1 minute read

Messaġġ Għall‑Ġurnata Missjunarja 2021

Next Article
Riżorsi

Riżorsi

Ghax ahna MA NISTGHUX MA NITKELLMUX FUQ DAK LI RAJNA U SMAJNA

ATTI 4:20

Iċ‑ċelebrazzjoni tal‑Ġurnata Missjunarja Dinjija hija okkażjoni biex mill‑ġdid nisħqu fuq it‑talb, ir‑riflessjoni u l‑għajnuna materjali tagħna sabiex ikunu opportunità ħalli nieħdu sehem attiv fil‑missjoni ta’ Ġesù fil‑Knisja tiegħu.

L‑għan tal‑ġbir li jsir waqt iċ‑ċelebrazzjonijiet liturġiċi tat‑Tielet Ħadd t’Ottubru, u li permezz tiegħu nuru l‑imħabba tagħna, huwa li jsostni l‑ħidma missjunarja li ssir f’isem il‑Papa mill‑Opri Missjunarji Pontifiċji (Missio) sabiex tingħata l‑għajnuna spiritwali u materjali lill‑popli u lill‑knejjes fid‑dinja kollha, għas‑salvazzjoni ta’ kulħadd.

Papa Franġisku għoġbu jagħżel it‑tema: “Għax aħna ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna.” (Atti 4:20)

Dan huwa l‑appell annwali tal‑Knisja Kattolika madwar id‑dinja kollha, li fil‑gżejjer Maltin hija rappreżentata minn Missio Malta, għall‑Ġurnata Missjunarja 2021, li din is‑sena ser taħbat nhar il‑Ħadd 24 t’Ottubru. Ottubru huwa x‑xahar missjunarju madwar id‑dinja fejn il‑Knisja tfakkar ix‑xogħol imprezzabbli fil‑missjoni, u titlob u tqajjem kuxjenza fuq pajjiżi foqra u l‑bżonnijiet tagħhom. Apparti minn hekk, kull donazzjoni li tinġabar fil‑Ġurnata Missjunarja tmur għall‑bżonnijiet tal‑knejjes, skejjel, sptarijiet kif ukoll vokazzjonijiet fejn il‑Knisja għadha ġdida, żgħira jew fqira.

Papa Franġisku jgħidilna li l‑istess bħall‑appostli u l‑ewwel Insara, aħna wkoll nistgħu ngħidu b’konvinzjoni sħiħa: “Għax aħna ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna.” (Atti 4:20) Kull ħaġa li rċivejna u nirċievu mingħand il‑Mulej għandha tkun imħaddma tajjeb, u għandha tiġi maqsuma ma’ ħaddieħor. Hekk kif l‑appostli raw, semgħu u messew lil Ġesù, hekk aħna wkoll nistgħu nmissu t‑tbatija u l‑glorja ta’ Ġesù. Bħala Nsara, ma nistgħux inżommu lil Alla għalina nfusna, imma jeħtieġ li nevanġelizzaw.

This article is from: