kustodji Dawn in-noti għandhom jiġu ppreżentati fl-ewwel ġurnata tal-iskola biex l-istudenti jkun jista’ jinħarġilhom il-pass mill-ewwel.

• Tajjeb tkunu tafu li t-trasport organizzat b’mod privat ma jaqax taħt is-superviżjoni tal-iskola u kull problema li tinqala’ għandha tiġi indirizzata lil sid il-kumpanija u/jew ix-xufier konċernat.

• L-iskola tagħti prijorità lit-trasport organizzat mid-dipartiment. Is-superviżjoni tat-trasport fl-iskola hija taħt irresponsabiltà tal-Assistent Kap is-Sur M. Calleja. F’każ ta’ diffikultà tajjeb li ċċemplu l-iskola u tistaqsu għall-assistenza ta’ dan l-Assistent Kap.

 Dħul u Ħruġ fl-Iskola

• Mal-wasla tagħhom l-iskola, l-istudenti se jiġu milqugħa minn grupp ta’ edukaturi li huma inkarigati mis-superviżjoni tattrasport. L-edukaturi jidderieġu lill-istudenti mit-tieni Foyer tal-iskola biex jidħlu l-iskola b’mod ordnat.

• Dawk l-istudenti li se jkunu akkumpanjati mill-ġenituri u mhux se jużaw it-trasport tal-iskola huma mitluba jieqfu fejn jindikalhom l-Uffiċjal tas-Sigurtà u ma jidħlux fil-Car Park tal-iskola. Allura l-istudenti jridu jaslu sal-iskola bil-mixi.

• L-istudenti kollha, inkluż dawk li mhux se jużaw it-trasport tal-iskola, jingħataw PASS li għandu jiġi ppreżentat kif jidħlu u joħorġu mill-iskola. Għalhekk dan il-Pass għandu jinżamm f’tag u għandu jkun KULJUM fuq l-istudenti. F’każ li jintilef, għandu jiġi infurmat immedjatament l-Assistent Kap, is-Sur M. Calleja permezz ta’ email.

• L-istudenti li jaslu kmieni huma mħeġġa biex iġibu magħhom xi ktieb tal-qari sakemm jistennew li tibda l-iskola. Xogħol bilmiktub mhux permess f’dan il-ħin. Dan għandu jsir bil-kwiet id-dar kif inhu xieraq.

Il-Ġurnata tal-Iskola

• L-istudenti mhux se jkollhom il-klassi tagħhom. Għalhekk huma għandhom imorru fil-klassi/laboratorju tas-suġġett fil-ħin.

• Il-klassijiet tagħna huma kbar u bl-apparat elettroniku kollu meħtieġ għal tagħlim modern. Importanti li l-istudenti jibżgħu għall-apparat ta’ kull klassi. Mhux permess li l-istudenti jużaw l-apparat elettroniku – l-Interactive Whiteboard u l-kompjuter –jekk mhux bil-permess tal-għalliema.

• Il-breaks ikunu f’ħin wieħed għall-istudenti kollha. L-istudenti kollha jridu joħorġu fl-areas rikreattivi tal-iskola u ħadd m’għandu jibqa’ fil-klassi. L-iskeda tal-ġurnata toffri break qasir ta’ kwarta u break ieħor ta’ 40 minuta (daqs lezzjoni). F’dan ilbreak it-twil, l-iskola toffri numru ta’ klabbs li l-istudenti jistgħu jingħaqdu fihom għal tagħlim informali li jinkludi sports, drama, kant, xogħol tal-idejn, żfin u attivitajiet oħra li jinżlu għasel mal-istudenti.

 Il-Garanzija ta’ Ambjent Sigur

• Persuni mhux awtorizzati ma jitħallewx jidħlu l-iskola. Dan ifisser li l-istudenti u l-istaff awtorizzat BISS jitħalla jidħol l-iskola.

• Tajjeb li intom il-ġenituri/kustodji tikkomunikaw magħna bit-telefon jew b’imejl. Jekk tiġu l-iskola tridu tistennew firReception tal-iskola sakemm il-persuna li tridu titkellmu magħha tkun vakanti, jekk ma jkunx hemm appuntament.

• L-iskola żżomm rekord bid-dettalji tal-persuni awtorizzati kollha li jidħlu fil-bini tal-iskola.

 F’Każ ta’ Mard

• Jekk xi student iħossu ma jiflaħx waqt il-ġurnata tal-iskola, il-ġenituri/kustodji jintalbu biex jiġbru t-tifel/tifla tagħhom mirReception. Hemmhekk ikun hemm l-Uffiċjal tas-Sigurtà u jintalbu jiffirmaw u jniżżlu l-ħin li fih jittieħed it-tifel/tifla mill-iskola. Huwa importanti ħafna li l-ġenituri/kustodji jikkoperaw immedjatament u jikkuntattjaw it-tabib tal-familja.

• L-istudent irid jippreżenta ċ-ċertifikat mediku biex jirritorna lura l-iskola.

