3 minute read

Mill-pinna ta’ Dr Coronato Grech

Xiqaddisinfil-qwiel

(. . .ikompli mill-ħarġa ta’ Lulju)

Advertisement

Għal San Annard (6 ta’ Novembru) l-isponsun ma jmiddx saqajh ma’ l-art. Għal bidu ta’ Novembru passa tal-għasafar tibda tonqos.

-isem proprju ta’ San Annard huwa Leonardu ta’ Nabloc (seklu 6), eremit Franċiż li ġabar madwaru xi patrijiet (ġeneralment ppreżentat bħala patri bil-ktajjen f’idu) u patrun tal-priġunieri, nisa fil-ħlas u mard tal-bhejjem, speċjalment baqar u żwiemel.

Għal San Annard ibża’ għall-art għax it-tgħaffiġ jagħmlilha l-mard.

F’Novembru tkun għamlet ix-xita u jekk tirfes iżżejjed il-ħamrija titballat.

Madankollu, tant bħalissa jkun żmien iż-żriegħ, li qawl ieħor jagħti l-parir biex dan isir (b’attenzjoni ta’ min jassumi). Għal San Annard iżra’ f’kullart.

(. . .aktar qwiel fil-ħarġa tax-xahar id-dieħel)

Il-Ħanżir

Il-ħanżir hu annimal imniġġes għal-Lhud: “il-ħanżir ukoll hu mniġġes għax, għalkemm difrejh maqsumin, ma jixtarrx” (Dewt 14,8). Meta Ġesù keċċa leġjun xjaten u tefagħhom f’merħla qżieqeż kien f’territorju mhux Lhudi, f’Gerasin: “mela kien hemm merħla kbira ta’ ħnieżer jirgħu fuq l-għolja” (Lq 8,32). Xi popli kienu joffru dan il-laħam f’riti superstizzjużi u mbagħad setgħu jikluh: “joffru sagrifiċċji fil-ġonna. . . li jieklu laħam il-ħanżir...” (Is 65,3-4; 66,3-7).

Għal-Lhud kien xogħol baxx li trabbi l-ħnieżer: “mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer (Lq 15,15). Elgħażar u s-sebat aħwa flimkien ma’ ommhom ppreferew imutu milli jieklu minn laħam il-majjal (1 Mak 1,47; 2 Mak 7, 1). Fil-ktieb tal-Proverbji: “bħal ħolqa tad-deheb fi mnieħer ħanżir, hi mara sabiħa imma bla għaqal” (Prov 11,22). Ġesù jwissi: “tixħtux il-ġawhar tagħkom quddiem il-ħnieżer li ma jmorrux jgħaffġuhom b’saqajhom u mbagħad iduru għalikom u jqattgħukom bi snienhom” (Mt 7,6). San Pietru jxebbah lil min reġa’ lura għad-dnub ma’: “il-ħanżira l-maħsula titmiegħek fit-tajn” (2 Pt 2,22). Fil-Bibbja nsibu wkoll referenza waħda għall-ħanżir selvaġġ li kien komuni fil-Palestina: “iħarbatha l-ħanżir selvaġġ, il-bhejjem tar-raba’ jirgħu fiha” (Salm 80,14).

F’Settembru 2015, żewġt iklieb ħarbu flimkien minn ċentru tal-annimali. Fettxewhom imma ma sabuhomx. Ippretendew li jiġu lura meta jagħtihom il-ġuħ. Ma ġewx iżda ġimgħa wara xi nies irrapportaw li kien hemm kelb qisu mitluf fil-kampanja ta’ Vashon Island, fl-istat ta’ Washington, il-post fejn kien iċ-ċentru.

Il-voluntieri taċ-ċentru marru iżda ma sabu xejn.

Imma r-rapporti tal-kelb jinbaħ baqgħu deħlin. Saret tfittxija intensiva u fl-aħħar sabuhom. Wieħed minnhom kien waqa’ ġo bir bi ftit ilma u l-ieħor kien baqa’ miegħu biex jagħtih l-għajnuna kollha li seta’. U din l-għajnuna kien tahielu billi kien imur jinbaħ fejn jara xi nies u jerġa’ jitlaq jiġri lejn fejn kien sieħbu.

Iz-żewġt iklieb batew il-ġuħ għax għaddew 10 ijiem bogħod miċ-ċentru. Iżda l-imħabba lejn xulxin kienet iktar qawwija mill-ġuħ.

