1 minute read

MADAME ORTENSJA PASKWALINA DE ROHAN

Picture book ġdid ta’ Clare Azzopardi dejjem aħbar sabiħa, għax kif taf tfassal l-istejjer għaż-żgħar hi u bl-istampi bellezza ta’ Moira Scicluna Zahra, ir-riżultat ma jistax ma jkunx ktieb stupend!

Dan il-ktieb ilaqqagħna ma’ Madame Ortensja Paskwalina de Rohan u man-neputija tagħha, Perla.

Advertisement

Għal min iħobb il-karnival, waħda mill-isbaħ partijiet ta’ din il-festa hi li tippjana x’kostum ġdid se ddandan. U jekk wieħed irid kostum speċjali, għand ħajjata waħda biss seta’ jmur: għand Madame Ortensja Paskwalina de Rohan.

Fil-karriera twila tagħha, Madame Ortensja, jew kif kien jafha kulħadd Madame, ħietet biżibilju kostumi. U kienet tħobbu ħafna l-karnival. Imma issa li kibret, l-istorbju u l-folol saru jdejquha u għalhekk il-karnival issegwih mill-gallarija flimkien ma’ Perla.

Iżda darba waħda Perla staqsiet liz-zija biex tħitilhom kostum kull wieħed u jinżlu jgawdu l-karnival. Madame ma riditx … u ftit ftit nibdew nifhmu li mhux il-folol li jżommuha ’l bogħod lil Madame, iżda tifkiriet oħra ta’ karnivali mgħoddija, wisq u wisq personali għaliha … Iżda n-neputija rasha iebsa u ma taqtax qalbha, u r-riżultat hu Karnival maġiku u speċjali għat-tnejn li huma.

Il-picture books ta’ Clare Azzopardi dejjem ikollhom żvolta partikolari. U dan mhux inqas. Apparti li dan il-ktieb huwa ċelebrazzjoni tat-tradizzjoni sabiħa tal-karnival, anke bil-kuluri festużi u l-istampi brijużi ta’ Scicluna Zahra, ifakkarna wkoll li mhux kulħadd iħobb il-briju u l-ġenn ta’ dawn il-jiem ta’ bluha. Hemm min iħossu waħdu u maqtugħ għalih.

Madame hija storja ħelwa immens li tqawwi l-qalb u tgħinna nirriflettu dwar kif nistgħu nkunu viċin u sensittivi mal-oħrajn.

Fost il-picture books ta’ Clare Azzopardi – li ħafna minnhom rebħu l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb apparti li huma kollha bestsellers – hemm Mingu, Il-Qtates ta’ max-Xatt, Is-Sinjura Klaws u Il-Ħanut tal-Ħelu Li Mar Dawra. Dan il-ktieb ġdid huwa l-ewwel kollaborazzjoni tagħha mal-illustratriċi u awtriċi Moira Scicluna Zahra, li wkoll rebħet bosta premjijiet għall-illustrazzjonijiet tagħha.

Madame Ortensja Paskwalina de Rohan huwa pubblikazzjoni ta’ Merlin Publishers u jinsab fil-ħwienet tal-kotba kollha kif ukoll fuq is-sit merlinpublishers.com.

Mistoqsija:

X’jisimha n-neputija ta’ Madame Ortensja Paskwalina de Rohan?

Ibagħtu r-risposta tagħkom lil: Kompetizzjoni Ktieb, KullĦadd, ONE Complex A 28B, Industrial Estate, il-Marsa MRS 3000, u tidħlu biċ-ċans li tirbħu l-ktieb MADAME ORTENSJA PASKWALINA DE ROHAN. Ir-rebbieħ jitħabbar nhar il-Ħadd 21 ta’ Mejju. Ir-rebbieħa huma mitluba jiġbru l-ktieb mill-ONE Complex, il-Marsa, billi jippreżentaw il-karta tal-identità, flimkien mal-ittra li se tintbagħtilhom minn din il-gazzetta, mit-Tlieta sal-Ġimgħa bejn id-09.00 u s-13.00, u s-Sibt bejn il-11.00 u l-16.00, festi pubbliċi esklużi.

Intant, ir-rebbieħa tal-ktieb ĠOMINA - ĦABEL TAT-TAJJAR hija:

Ġemma’ l-kupuni ta’ ħames ġimgħat wara xulxin kif ukoll wieġeb il-mistoqsija marbuta mal-aħbarijiet. Ibgħathom f’daqqa lil: KOMPETIZZJONI €100, KullĦadd, ONE Complex, A 28 B, Industrial Estate, Il-Marsa MRS 3000

Kemm waslu turisti f’pajjiżna fl-ewwel kwart ta’ din is-sena?

Isem:

Numru tat-telefown:

Tweġiba:

Indirizz:

This article is from: