
2 minute read
IĊ‑ĊENTRU LINDALVA
Iċ‑Ċentru Lindalva jinsab fil‑Kambodja. Dan huwa post fejn it‑tfal huma mħarsa u maħbubin. Sor Eulie Desacula, li tmexxi ċ‑ċentru, tgħallem lit‑tfal dwar Alla li jħobbna ħafna; aħna min aħna u ngħixu fejn ngħixu.
Il‑Kambodja huwa pajjiż tal‑Asja.fix‑XlokkIċ‑Ċina tinsab fit‑Tramuntana u l‑Indja tinsab fil‑Punent ta’ dan il‑pajjiż.
Il‑belt kapitali tal‑Kambodja hija
Phnom Phen u l‑lingwa uffiċjali hija l‑Khmer. Il‑popolazzjoni hija ta’ kważi 17‑il miljun ruħ.
Il‑ġenituri ta’ dawn it‑tfal marru jgħixu fil‑belt biex isibu xogħol, imma ma jaqilgħux biżżejjed flus sabiex jibagħtuhom l‑iskola. Għalhekk, it‑tfal jitħallew waħedhom id‑dar il‑ġurnata kollha u lanqas biss jistgħu joħorġu jilagħbu barra għax mhux sigur.
Jiena Chea u għandi sitt snin. Il‑ġenituri tiegħi jaħdmu iebes ħafna għal ħinijiet twal, u jiena jkolli nibqa’ d‑dar waħdi.
Sor Eulie xtaqet tagħti sapport lil Chea u tfal oħra bħalha. Hija talbet lil MissioTfal biex jgħinuha tiftaħ skola għal dawn it‑tfal imsejħa ċ‑Ċentru Lindalva. Hawn it‑tfal tal‑ħaddiema migranti jiġu mħarsa, filwaqt li jattendu għal lezzjonijiet edukattivi.
Aħna ningħataw ukoll l‑ikla ta’ nofsinhar, u nħossuna siguri u kuntenti.
Aħna nitgħallmu ħafna affarijiet ġodda u nilagħbu ma’ sħabna.
Sor Eulie, flimkien mas‑Sorijiet Ulied il‑Karità, ilhom għal dawn l‑aħħar għaxar snin jipprovdu edukazzjoni u kura lil tfal żvantaġġjati. Sor Eulie, li twieldet fil‑faqar, temmen li l‑edukazzjoni għandha tingħata kmieni kemm jista’ jkun fil‑ħajja tal‑individwu.
“Aħna nuruhom li nħobbuhom u li huma stmati. Aħna l‑‘Knisja’ u aħna nġibulhom lil Kristu. Nemmnu li dawn it‑tfal huma l‑aktar vulnerabbli u kull darba li nieħdu ħsiebhom, nemmnu li nkunu qed nieħdu ħsieb lil Ġesù,” tgħid Sor Eulie.
Permezz tat‑talb u l‑azzjonijiet tagħna, aħna nistgħu ngħinu lit‑tfal ta’ kullimkien isiru jafu dan ukoll.
Grazzi għat‑talb tiegħek u talli taqsam dak li tista’ ma’ MissioTfal, it‑tfal fiċ‑Ċentru Lindalva jitgħallmu u jibqgħu siguri waqt li l‑ġenituri tagħhom imorru jaħdmu.
Warrab xi ħaġa tal‑flus mill‑‘pocket money’ tiegħek u agħtiha lil MissioTfal sabiex tgħin tfal żvantaġġjati minn madwar id‑dinja kollha.
Fiċ‑Ċentru Lindalva, Sor Eulie turi lit‑tfal kemm huwa importanti li nħobbu lil xulxin, eżatt bħalma tfakkarna is‑silta mill‑Bibbja t’hawn taħt.
“Alla jħobbkom, għalhekk dejjem għamlu dawn l‑affarijiet:
● Uru ħniena mal‑oħrajn, u kunu qalbkom tajba, umli, ġentili u paċenzjużi.
● Tkunux irrabjati ma’ xulxin, imma aħfru lil xulxin.
● Jekk xi ħadd jagħmlilkom il‑ħsara, aħfrulu.
● Aħfru lil xulxin għaliex il‑Mulej ħafer lil kulħadd.
● Agħmlu dawn l‑affarijiet kollha, imma l‑aktar importanti huwa li tħobbu lil xulxin.
● L‑imħabba hija li żżommna lkoll flimkien.”
(Addattat minn 3 Kol. 12‑14)
Il‑Kontinent Asjatiku huwa l‑akbar kontinent tal‑pjaneta tagħna, kemm fid‑daqs kif ukoll meta nikkunsidraw il‑popolazzjoni. Ġeografikament, dan il‑kontinent jikkonsisti f’madwar 30% tal‑art totali tad‑dinja. Il‑kontinent, li ilu dar għall‑maġġoranza tal‑popolazzjoni umana, kien is‑sit ta’ ħafna mill‑ewwel ċiviltajiet. L‑4.7 biljun ruħ tiegħu jikkostitwixxu bejn wieħed u ieħor 60% tal‑popolazzjoni tad‑dinja. F’termini ġenerali, l‑Asja tmiss mil‑Lvant mal‑Oċean Paċifiku, min‑Nofsinhar mal‑Oċean Indjan u mit‑Tramuntana mal‑Oċean Artiku. Il‑kontinent Asjatiku jinkludi 49 pajjiż, li huma membri tan‑Nazzjonijiet Uniti.
Xi fatti:
● Iċ‑Ċina – il‑pajjiż li għandu l‑akbar popolazzjoni
● Ir‑Russja – l‑akbar pajjiż bħala daqs u skont iż‑żona
● Ir‑Russja u t‑Turkija ‑ jaqsmu parti mit‑territorju tagħhom mal‑Kontinent Ewropew
● Il‑Palestina u t‑Tajwan ‑ għandhom biss rikonoxximent internazzjonali limitat
● Singapor ‑ l‑aktar pajjiż sinjur, modern u influwenti fid‑dinja
● Tokjo fil‑Ġappun ‑ l‑akbar belt
● Il‑Maldivi ‑ l‑iżgħar pajjiż li jikkonsisti f’aktar minn 1,190 gżira
● Is‑Siberja – l‑aktar pajjiż kiesaħ fid‑dinja
● 12‑il pajjiż li m’għandhomx aċċess għall‑baħar – l‑Armenja, il‑Bhutan, il‑Laos, in‑Nepal, il‑Mongolja, l‑Afganistan, l‑Ażerbajġan, il‑Każakstan, il‑Kirgiżistan, it‑Taġikistan, it‑Turkmenistan u l‑Użbekistan.
● Borneo – l‑akbar gżira fl‑Asja u t‑tielet l‑akbar gżira fid‑dinja
● Ix‑Xmara Yangtze ‑ l‑itwal fil‑Kontinent Asjatiku u t‑tielet l‑itwal xmara fid‑dinja
● Il‑Muntanja Everest – l‑ogħla muntanja li tinsab fil‑firxa tal‑Muntanji tal‑Ħimalaja