Tagħlima anki għalina l-bnedmin, hux veru.

Raġel f’Maryland f’Settembru 2015 ħa l-qatgħa ta’ ħajtu meta mar biex jgħum ftit fis-swimming pool li kellu d-dar u fl-ilma lemaħ kukkudrill ta’ xi 3 piedi. Twerwer. Malajr ċempel lill-pulizija li ġew ma’ xi uffiċjali responsabbli mill-kontroll tal-annimali.

Il-kukkudrill malajr inqabad iżda la s-sid u lanqas il-pulizija ma jistgħu jifhmu kif dan il-kukkudrill spiċċa fejn spiċċa. Seta’ kien hemm xi ħadd li ried jeħles minnu u sab l-ewwel swimming pool u tefgħu fih. Jew forsi kien hemm xi ħadd li ried jagħmel ċajta goffa lir-raġel, sid id-dar. Biex jinkih u biex jarah jissaħħan jew biex iwerwru. Xi ħadd qal li forsi kienu xi ħallelin li ppretendew li r-raġel joħroġ ifittex l-għajnuna u xħin ikun barra jidħlu u jisirquh. Għexieren ta’ ideat iżda x’ġara sewwa ħadd ma jaf. Nafu biss li r-raġel ma riedx jgħum mal-kukkudrill. U għamel sew għax min jilgħab mal-periklu malajr jaqa’ fih. U dan ma jgħoddx biss ma’ min isib kukkudrill fis-swimming pool ta’ daru.

Dark Matter u Dark Energy

Dark Matter jagħmel 26% tal-Univers. Isejħulu hekk għax ma jidhirx u lanqas jixrob dawl. Ittenda bih l-ewwel darba Fritz Zwicky fl-1933 għax grupp ta’ galassji msejjaħ l-Coma Cluster ma jidhirx li kellu piż biżżejjed biex il-galassji jkollhom gravità biżżejjed biex joqogħdu ma’ xulxin. Imbagħad Vera Rubin u W. Kent Ford sabu li fi kwalunkwe galassja, il-piż li tista’ tara hu biss 10% ta’ dak li hemm bżonn biex iżomm il-kwiekeb iduru. Il-kwiekeb tan-naħa ta’ barra ta’ galassja għandhom l-istess veloċità jew anke iktar minn dawk ta’ ġewwa. Dawn il-fatti huma l-prova li jeżisti d-dark matter.

Fl-1998 żewġ timijiet urew li l-univers tagħna qed jaċċelera fil-mod kif qed jikber. L-univers tagħna qed jespandi, jiġifieri l-galassji qed jitbiegħdu minn xulxin għax qed jinħoloq spazju ġdid bejniethom. Bħal meta tonfoħ bużżieqa bit-tikek fuqha: it-tikek jitbiegħdu għax qed jinħoloq spazju ġdid bejniethom. Issa dawn sabu li l-veloċità li biha qed jitbiegħdu minn xulxin qiegħda tiżdied. Waslu għal din il-konlużjoni meta studjaw id-dawl minn supernovae tat-tip 1A. U rebħu l-Premju Nobel. Din l-imbuttatura li qed iżżid l-espansjoni sejħulha dark energy u tikkostitwixxi 70% tal-Univers.

Liema hi t-tajba x’ħin jew xħin?

X’ħin u xħin jeżistu t-tnejn fil-kitba tal-Malti, iżda jġorru tifsira differenti. Għalhekk ta’ min naraw xi jfissru eżatt biex niskopru liema waħda miż-żewġ eżempji t’hawn fuq għandna nużaw u f’liema ċirkostanza għandhom jintużaw it-tnejn li huma.

X’ħin (bl-appostrofu) nużawha biex nistaqsu għal xi ħin partikolari, pereżempju:

X’ħin se tibda l-logħba?

X’ħin se tasal Malta?

X’ħin ħa niltaqgħu llejla?

Mela fl-eżempji t’hawn fuq, it-tajba hija x’ħin.

Xħin (mingħajr l-appostrofu) nużawha meta nkunu rridu ngħidu ‘meta...’ jew ‘waqtli...’, bħalpereżempju:

Xħin nasal, inċempillek.

Xħin kont ħiereġ indunajt li ħallejt iċ-ċwievet warajja.

Xħin kont miexi rajtu dieħel fil-ħanut.

Tagħrif mogħti lilna minn Pristineworks Ltd.

Għal aktar tagħrif żuru: http://www.pristineworks.com

This article is from: