
1 minute read
SENS TA’ GRATITUDNI – ‘GRAZZI’
Jien naħseb li intom it‑tfal tafu xi tfisser il‑kelma ‘grazzi’. Nistaqsu ftit lilna nfusna: “Illum kemm‑il darba għedt grazzi u lil min?” Li wieħed jg ħid grazzi mhix xi ħaġa sempliċi ment edukattiva, jiġifieri biex inkun edukat/a, iżda fuq kollox il‑kelma grazzi turini kif inħares lejn l‑affarijiet u lejn id‑dinja ta’ madwari.
Għadna kif spiċċajna s‑Sena 2022. Il‑Knisja tħobb tagħlaq is‑sena billi trodd ħajr lil Alla ta’ dak kollu li għamel magħha matul is‑sena li tkun għaddiet. Dan tagħmlu għaliex tagħraf li kienu ħafna l‑grazzji li Alla ta lill‑Knisja u lill‑Insara, u għalhekk tħoss il‑bżonn li tgħidlu grazzi għax taf ukoll li mingħajr
Ġesù ma kienet tagħmel xejn. Qaddisa ċkejkna, Santa Tereża tal‑Bambin Ġesù, kienet tħobb tirringrazzja ta’ kuljum lil
Ġesù ta’ tant grazzji li jkun taha matul il‑ġurnata. Mhux hekk biss, iżda wara li kienet tagħmel lista twila ħafna ta’ ringrazzjamenti lil Ġesù, kienet tispiċċa r‑ringrazzjament tagħha billi tgħid lil
Ġesù: “U nixtieq nirringrazzjak ta’ tant grazzji oħra li jien ma nafx bihom, imma li jien fiż‑żgur li inti tajtni.” Ġieli qabel mort torqod għedtlu ‘grazzi’ lil Ġesù?
Ta’ xiex għedtlu grazzi? Ġesù jagħmel magħna ħwejjeġ kbar u għalhekk għandna ta’ kuljum, qabel norqdu, ngħidulu grazzi ta’ dak kollu li jkun għamel magħna matul il‑ġurnata. Jekk nidra nagħmel dan ta’ kuljum, allura nibda nħobb iktar lil Ġesù għax nibda nagħraf iktar kemm iħobbni u jieħu ħsiebi. Mhux ta’ b’xejn li l‑ikbar talba tagħna hija l‑Quddiesa: l‑Ewkaristija, għax il‑kelma Griega ‘Ewkaristija’ tfisser ‘ringrazzjament, radd il‑ħajr’. Fil‑Quddiesa aħna ngħidu grazzi lil Alla ta’ dak kollu li jagħmel magħna.
Qabel ma nagħlaq nixtieq nistaqsikom jekk illum għedtux ‘grazzi’ lill‑mamà, lill‑papà, lill‑għalliema u lil tant nies oħra li għenukom. Jekk le, qisu li minn din is‑sena tibdew tużaw iktar il‑kelma ‘grazzi’ ma’ Alla u mal‑bnedmin.
Nawguralkom is‑sena t‑tajba u l‑Mulej iberikkom.