26 | Flimkien
G Ħ E L U Q I L- Ġ U B L E W TA L- Ħ N I E N A
Il-Bieb jibqa’ miftuħ! J ien il-Bieb li nfetaħ f’Diċembru li għadda fil-bidu tal-Ġublew tal-Ħniena. F’Novembru se nerġa’ ningħalaq … sakemm ninfetaħ mill-ġdid f’ġublew ieħor – min jaf meta! Imma din id-darba, fil-fatt, se nibqa’ miftuħ. Nibqa’ miftuħ biex in-nagħaġ li jkunu jridu jerġgħu lura jsibuni mbexxaq. Jien il-bieb tad-dar tal-Missier, u se nibqa’ miftuħ biex kwalunkwe iben ħali li jogħġbu jerġa’ lura, isib minn fejn jidħol, isib min jistennieh u jilqgħu, u ssir festa kbira. Jien il-bieb tad-dar ta’ Żakkew, u nibqa’ miftuħ beraħ għall-oħrajn, anki jekk ikun hemm min joqgħod jitkaża u jiġġudika. Jien il-bieb tad-dar tar-raġel għani … imma din id-darba l-fqir ta’ ħdejn il-bieb mhux se jkollu jibqa’ jikkuntenta ruħu b’dak li jaqa’ minn fuq il-mejda. Jien il-bieb li xi drabi nissejjaħ “il-bieb id-dejjaq”, imma jien inwassal għall-ħajja ta’ dejjem. Jien il-bieb li se jibqa’ miftuħ anki billejl – kif kont nibqa’ miftuħ għal Nikodemu li kien jiġi bil-moħbi, bil-biża’, dejjem jistaqsi “Kif jista’ jkun?”
Jien il-bieb tad-djar li daħal fihom Ġesù: id-dar ta’ Pietru, id-dar ta’ Marta u Marija, id-dar ta’ Xmun il-Fariżew, il-bieb tad-dar ta’ Mattew. Jiena l-bieb ta’ kwalunkwe dar fejn Ġesù jħossu milqugħ, iħossu komdu jidħol, jgħammar, joqgħod madwar il-mejda. Jien il-bieb ta’ dik id-dar f’Għemmaws, ilĦadd filgħaxija – kull meta tħoss li jkun sar ħafna ħin u l-jum wasal biex jintemm. Jien il-bieb tal-qabar ta’ Lazzru – li nfetaħ għall-kelma setgħana tiegħu, li hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Jien il-bieb tal-lukanda, u did-darba se “jkun hemm post għalihom” anki jekk jaslu f’ħin skomdu, f’dgħajsa mċattra, maħruba minn arthom, u ma jistgħux iħallsuk lura. Jien il-bieba tal-konfessjonarju – m’iniex il-bieb ta’ tribunal u ma ningħalaq f’wiċċ ħadd. Jien il-bieba tat-tabernaklu – ejja għandi meta tinsab imħabbat u mtaqqal, u jien inserrħek. Jien il-bieb li tista’ tgħaddi minnu … anki jekk laħqet saret l-aħħar siegħa. Jien il-bieb, imma ċ-ċavetta fuq in-naħa ta’ ġewwa – f’idejk!