 Nedukaw lil Uliedna

Il-ġenituri/kustodji huma wkoll imħeġġa biex jissapportjaw il-benesseri ta’ kulħadd billi:

✓ jfissru lit-tfal tagħhom li t-tgħanniq u l-logħob bl-idejn mhumiex permessi;

✓ juru lit-tfal tagħhom kif għandhom jaħslu idejhom sew bl-ilma u s-sapun;

✓ jgħallmu lit-tfal tagħhom biex ma jmissux wiċċhom, imneħirhom, ħalqhom u għajnejhom jekk ma jkunux ħaslu jew iddiżinfettaw idejhom immedjatament qabel;

✓ jgħallmu lil uliedkom jirrispettaw lil kulħadd, hu min hu u hi min hi.

 Il-Kotba tal-Iskola

• Fl-ewwel ġranet tas-sena skolastika l-istudenti jingħataw it-textbooks kollha tat-tagħlim b’self għal sena skolastika. Dan ifisser li huma għandhom iġibu magħhom basket imdaqqas biex ikunu jistgħu jwassluhom id-dar. Huwa importanti li l-istudenti jġibu magħhom il-formola tat-textbooks mogħtija lilhom mil-librara, iffirmata mill-ġenituri/kustodji hekk kif jingħataw dawn il-kotba.

• Huwa importanti li dawn il-kotba jinksew, ikollhom label b’isem u kunjom l-istudent/a u jinżammu b’kura sħiħa. Mhux permess taħżiż jew tbajja’ fuq il-kotba. Tajjeb tkunu tafu li hemm kotba jiswew mal-€40. F’każ ta’ telf ta’ ktieb jew nuqqas fiż-żamma tiegħu, dawn il-kotba jkollhom jitħallsu. L-ebda ktieb ma jkun jista’ jinbidel matul is-sena skolastika.

 Informazzjoni

F’każ li jkollkom bżonn tikkuntattjaw l-iskola, tistgħu tagħmlu dan billi ċċemplu fuq: 2598 7700 jew tużaw l-email tal-iskola sic.handaq.ms@ilearn.edu.mt. Il-ġenituri jistgħu jaslu biss sar-Reception.

 Informazzjoni oħra:

L-użu tad-djarju

• Id-djarju tal-Iskola jista’ jinxtara fl-ewwel ġurnata mingħand il-Form Teacher għall-prezz ta’ €4. Importanti li l-istudenti jġibu magħhom il-flus eżatt għal dan id-djarju fl-ewwel ġurnata f’envelopp magħluq bl-isem u l-klassi tal-istudent/a.

• Id-djarju għandu jinkesa u fih, barra li għandha tinkiteb l-informazzjoni personali korretta, għandha tinkiteb kull biċċa xogħol li tingħata lill-istudenti mill-għalliema.

• Id-djarju għandu jiġi ffirmat kull ġimgħa u jekk ikollok xi kumment u/jew suġġeriment tista’ tikteb fuqu biex l-istudenti juruh lill-Form Teacher u tkun tista’ tittieħed azzjoni. Il-Form teachers jiċċekkjaw id-djarju tal-istudenti għall-firma tal-ġenituri waqt il-Form-time.

• Id-djarju jista’ jservi ta’ mezz ta’ komunikazzjoni bejn l-iskola u d-dar. Il-ġenituri/kustodji huma fid-dmir li jiċċekkjaw iddjarju u jiffirmaw fejn hemm bżonn.

L-Użu tal-lockers

• L-iskola toffri s-servizz tal-lockers għall-istudenti kollha.

• L-użu tal-lockers huwa regolarizzat permess ta’ kodiċi li jistipula tliet ħinijiet fil-ġurnata meta jistgħu jintużaw il-lockers. Mhux permess li xi ħadd juża l-lockers fil-ħinijet tal-lezzjonijiet jew attivitajiet oħra fl-iskola.

• Il-lockers mhumiex fil-klassijiet iżda f’area fejn l-istudenti jieħdu r-rikreazzjoni tagħhom.

• Importanti li dawk l-istudenti li jixtiequ jużaw il-lockers jaqraw sew iċ-ċirkulari tal-lockers mibgħuta lilkom fil-bidu tas-sajf u jimlew l-informazzjoni mitluba. Il-prezz ta’ kull locker huwa €7. Importanti li ġġibu magħkom il-flus bl-eżatt fl-ewwel ġurnata f’envelopp magħluq bid-dettalji tagħkom.

Affarijiet oħra:

• L-attendenza tittieħed KULJUM u l-puntwalità hija importanti ħafna. Iċ-ċertifikati tal-mard iridu jiġu ppreżentati fl-uffiċċju kamra 029 l-iskola jew jintbagħtu b’imejl

• L-uniformijiet u l-basktijiet għandhom jinħaslu b’mod regolari.

• Ħudu ħsieb li t-tfal ma jiħdux affarijiet li ma jkollhomx bżonnhom l-iskola. Tajjeb li tiċċekkjaw il-basktijiet tagħhom b’mod regolari qabel joħorġu għall-iskola.

• Aħna ninkoraġġixxu lilkom ġenituri/kustodji biex tagħtu lit-tfal ikel san ħalli dan ikun jista’ jsaħħilhom is-sistema immunitarja. Fl-iskola, se nkomplu nkattru l-imħabba għal stil ta’ għajxien aktar san.

• L-istudenti jistgħu jagħmlu użu wkoll mill-Vending Machines (mhux canteen) fil-ħinijiet tal-Break biss. Dawn il-Vending Machines huma mgħammra b’affarijiet żgħar ta’ ikel u xorb skont ir-regoli tas-saħħa.

• It-tfal għandhom bżonn bejn 8 sa 10 sigħat irqad. Tħallux lit-tfal jibqgħu jilagħbu sa tard billejl jew tħallulhom mobiles, tablets, kompjuters, eċċ., fil-kmamar tas-sodda tagħhom għaliex jistgħu jqumu billejl u joqogħdu jilagħbu. Dan iġib nuqqas ta’ rqad li tirriżulta f’għeja u nuqqas ta’ attenzjoni matul il-ġurnata.

• L-ibbuljar QATT mhu aċċettat. Il-ġenituri/kustodji huma mħeġġa jgħallmu lil uliedhom ikunu ġenerużi u jaħfru lil xulxin. Aħna l-adulti għandna nagħtu eżempju tajjeb.

• Jekk ikun hemm xi ħaġa li tinkwetakom, ċemplu l-iskola mill-ewwel biex il-problema tkun tista’ tiġi diskussa u riżolta bilkalma u b’mod immedjat kemm jista’ jkun.

• Meta l-iskola u l-ġenituri jaħdmu id f’id, it-tfal ikunu aktar kuntenti u jmorru aħjar fl-istudji tagħhom.

L-istudenti se jattendu l-ewwel ġurnata bil-polo t-Shirt u chino trousers (qalziet). Meta jkollhom il-lezzjoni tal-PE, l-istudenti jilbsu t-T-Shirt (round neck) u l-qalziet tat-tracksuit. Is-slipper ikun abjad jew iswed. Il-kalzetti jkunu griżi (salgħarqub – ankle socks). Infakkru li x-xagħar irid ikun miġbur u nadif u mingħajr linji u disinji Importanti li jitneħħew kuluri mix-xagħar. Is-subien iżommu x-xagħar pulit imma mhux imqaxxar baxx ħafna. Mhux permessi dwiefer, ġojjellerija u affarijiet elettroniċi (mobiles jew tablets).

Il-basket tal-iskola jkun ta’ kulur skur. Importanti li għall-ewwel ġurnata l-istudenti jġibu magħhom pakkett fullscaps, pocket, flus tad-djarju u lunch. Il-karti bl-informazzjoni tal-bidu tal-iskola kellhom jintbagħtu lura l-iskola bil-posta jew email. It-text books u l-listi tal-istationery tas-suġġetti jibdew jitqassmu bil-mod il-mod matul l-ewwel ġranet tal-iskola mill-għalliema rispettivi.

Dati importanti marbuta mal-Ewwel Term:

• L-Erbgħa 25 ta’ Settembru: Bidu tas-Sena Skolastika

• Il-Ħamis 24 t’Ottubru: Laqgħa Kurrikulari għall-ġenituri tal-istudenti tas-Seba’ Sena (Year 7) fis-sala tal-iskola

• Il-Ġimgħa 25 t’Ottubru: Laqgħa Kurrikulari għall-ġenituri tal-istudenti tat-Tmien Sena (Year 8) fis-sala tal-iskola

• L-Erbgħa 30 t’ Ottubru: CoPE training għall-edukaturi. L-istudenti ma jkollhomx skola.

• Il-Ġimgħa 1, it-Tnejn 4, it-Tlieta 5 u l-Erbgħa 6 ta’ Novembru: Vaganzi tal-Ewwel Term

• Il-Ħamis 12 ta’ Diċembru: Vaganza minflok dik tat-8 ta’ Diċembru.

• Il-Ġimgħa 13 ta’ Diċembru: Festa Pubblika

• Il-Ġimgħa 20 ta’ Diċembru: l-aħħar ġurnata tal-Ewwel Term

• Mit-Tnejn 23 ta’ Diċembru sat-Tnejn 6 ta’ Jannar 2025: Vaganzi tal-Milied

• It-Tlieta 7 ta’ Jannar 2025: L-ewwel ġurnata tat-Tieni Term

Dati importanti oħra marbuta mal-kumplament tas-Sena Skolastika:

• It-Tnejn 3, it-Tlieta 4 u l-Erbgħa 5 ta’ Marzu 2025: Il-Vaganzi tal-Karnival

• Mill-Erbgħa 16 sal-Ġimgħa 25 t’April 2025: Il-Vaganzi tal-Għid

Bħal dejjem, aħna nirringrazzjawkom tal-koperazzjoni tagħkom u nħarsu ’l quddiem biex nilqgħu lil uliedkom għas-Sena Skolastika 2024-2025

Dr M Montebello

Kap tal-iskola

Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.